Language of document : ECLI:EU:C:2014:586

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Mejju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 50 u 52 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Artikolu 54 — Kunċetti ta’ sanzjoni ‘infurzata’ u ‘fil-proċess li tiġi infurzata’”

Fil-Kawża C‑129/14 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2014, fil-proċeduri kriminali kontra

Zoran Spasic,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Safjan, C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), D. Šváby, E. Jarašiūnas, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tad-19 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2014, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, inkonformità mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2014 tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Z. Spasic, minn A. Schwarzer, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Ventrella, avvocato dello Stato,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn P. Plaza u Z. Kupčová, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KFS”), dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ukoll il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mressqa fil-Ġermanja kontra Z. Spasic fir-rigward ta’ aġir qarrieqi li huwa wettaq fl-Italja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        L-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, jinsab fit-Titolu VI tagħha, li huwa intitolat “Ġustizzja”. Dan l-artikolu huwa fformulat hekk:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”

4        Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta għandhom jiġu interpretati inkonformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-Ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

5        Intitolat “L-ambitu [...] ta’ drittijiet” iggarantiti, l-Artikolu 52 tal-Karta, li jinsab fit-Titolu VII, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Karta”, jipprovdi:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[...]

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[...]

7.      L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

6        L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”) jippreċiżaw, fir-rigward tal-Artikolu 50 tal-Karta, li r-regola ta’ ne bis in idem tapplika mhux biss bejn id-diversi qrati tal-istess Stat, iżda wkoll bejn il-qrati ta’ diversi Stati Membri, u li dan jikkorrispondi mal-acquis fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawn l-ispjegazzjonijiet dwar l-istess Artikolu 50 jirreferu b’mod speċifiku għall-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS filwaqt li jispeċifikaw li l-eċċezzjonijiet limitati ħafna li permezz tagħhom l-imsemmija artikoli jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ta’ ne bis in idem huma koperti mill-klawżola orizzontali li tinsab fl-Artikolu 52(1) dwar il-limitazzjonijiet.

 Il-KFS

7        Il-KFS kienet konkluża bil-għan li jiġi implementat il-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3).

8        L-Artikolu 54 tal-KFS jinsab fil-Kapitolu 3, li huwa intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, li jinsab fit-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

 Il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea

9        Il-KFS ġiet inkluża fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU C 321, 29.12.2006, p. 191, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Schengen”), bħala parti mill-“acquis ta’ Schengen”, kif iddefinit fl-anness ta’ dan il-protokoll. Dan il-protokoll awtorizza tlettax-il Stat Membru sabiex jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

10      Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen, ir-Repubblika Taljana kienet sadanittant saret ukoll Parti Kontraenti tal-KFS.

11      L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi protokoll huwa fformulat hekk:

“[...]

Il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] [...] għandu jiddetermina, b’konformità mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattati, il-bażi legali għal kull waħda minn dawn id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta’ Schengen.

F’dak li jirrigwarda dawk id-disposizzjonijiet u deċiżjonijiet u skond dik id-determinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] għandha teżerċita il-funzjonijiet mogħtija lilha bid-disposizzjonijiet rilevanti applikabli tat-Trattati. [...]

Sakemm il-miżuri msemmija hawn fuq ma jkunux ittieħdu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, paragrafu 2, id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkonstitwixxu l-Acquis ta’ Schengen għandhom jitqiesu bħala atti bbażati fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

12      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE, tal-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, b’konformità mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152), kienet ġiet adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta’ Schengen. Mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/436 u mill-Anness A tagħha jirriżulta li l-Kunsill identifika l-Artikolu 34 UE u l-Artikolu 31 UE bħala bażijiet legali għall-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS.

 Il-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea

13      Il-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 115, p. 290), anness mat-Trattat FUE, awtorizza lil ħamsa u għoxrin Stat Membru sabiex, fil-qafas legali u istituzzjonali tal-Unjoni, jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma li jaqgħu fl-acquis ta’ Schengen. B’hekk, skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll:

“L-acquis ta’ Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 u ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-25 ta’ April 2005. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta' Schengen.”

