Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-6 ta' Diċembru 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Verhuizingen Coppens NV

(Kawża C-441/11 P) 

(Appell - Kompetizzjoni - Akkordji - Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE - Suq tas-servizzi ta' ġarr internazzjonali fil-Belġju - Akkordju li jikkonsisti fi tliet ftehim partikolari - Ksur uniku u kontinwu - Nuqqas ta' prova li parteċipant fi ftehim partikolari kien jaf bi ftehim oħra partikolari - Annullament parzjali jew sħiħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni - Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE)

Lingwa tal-proċedura: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet, S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Verhuizingen Coppens NV (rappreżentanti: J. Stuyck u I. Buelens, avukati)

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla), tas-16 ta' Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni (T-210/08), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 2(k) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta' Marzu 2008, dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tat-Trattat ŻEE (Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' Ġarr Internazzjonali)

Dispożittiv

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni (T-210/08), hija annullata.

L-Artikolu 1(i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 926 finali, tal-11 ta' Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali), huwa annullat sa fejn, permezz ta' din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma kkonstatat il-parteċipazzjoni ta' Verhuizingen Coppens NV fil-ftehim fuq sistema ta' kwotazzjonijiet foloz, magħrufa bħala "kwotazzjonijiet ta' konvenjenza", mit-13 ta' Ottubru 1992 sad-29 ta' Lulju 2003, tikkunsidra lil din il-kumpannija responsabbli għall-ftehim dwar sistema ta' kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f'każijiet ta' nuqqas ta' provvista, magħrufa bħala "kummissjonijiet" u tattribwixxi lil din tal-aħħar r-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu.

L-ammont tal-multa imposta lil Verhuizingen Coppens NV fl-Artikolu 2(k) ta' din id-Deċiżjoni C(2008) 926 finali huwa ffissat għal EUR 35 000.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll mal-appell, għal żewġ terzi mill-ispejjeż sostnuti minn Coppens fiż-żewġ istanzi.

Coppens għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell.

____________

1 - ĠU C 331, 12.11.2011.