Language of document : ECLI:EU:C:2011:387

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża C-155/11 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċedura

Bibi Mohammad Imran

vs

Minister van Buitenlandse Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Mohammad Imran u l-Minister van Buitenlandse Zaken (Ministru tal-Affarijiet Barranin) dwar rifjut ta’ dan tal-aħħar li joħroġ permess ta’ residenza provviżorju lil Mohammad Imran fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3        Fid-19 ta’ Ġunju 2009, Mohammad Imran ippreżentat, fl-ambaxxata Olandiża fi New Delhi (l-Indja), talba għal permess ta’ residenza provviżorju bil-għan li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi mar-raġel tagħha Safi.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2009, il-Minister van Buitenlandse Zaken ċaħad din it-talba.

5        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Awwissu 2009, Mohammad Imran ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni.

6        Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-tmint itfal ta’ Mohammad Imran, li sebgħa minnhom huma minuri, ilhom jirrisjedu b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-5 ta’ Awwissu 2009. Safi u t-tfal huma ċittadini Afgani. Safi qatt ma kellu permess ta’ residenza temporanju (ażil) skont l-Artikolu 29(a), (b) jew (ċ), tal-liġi tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenwet 2000).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2010, il-Minister van Buitenlandse Zaken iddikjara l-ilment ta’ Mohammad Imran bħala infondat peress li ma ġiex muri li hija għaddiet mill-eżami bażiku ta’ integrazzjoni ċivika mitlub mil-leġiżlazzjoni Olandiża. Skont il-Minister van Buitenlandse Zaken, Mohammad Imran ma invokat l-ebda element konkret li jikkontesta l-eżattezza jew il-kompletezza tar-rapport mediku tal-21 ta’ April 2009 stabbilit mit-tabib tal-fiduċja tal-missjoni diplomatika fi New Delhi, li minnu ma jirriżultax li hija tista’ tiġi eżentata minn dan l-eżami minħabba raġunijiet mediċi.

8        Fil-15 ta’ Marzu 2010, Mohammad Imran ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage.

9        Ir-Rechtbank ’s-Gravenhage tistaqsi jekk l-obbligu impost mil-leġiżlazzjoni Olandiża fuq membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jixtiequ jibbenefikaw mid-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja li jgħaddu, barra mill-pajjiż, minn eżami li jirrigwarda l-integrazzjoni ċivika, qabel ma jkunu jistgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, jikkostitwixxix interpretazzjoni stretta wisq tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86.

10      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva [2003/86] dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja jippermetti lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu lil membru tal-familja, previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun residenti b’mod regolari f’dan l-Istat Membru, esklużivament abbażi tal-fatt li dan il-membru tal-familja ma għaddiex, barra mill-pajjiż, mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika previst mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru?

2)      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti l-fatt li l-membru tal-familja inkwistjoni tkun l-omm ta’ tmint itfal, li sebgħa minnhom huma minuri, li jirrisjedu b’mod regolari f’dan l-Istat Membru?

3)      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti l-fatt li fl-Istat ta’ residenza huwa disponibbli tagħlim aċċessibbli għall-membru tal-familja fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru?

4)      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti l-fatt li l-membru tal-familja, fid-dawl tal-livell ta’ edukazzjoni tiegħu u tas-sitwazzjoni personali tiegħu, jiġifieri il-fajl mediku tiegħu, ikun f’pożizzjoni li jgħaddi minn dan l-eżami fil-futur qarib?

5)      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti l-fatt li ma għandu jsir l-ebda kontroll fid-dawl tal-Artikoli 5(5) u 17 tad-Direttiva [2003/86] dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?

6)      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti l-fatt li ċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi oħra huma eżentati mill-obbligu li jgħaddu, barra mill-pajjiż, mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, esklużivament abażi taċ-ċittadinanza tagħhom?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2011, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ skont proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ April 2011, l-Ewwel Awla laqgħet l-imsemmija talba.

13      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2011, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, il-Minister van Buitenlandse Zaken informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kien, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2011, u wara eżami mill-ġdid, iddikjara bħala fondat l-ilment ta’ Mohammad Imran tal-10 ta’ Awwissu 2009 u li, konsegwentement, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2010, li kontra tagħha kien ġie ppreżentat ir-rikors, kienet nulla u bla effett.

14      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2011, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li f’dik l-istess ġurnata kien inħareġ permess ta’ residenza provviżorju fil-konfront ta’ Mohammad Imran mill-ambaxxata Olandiża f’Islamabad (il-Pakistan). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li d-domandi preliminari ma għadhomx ta’ natura urġenti u titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proċedura prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, hija tqis li ma huwiex xieraq f’dan l-istadju li tiġi rtirata t-talba għal deċiżjoni preliminari peress li Mohammad Imran għadha ma rtiratx ir-rikors tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2010 u peress li hija tipprevedi li tippreżenta quddiemha rikors għad-danni.

 Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari

15      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jkollhom bżonn sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet li huma jkunu mitluba jiddeċiedu dwarhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I‑1149, punt 17; tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C‑225/02, Ġabra p. I‑523, punt 26, u d-digriet tal-14 ta’ Ottubru 2010, Reinke, C-336/08, punt 13).

16      F’din il-kawża, il-Gvern Olandiż indika lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2010, li kontra tagħha ġie ppreżentat ir-rikors fil-kawża prinċipali, hija nulla u bla effett, peress li, permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2011, l-ilment ta’ Mohammad Imran tal-10 ta’ Awwissu 2009 ġie ddikjarat bħala fondat wara eżami mill-ġdid.

17      Din l-informazzjoni ġiet essenzjalment ikkonfermata mill-qorti tar-rinviju permezz tal-ittra tagħha tat-30 ta’ Mejju 2011.

18      Għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal permess ta’ residenza provviżorju ppreżentata minn Mohammad Imran ġiet sodisfatta u li, għaldaqstant, il-kawża prinċipali ma għadx għandha skop.

19      Ċertament, permezz tal-imsemmija ittra tat-30 ta’ Mejju 2011, il-qorti tar-rinviju xtaqet li tkompli bit-talba għal deċiżjoni preliminari peress li Mohammad Imran tipprevedi li tippreżenta quddiemha rikors għad-danni.

20      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-preżentata ta’ tali rikors hija biss eventwali u ipotetika f’dan l-istadju.

21      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwsitjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza García Blanco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28, u d-digriet tal-24 ta’ Marzu 2009, Nationale Loterij, C‑525/06, Ġabra p. I‑2197, punt 10).

22      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

23      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.