 Il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji

14      L-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji (ĠU 2008, C 115, p. 322), anness mat-Trattat FUE, jipprovdi dan li ġej:

“L-effetti legali ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat [UE] qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta’ dawn it-Trattati. L-istess japplika għall-konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri abbażi tat-Trattat [UE].”

15      L-Artikolu 10(1) u (3) ta’ dan il-protokoll jipprovdi:

“1.       Bħala miżura transitorja, u fir-rigward ta’ atti ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak it-Trattat għandhom ikunu dawn li ġejjin: il-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 [TFUE] m’għandhomx ikunu applikabbli u s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea taħt it-Titolu VI tat-Trattat [UE], fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattatta’ Lisbona, għandhom jibqgħu l-istess, inkluż fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) [UE].

[…]

3.      Fi kwalunkwe każ, il-miżura transitorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

[…]”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

16      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, b’rettifika fil-ĠU L 17, 22.01.2009, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-Deċiżjoni Qafas 2002/584”), jipprovdi:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.”

17      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ, b’mod partikolari, meta tkun ingħatat kundanna għal piena jew meta tkun ġiet imposta miżura ta’ detenzjoni u meta dawn il-kundanni jkunu għal perijodu ta’ minn tal-inqas erba’ xhur.

18      L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi rrifjtutata għar-raġunijiet elenkati fl-Artikoli 3 u 4 tal-istess deċiżjoni qafas.

 Id-Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI

19      Skont il-premessa 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU L 159M, 13.06.2006, p. 256), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tal-25 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2005/214”), “[i]l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali”.

 Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI

20      L-Artikolu 3, intitolat “Għan u ambitu”, tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, p. 27), jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.

2.      Din id-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

[...]”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI

21      Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, p. 42), tipprovdi:

“Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jimmiraw biex jipprevjenu sitwazzjonijiet fejn l-istess persuna tkun soġġetta għal proċedimenti kriminali paralleli fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess fatti, li jistgħu jwasslu għal sentenza definittiva ta’ dawk il-proċedimenti f’żewġ Stati Membri jew aktar. Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas tfittex li tipprevjeni ksur tal-prinċipju ‘ne bis in idem’, kif imniżżel fl-Artikolu 54 tal-[KFS] [...].”

22      Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha raġunijiet raġonevoli sabiex temmen li hemm proċedura parallela pendenti fi Stat Membru ieħor, hija għandha tikkuntattja lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor sabiex tikseb konferma tal-eżistenza ta’ din il-proċedura parallela, bil-għan li jinbdew konsultazzjonijiet diretti.

 Id-drittijiet nazzjonali

 Id-dritt Ġermaniż

23      Skont l-Artikolu 7(1) tal-Kodiċi kriminali (Strafgesetzbuch), intitolat “Applikabbiltà għal atti li jikkostitwuxxu reat imwettaq barra mill-pajjiż f’każijiet oħra”:

“[I]d-dritt kriminali Ġermaniż għandu japplika għal atti li jikkostitwixxu reat imwettqa f’pajjiż barrani għad-dannu ta’ persuna Ġermaniża, meta l-att ikun issanzjonat ukoll fl-Istat fejn twettaq jew meta l-post fejn twettaq l-att ma jaqa’ taħt ebda ġurisdizzjoni kriminali.”

24      L-Artikolu 263 tal-Kodiċi kriminali, intitolat “Frodi”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Kull min, bil-ħsieb li jikseb għalih stess jew għal terz vantaġġ materjali illeċitu, jippreġudika l-patrimonju ta’ ħaddieħor billi jipprovoka jew billi jżomm fi żball permezz ta’ ingann jew permezz tal-ħabi jew tal-eliminazzjoni tal-fatti veri, għandu jiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn ħames snin jew għal multa.

[...]

(3)      Fil-każijiet ta’ gravità partikolari, il-piena għandha tkun priġunerija għal perijodu ta’ bejn sitt xhur u għaxar snin.

1.      Każ għandu bħala prinċipju jitqies li huwa partikolarment gravi meta l-awtur jaġixxi fil-kuntest tal-professjoni tiegħu jew bħala membru ta’ grupp [...]”.

