Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2020 mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fit-23 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-411/17, Landesbank Baden-Württemberg vs Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

(Kawża C-621/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (rappreżentanti: K.-Ph. Wojcik, H. Ehlers, P. A. Messina u J. Kerlin, aġenti, u H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Landesbank Baden-Württemberg, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden-Württemberg vs Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) (T-411/17, EU:T:2020:435);

tiċħad ir-rikors għal annullament;

tikkundanna lill-partijiet l-oħra fil-proċedura għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq żnaturament tal-provi, u fuq ksur tad-dritt tas-SRB għal smiegħ xieraq.

L-ewwel, is-SRB isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha b’mod żbaljat meta ddeċidiet li s-SRB naqas milli jawtentika debitament id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05), u dan sa fejn il-provi prodotti mis-SRB matul is-seduta sabiex jistabbilixxi l-awtentikazzjoni debita ta’ din id-deċiżjoni tqiesu li huma inammissibbli. F’dan il-kuntest, is-SRB jargumenta, fl-ewwel lok, li huwa kellu ġustifikazzjoni sabiex jipproduċi prova matul is-seduta sabiex jistabbilixxi l-awtentikazzjoni debita ta’ din id-deċiżjoni sa fejn il-kwistjoni tal-assenza ta’ awtentikazzjoni ma kinitx kienet, preċedentement, is-suġġett tal-proċedura bil-miktub, u lanqas ma kienet tqieset mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew tal-miżuri istruttorji. Fit-tieni lok, is-SRB isostni li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni din il-prova u billi ddikjarat li l-prova – jekk ammissibbli – ma kinitx issostanzjata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi quddiemha. Is-SRB isostni wkoll li, billi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-prova ma kienet tistabbilixxi ebda rabta inseparabbli bejn l-iskeda tal-progress, iffirmata bl-idejn mill-President tas-SRB, u l-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali injorat in-numru ta’ referenza fuq l-iskeda tal-progress, li kien jorbot b’mod inseparabbli l-iskeda tal-progress mal-fajl elettroniku, li kien fih id-deċiżjoni kontenzjuża u l-anness tagħha. Fit-tielet lok, is-SRB isostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq billi naqset milli tindirizza l-kwistjoni tal-assenza ta’ awtentikazzjoni qabel is-seduta, billi rrifjutat il-proposta ta’ SRB li jipproduċi iktar provi u billi naqset milli tinforma lis-SRB, fi kwalunkwe mument, li l-prova fil-fehma tagħha ma kinitx sodisfaċenti.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni, is-SRB isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali esaġerat ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta kkonstatat li l-metodu ta’ kalkolu skont l-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 1 u l-Anness I tiegħu ma humiex trasparenti u li, għalhekk, id-deċiżjoni kontenzjuża neċessarjament ma setax ikollha motivazzjoni suffiċjenti, u dan għaliex il-Landesbank Baden-Württemberg ma setax jivverifika b’mod eżawrjenti in-natura preċiża tal-kalkolu. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel dawn ir-rekwiżiti kompatibbli mal-obbligu ta’ segretezza taħt l-Artikolu 339 TFUE – li, barra minn hekk, ma ssemmiex fis-sentenza appellata – u ma’ prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Is-SRB isostni li r-Regolament ta’ Delega sab bilanċ proporzjonat bejn il-prinċipju ta’ trasparenza, l-obbligu li jitħares is-sigriet professjonali, u l-għanijiet l-oħra stabbiliti f’dan ir-regolament, b’mod partikolari l-għan li jintlaħaq livell partikolari ta’ kontribuzzjonijiet għall-iffinanzjar tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u li jinġabru kontribuzzjonijiet mingħand l-istituzzjonijiet rilevanti kollha b’mod ġust u proporzjonat. Skont is-SRB, huwa osserva dan il-qafas legali fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

____________

1     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).