25      Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali skont l-Artikolu 35 UE (Gesetz betreffend die Anrufung des Gerichtshofs der Europäischen Gemeinschaften im Wege des Vorabentscheidungsverfahrens auf dem Gebiet der polizeilichen Zusammenarbeit und der justitiellen Zusammenarbeit in Strafsachen nach Art. 35 des EU-Vertrages), tas-6 ta’ Awwissu 1998 (BGB1, 1998 I, p. 2035), il-qrati Ġermaniżi kollha jistgħu jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fil-qasam kopert mill-Artikolu 35 UE kemm dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet qafas, kemm dwar l-interpretazzjoni ta’ konvenzjonijiet u kemm dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni li jikkonċernaw il-konvenzjonijiet li jaqgħu fl-imsemmi qasam.

 Id-dritt Taljan

26      L-Artikolu 640(1) tal-Kodiċi kriminali (Codice penale), intitolat “Aġir qarrieqi”, jipprovdi:

“Kull min, permezz ta’ ingann jew ta’ aġir frawdolenti li jqarrqu b’ħaddieħor, jikseb għalih stess jew għal ħaddieħor profitt indebitu għall-preġudizzju ta’ terz, għandu jkun suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u tliet snin u għal multa ta’ bejn EUR 51 u 1032.

[...]”

27      L-Artikolu 444(1) tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali (Codice di procedura penale) jipprovdi:

“L-akkużat u l-prosekutur pubbliku jistgħu jitolbu lill-qorti tapplika sanzjoni sostituttiva, tan-natura u sal-portata indikati, jew sanzjoni pekunjarja, imnaqqsa b’mhux iktar minn terz, jew piena ta’ priġunerija meta din, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u mnaqqsa b’mhux iktar minn terz, ma taqbiżx ħames snin, waħedhom jew flimkien ma’ sanzjoni pekunjarja.”

28      Skont l-Artikolu 656(5) tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għandu jissospendi l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija jekk din tkun ta’ inqas minn tliet snin. Jekk il-persuna kkundannata ma tressaqx talba għal miżura alternattiva għall-priġunerija, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għandu jirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 656(8) ta’ dan il-kodiċi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Z. Spasic, ċittadin Serb, qiegħed jiġi mfittex mill-iStaatsanwaltschaft Regensburg (l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Regensburg, il-Ġermanja) talli wettaq, fl-20 ta’ Marzu 2009, aġir qarrieqi fi grupp organizzat f’Milano (l-Italja). Il-vittma, Wolfgang Soller, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, kien, wara li ġie kkuntattjat minn kompliċi ta’ Z. Spasic, ta lil dan tal-aħħar is-somma ta’ EUR 40 000 fi flus ta’ valur żgħir bi skambju għal flus tal-karta ta’ EUR 500 li, sussegwentement, irriżultaw li kienu foloz.

30      Wara li kien is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-27 ta’ Awwissu 2009 mill-iStaatsanwaltschaft Innsbruck (l-Awstrija) fir-rigward ta’ reati oħra mwettqa bl-istess modus operandi, Z. Spasic kien arrestat fl-Ungerija fit-8 ta’ Ottubru 2009 u kien sussegwentement ikkonsenjat lill-awtoritajiet Awstrijaċi. F’dan l-Istat Membru huwa kien ikkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ seba’ snin u sitt xhur permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 li saret definittiva.

31      Fil-25 ta’ Frar 2010, l-Amtsgericht Regensburg (Qorti distrettwali ta’ Regensburg) ħarġet mandat ta’ arrest nazzjonali fir-rigward tal-aġir qarrieqi mwettaq f’Milano, li serva ta’ bażi għall-ħruġ, mill-iStaatsanwaltschaft Regensburg, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-5 ta’ Marzu 2010.

32      It-Tribunale ordinario di Milano (Qorti ta’ Milano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2012, li saret res judicata fis-7 ta’ Lulju 2012, ikkundannat lil Z. Spasic, fl-assenza tiegħu, minn naħa, għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u, min-naħa l-oħra, għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 800, fir-rigward tal-aġir qarrieqi mwettaq fl-20 ta’ Marzu 2009 f’Milano. Minn din id-deċiżjoni tat-Tribunale ordinario di Milano jirriżulta li, filwaqt li kien arrestat fl-Awstrija, Z. Spasic għamel dikjarazzjonijiet bil-miktub taħt ġurament li fid-dawl tagħhom il-qorti nazzjonali applikat l-Artikolu 640 tal-Kodiċi kriminali u l-Artikolu 444 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali. L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fi ħdan it-Tribunale ordinario di Milano ssospenda l-eżekuzzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 656(5) ta’ dan l-aħħar kodiċi.

33      L-istess uffiċċju tal-prosekutur pubbliku rrevoka, permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2013, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena u ordna li l-ikkundannat jiġi arrestat sabiex jiskonta l-piena ta’ priġunerija ta’ sena msemmija iktar ’il fuq u sabiex iħallas il-multa ta’ EUR 800.

34      Fl-20 ta’ Novembru 2013, l-Amtsgericht Regensburg ħarġet, kontra Z. Spasic, mandat ta’ arrest nazzjonali estiż ġdid li l-punt I tiegħu jirreferi għall-azzjonijiet ta’ aġir qarrieqi fi grupp organizzat imwettqa f’Milano fl-20 ta’ Marzu 2009 għad-dannu ta’ W. Soller, fatti dawn li kienu diġà koperti mill-mandat ta’ arrest nazzjonali tal-25 ta’ Frar 2010, u li l-punt II tiegħu jirreferi għal azzjonijiet oħra.

35      Z. Spasic ilu taħt detenzjoni provviżorja fil-Ġermanja mis-6 ta’ Diċembru 2013, id-data li fiha, b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tal-5 ta’ Marzu 2010, l-awtoritajiet Awstrijaċi kkonsenjawh lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

36      Z. Spasic kkontesta quddiem l-Amtsgericht Regensburg id-deċiżjoni li tordna ż-żamma tiegħu taħt detenzjoni filwaqt li sostna, essenzjalment, li, skont il-prinċipju ta’ ne bis in idem, huwa ma setax ikun is-suġġett ta’ proċeduri fil-Ġermanja għall-azzjonijiet imwettqa f’Milano fl-20 ta’ Marzu 2009 minħabba li kien diġà s-suġġett, fir-rigward ta’ dawn l-istess azzjonijiet, għal kundanna definittiva u eżekuttiva mit-Tribunale ordinario di Milano.

37      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Jannar 2014, l-Amtsgericht Regensburg ma laqgħatx ir-rikors tiegħu u bagħtet il-kawża quddiem il-Landgericht Regensburg (Qorti reġjonali ta’ Regensburg). Fit-23 ta’ Jannar 2014, Z. Spasic ħallas, permezz ta’ trasferiment bankarju, is-somma ta’ EUR 800 dovuta bħala l-multa imposta mit-Tribunale ordinario di Milano u ppreżenta, quddiem il-Landgericht Regensburg, il-prova ta’ dan il-ħlas.

38      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2014, il-Landgericht Regensburg ikkonfermat id-digriet tal-Amtsgericht Regensburg, filwaqt li ppreċiżat li ż-żamma taħt detenzjoni provviżorja setgħet tkun ibbażata b’mod validu fuq l-azzjonijiet deskritti fil-punt I tal-mandat ta’ arrest tal-20 ta’ Novembru 2013, jiġifieri dawk imwettqa f’Milano fl-20 ta’ Marzu 2009 u koperti mid-deċiżjoni tat-Tribunale ordinario di Milano.

39      Z. Spasic ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tal-Landgericht Regensburg quddiem l-Oberlandesgericht Nürnberg (Qorti reġjonali superjuri ta’ Nürnberg). Huwa jsostni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet limitattivi tal-Artikolu 54 tal-KFS ma jistgħux jillimitaw b’mod validu l-portata tal-Artikolu 50 tal-Karta u li, peress li kien ħallas il-multa ta’ EUR 800, huwa kellu jinħeles.

40      Skont il-qorti tar-rinviju, li tindika li fir-rigward ta’ dan il-punt hija tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesgerichtshof (Qorti federali tal-ġustizzja), l-Artikolu 54 tal-KFS jikkostitwixxi dispożizzjoni limitattiva, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, japplika fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 54 tal-KFS. Madankollu, dik il-qorti tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tat deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 54 tal-KFS mal-Artikolu 50 tal-Karta, u lanqas dwar l-impatt tal-fatt li l-persuna kkundannata, permezz tal-istess deċiżjoni, għal piena ta’ priġunerija u għall-ħlas ta’ multa tkun eżegwixxiet biss din it-tieni sanzjoni.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Nürnberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 54 tal-[KFS] huwa kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-[Karta] sa fejn jissuġġetta l-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni li, f’każ ta’ kundanna, is-sanzjoni tkun ġiet subita [infurzata] jew attwalment tkun qed tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi iktar infurzata skont il-liġijiet tal-Istat ta’ kundanna?

2)      Il-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 54 tal-KFS hija ssodisfatta wkoll meta parti biss (f’dan il-każ, il-multa) tas-sanzjoni mogħtija fl-Istat ta’ kundanna, li hija komposta minn żewġ partijiet indipendenti (f’dan il-każ, piena li ċċaħħad il-libertà u multa) tkun ġiet infurzata?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-Artikolu 267 TFUE, meta fil-fatt id-domandi magħmula jikkonċerna il-KFS, konvenzjoni li taqa’ taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

43      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li s-sistema prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija intiża li tapplika għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari taħt l-Artikolu 35 UE, li min-naħa tiegħu huwa applikabbli sal-1 ta’ Diċembru 2014, bla ħsara għall-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni tal‑aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Santesteban Goicoechea, C‑296/08 PPU, EU:C:2008:457, punt 36).

44      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 35(2) UE li permezz tagħha aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE, kif jirriżulta mill-Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56).

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix l-Artikolu 35 UE iżda tirreferi għall-Artikolu 267 TFUE ma jistax, waħdu, jimplika n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Nürnberg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Santesteban Goicoechea, EU:C:2008:457, punt 38).

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

 Fuq il-proċedura b’urġenza

47      L-Oberlandesgericht Nürnberg talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar.

48      Il-qorti tar-rinviju mmotivat it-talba tagħha billi spjegat li l-fondatezza taż-żamma taħt arrest ta’ Z. Spasic tiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari.

49      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2014, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq il-bażi tal-Artikolu 267(4) TFUE u tal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tilqa’ t-talba tal-qorti nazzjonali sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

50      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 54 tal-KFS jissuġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni li l-infurzar tas-sanzjoni ma jkunx għadu possibbli, din il-kundizzjoni ma tapplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali peress li mill-elementi fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew ikkonfermati matul is-seduta, jirriżulta li, skont id-dritt Taljan, il-piena ta’ priġunerija li għaliha kien ikkundannat Z. Spasic f’dan l-Istat Membru għadha infurzabbli.

 Fuq l-ewwel domanda

51      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 54 tal-KFS, li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sanzjoni “tkun ġiet infurzata” jew li din “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata” jew ma tkunx għadha tista’ tiġi infurzata (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ infurzar”), huwiex kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta li jiggarantixxi dan il-prinċipju.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu formulazzjoni differenti minn dik tal-Artikolu 50 tal-Karta sa fejn jissuġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni ta’ infurzar.

53      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta għal proċeduri kriminali bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali teħtieġ li l-miżuri li jkunu diġà ġew adottati kontra l-akkużat permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva jkunu miżuri li jkollhom natura kriminali (sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 33), punt dan li ma huwiex ikkontestat fil-kawża ineżami.

54      F’dan il-kuntest, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, fir-rigward tal-Artikolu 50 tagħha, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta, tħejjew bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar u għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni kemm mill-qrati tal-Unjoni u kemm minn dawk tal-Istat Membri, isemmu espliċitament l-Artikolu 54 tal-KFS fost id-dispożizzjonijiet li huma koperti mill-klawżola orizzontali li tinsab fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

55      Minn dan isegwi li l-kundizzjoni supplimentari li tinsab fl-Artikolu 54 tal-KFS tikkostitwixxi limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li hija kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta peress li din il-limitazzjoni hija koperta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta fir-rigward ta’ dan l-artikolu tal-aħħar li għalihom jirreferu direttament id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikolu 52(7) tal-Karta. Fi kwalunkwe każ u irrispettivament mill-kliem użat fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 50, il-kundizzjoni ta’ infurzar li tissuġġetta l-protezzjoni iktar estiża offerta minn dan l-Artikolu 50 għal kundizzjoni supplimentari, tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt stabbilit fl-imsemmi artikolu, fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta.

56      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet. Skont it-tieni sentenza tal-istess artikolu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u għal dawn il-libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

57      Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li l-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għandha titqies bħala li hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, peress li tirriżulta mill-Artikolu 54 tal-KFS.

58      Fir-rigward tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi prinċipju, għandu jiġi osservat li, kif sostnew il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS ma ddaħħalx inkwistjoni l-prinċipju ta’ ne bis in idem bħala tali. Fil-fatt, din il-kundizzjoni hija maħsuba b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li persuna li kienet ikkundannata definittivament fi Stat Kontraenti ma tkunx tista’ tibqa’ tkun is-suġġett ta’ proċeduri fir-rigward tal-istess azzjonijiet fi Stat Kontraenti ieħor b’tali mod li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ impunita fil-każ li l-ewwel Stat ma jkunx inforza l-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kretzinger, EU:C:2007:441, punt 51).

59      Minn dan jirriżulta li dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 54 tal-KFS għandha titqies bħala li tosserva l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

60      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk il-limitazzjoni li timplika l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS hijiex ta’ natura proporzjonali, verifika din li teħtieġ li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk din il-kundizzjoni tistax titqies bħala li taqdi għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u jekk, fl-affermattiv, din il-kundizzjoni tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-istess dispożizzjoni.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

62      Kif jirriżulta mill-Artikolu 67(3) TFUE, l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-ħtieġa, għall-Unjoni, li tagħmel ħilitha sabiex tiżgura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll ta’ ġlieda kontriha, permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali.

63      Issa, il-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS tagħmel parti minn dan il-kuntest sa fejn hija maħsuba, kif tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, sabiex, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jiġi evitat li persuni kkundannati fi Stat Membru tal-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali li saret definittiva jkunu jistgħu jgawdu minn impunità.

64      Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit. Fil-fatt, billi tippermetti, fil-każ li ma tkunx infurzata s-sanzjoni imposta, lill-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti jiftħu proċeduri fir-rigward tal-istess azzjonijiet kontra persuna li tkun ġiet ikkundannata b’mod definittiv minn Stat Kontraenti ieħor, jiġi evitat ir-riskju li din il-persuna tibqa’ impunita minħabba li tkun telqet mit-territorju tal-Istat fejn tkun ġiet ikkundannata.

65      Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-kundizzjoni ta’ infurzar sabiex jiġi ssodisfatt l-għan ta’ interess ġenerali li huwa li tiġi evitata, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-impunità tal-persuni kkundannati fi Stat Membru tal-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali li tkun saret definittiva, għandu jiġi osservat li huwa minnu li, fuq il-livell tal-Unjoni, kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta, jeżistu diversi istrumenti li huma maħsuba sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam kriminali.

66      F’dan ir-rigward għandha tissemma d-Deċiżjoni Qafas 2009/948, li l-Artikolu 5 tagħha jobbliga lill-awtoritajiet tad-diversi Stati Membri li jkunu qegħdin jinvokaw kompetenzi simultanji fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ proċeduri kriminali dwar l-istess azzjonijiet sabiex jibdew konsultazzjonijiet diretti bil-għan li jintlaħaq kunsens dwar soluzzjoni effikaċi li permezz tagħha jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ proċeduri paralleli.

67      Tali konsultazzjonijiet diretti jistgħu, skont il-każ, minn naħa, iwasslu għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-qorti li tat sentenza kriminali definittiva, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sabiex jiġu infurzati s-sanzjonijiet imposti. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess konsultazzjonijiet jistgħu jwasslu, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas 2005/214 u 2008/809, sabiex is-sanzjonijiet imposti minn qorti kriminali ta’ Stat Membru jiġu infurzati fi Stat Membru ieħor (ara, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, is-sentenza Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733).

68      Issa, tali istrumenti ta’ kooperazzjoni ma jimponux kundizzjoni ta’ infurzar analoga għal dik tal-Artikolu 54 tal-KFS u, għaldaqstant, ma humiex ta’ natura li jiżguraw li jintlaħaq kompletament l-għan segwit.

69      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li dawn il-mekkaniżmi huma ta’ natura li jiffaċilitaw l-infurzar tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-użu tagħhom huwa suġġett għal diversi kundizzjonijiet u jiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, minn deċiżjoni tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-qorti li tat sentenza kriminali definittiva, filwaqt li dan l-Istat Membru ma huwiex suġġett għal obbligu ta’ dritt tal-Unjoni li jiżgura l-infurzar effettiv tas-sanzjonijiet li jirriżultaw minn din is-sentenza. Għaldaqstant, il-possibbiltajiet mogħtija lil dan l-Istat Membru permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas ma humiex ta’ natura li jiggarantixxu li tiġi evitata, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-impunità tal-persuni kkundannati fl-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali definittiva meta l-ewwel Stat ta’ kundanna ma jkunx inforza l-piena imposta.

70      Barra minn hekk, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tippermetti li jiġi kkunsidrat l-infurzar ta’ piena ta’ priġunerija fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun tinsab il-qorti li ordnat din il-kundanna, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 4 tagħha, din il-possibbiltà hija suġġetta kemm għall-kunsens tal-persuna kkundannata u kemm għall-fatt li l-Istat Membru li jkun ordna l-kundanna jkun żgura ruħu li l-infurzar tal-kundanna mill-Istat ta’ infurzar ser jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata fis-soċjetà. Minn dan isegwi li s-sistema stabbilita permezz ta’ din id-deċiżjoni qafas ma għandhiex l-għan prinċipali li tiġġieled l-impunità tal-persuni kkundannati fl-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali definittiva u ma tistax tiżgura li dan l-għan jintlaħaq kompletament.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjoni ta’ infurzar tal-KFS timplika li, fil-każ li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami u l-attitudni tal-Istat tal-ewwel kundanna jkunu ppermettew li s-sanzjoni ordnata tkun ġiet infurzata jew tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata, jekk ikun il-każ bl-użu tal-istrumenti previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-pieni, persuna kkundannata definittivament minn Stat Membru ma tkunx tista’ tibqa’ tkun is-suġġett ta’ proċeduri fir-rigward tal-istess azzjonijiet fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, tali proċeduri ma jistgħux jinżammu, fil-qafas stabbilit permezz tal-Artikolu 54 tal-KFS, ħlief fil-każ li s-sistema attwalment prevista mid-dritt tal-Unjoni ma kinitx suffiċjenti, irrispettivament mir-raġuni għalxiex, sabiex teskludi l-impunità tal-persuni kkundannati fl-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali definittiva.

72      Minn dan isegwi li l-kundizzjoni ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi evitata, f’kuntest transkonfinali, l-impunità tal-persuni kkundannati fi Stat Membru tal-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali definittiva.

73      Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni in concreto tal-kundizzjoni ta’ infurzar tal-Artikolu 54 tal-KFS f’każ speċifiku, ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-istrumenti legali tad-dritt idderivat tal-Unjoni fil-qasam kriminali msemmija mill-Kummissjoni, il-qrati nazzjonali kompetenti jistabbilixxu kuntatt bejniethom u jibdew konsultazzjonijiet sabiex jivverifikaw jekk hemmx l-intenzjoni reali min-naħa tal-Istat Membru tal-ewwel kundanna sabiex jinforza s-sanzjonijiet imposti.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 54 tal-KFS, li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sanzjoni “tkun ġiet infurzata” jew li din “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata”, huwa kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta, li jiggarantixxi dan il-prinċipju.

 Fuq it-tieni domanda

75      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 54 tal-KFS għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi ħlas tal-multa kriminali imposta fuq persuna kkundannata permezz tal-istess deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor għal piena ta’ priġunerija li ma tkunx ġiet infurzata ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li s-sanzjoni ġiet infurzata jew li qiegħda fil-proċess li tiġi infurzata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

76      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu l-ewwel nett jitfakkar li d-dritt kriminali sostanzjali u proċedurali tal-Istati Membri ma kienx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni.

77      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS ma huwiex maħsub biss sabiex tiġi evitata, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-impunità tal-persuni kkundannati fl-Unjoni permezz ta’ sentenza kriminali definittiva, iżda huwa maħsub ukoll sabiex jiggarantixxi ċ-ċertezza legali permezz tal-osservanza tad-deċiżjonijiet tal-korpi pubbliċi li jkunu saru definittivi fl-assenza ta’ armonizzazzjoni u ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri.

78      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, kif ikkonferma l-Gvern Taljan matul is-seduta, Z. Spasic kien ikkundannat għal żewġ sanzjonijiet prinċipali, jiġifieri l-piena ta’ priġunerija, minn naħa, u l-multa, min-naħa l-oħra.

79      Anki fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li dispożizzjoni li ma tagħmilx riferiment għad-dritt ta’ dawn l-Istati tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li wieħed għandu jasal għaliha billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni li tagħmel parti minnha u l-għan segwit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi van Esbroeck, EU:C:2006:165, punt 35; Mantello, EU:C:2010:683, punt 38, u Baláž, C‑­60/12, EU:C:2013:733, point 26).

80      Minkejja li l-Artikolu 54 tal-KFS jipprovdi, bl-użu tas-singular, li huwa meħtieġ li s-sanzjoni “tkun ġiet infurzata”, din il-kundizzjoni tkopri, manifestament, is-sitwazzjoni fejn ikunu ngħataw żewġ pieni prinċipali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, minn naħa, piena ta’ priġunerija u, min-naħa l-oħra, il-kundanna għall-ħlas ta’ multa.

81      Fil-fatt, interpretazzjoni differenti ġġib fix-xejn is-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS u tikkomprometti l-applikazzjoni effettiva tal-imsemmi artikolu.

82      Minn dan għandu jiġi konkluż li, meta waħda miż-żewġ sanzjonijiet mogħtija ma tkunx ġiet “infurzata”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, din il-kundizzjoni ma tistax titqies bħala li ġiet issodisfatta.

83      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondix għall-kundizzjoni, li hija wkoll prevista fl-Artikolu 54 tal-KFS, li tipprovdi li, sabiex il-prinċipju ta’ ne bis in idem ikun jista’ japplika, is-sanzjoni għandha “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata”, huwa paċifiku li Z. Spasic lanqas biss ma beda jiskonta l-piena ta’ priġunerija tiegħu fl-Italja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kretzinger, EU:C:2007:441, punt 63).

84      Fir-rigward ta’ żewġ pieni mogħtija b’mod prinċipali, lanqas ma jista’ jitqies li, minħabba l-fatt li tħallset il-multa, is-sanzjoni hija “fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi ħlas tal-multa kriminali imposta fuq persuna kkundannata permezz tal-istess deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor għal piena ta’ priġunerija li ma tkunx ġiet infurzata ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li s-sanzjoni ġiet infurzata jew li qiegħda fil-proċess li tiġi infurzata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

86      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sanzjoni “tkun ġiet infurzata” jew li din “tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata”, huwa kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi dan il-prinċipju.

2)      L-Artikolu 54 ta’ din il-konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi ħlas tal-multa kriminali imposta fuq persuna kkundannata permezz tal-istess deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor għal piena ta’ priġunerija li ma tkunx ġiet infurzata ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li s-sanzjoni ġiet infurzata jew li qiegħda fil-proċess li tiġi infurzata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.