Language of document : ECLI:EU:C:2020:277

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ April 2020 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 279 TFUE – Talba għal miżuri provviżorji – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Indipendenza tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)”

Fil-Kawża C‑791/19 R,

li għandha bħala suġġett talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentata fit‑23 ta’ Jannar 2020,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Banks kif ukoll minn H. Krämer u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. Wolff, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn M. Pere, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, D. Kupczak, S. Żyrek, A. Dalkowska u A. Gołaszewska, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, J.-C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, S. Rodin u P. G. Xuereb, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, C. Toader, D. Šváby, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, N. Piçarra u N. Wahl, Imħallfin,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, E. Tanchev,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

a)      tordna lir-Repubblika tal-Polonja, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-mertu:

–        tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 73(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 5), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”), li jikkostitwixxu l-bażi tal-kompetenza tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, fil-kawżi dixxiplinari relatati ma’ Mħallfin;

–        tastjeni milli tibgħat il-kawżi pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari lil kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A. K.”, EU:C:2019:982), u

–        tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jordna l-miżuri provviżorji mitluba, kull miżura li hija tkun adottat sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

b)      tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż tal-istanza.

2        Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li hija tirriżerva d-dritt li tressaq talba addizzjonali intiża sabiex jiġi ordnat il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità jekk qatt kellu jirriżulta mill-informazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni li r-Repubblika tal-Polonja ma hijiex qiegħda tosserva bis-sħiħ il-miżuri provviżorji ordnati wara t-talba tagħha għal miżuri provviżorji.

3        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat mill-Kummissjoni fil‑25 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem ir-“rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”) intiż li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:

–        skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE:

–        billi tippermetti li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari li jikkonċerna l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni (Artikolu 107(1) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, intestatura 1070), kif emendata (Dz. U tal‑2019, intestatura 1495) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni”) u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema);

–        billi ma tiżgurax l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari, li għandha l-kompitu tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari kontra l-Imħallfin (il-punt 5 tal-Artikolu 3, Artikolu 27 u Artikolu 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, flimkien mal-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, intestatura 714), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”));

–        billi tagħti lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-Qorti Dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi dwar l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni (Artikolu 110(3) u Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni) u, b’dan il-mod, ma tiżgurax li l-kawżi dixxipinari jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita mil-liġi”, u

–        billi tagħti lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li jaħtar membru tal-persunal dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja (Artikolu 112b tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni) u, b’dan il-mod, ma tiżgurax li l-kawżi dixxiplinari kontra l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni jiġu eżaminati f’terminu raġonevoli, kif ukoll billi tipprevedi li l-atti marbuta mal-ħatra ta’ konsulent u l-aċċettazzjoni tal-patroċinju tal-każ minnu ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari (Artikolu 113a tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni) u li l-Qorti Dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-Imħallef inkwistjoni, informat, jew tal-konsulent tiegħu (Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni), u, b’dan il-mod, ma tiżgurax id-drittijiet tad-difiża tal-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni inkwistjoni;

–        skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, billi tippermetti li d-dritt tal-qrati li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talbiet għal deċiżjoni preliminari jkun limitat bil-possibbiltà li jinbdew proċeduri dixxiplinari.

4        Skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet din it-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-importanza ta’ din il-kawża, assenjatha, konformement mal-Artikolu 60(1) tal-imsemmija regoli, lill-Awla Manja.

5        Fid‑9 ta’ Marzu 2020, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul seduta quddiem l-Awla Manja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

6        Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018, stabbilixxiet, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), żewġ Awli ġodda, fosthom l-Awla dixxiplinari, imsemmija fil-punt (5) tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi.

7        L-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi jistipula:

“Fir-rigward tal-Awla Dixxiplinari u tal-Imħallfin li jiġġudikaw f’din l-Awla, il-prerogattivi tal-Ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] kif iddefiniti:

–        fil-punti 1, 4 u 7 tal-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 31(1), fl-Artikolu 35(2), fl-Artikolu 36(6), fl-Artikolu 40(1) u (4), u fl-Artikolu 51(7) u (14), għandhom jiġu eżerċitati mill-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari;

–        fil-punt 2 tal-Artikolu 14(1) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 55(3), għandhom jiġu eżerċitati mill-Ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] bi qbil mal-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari.”

8        L-Artikolu 27(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Il-każijiet segwenti għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari:

1)      il-proċeduri dixxiplinari:

a)      li jinvolvu l-Imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)],

b)      eżaminati [mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] b’konnessjoni ma’ proċeduri dixxiplinari mniehdija taħt il-liġijiet li ġejjin:

[…]

–        il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni tas‑27 ta’ Lulju 2001,

[…]

2)      il-proċeduri fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali li jinvolvu l-Imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

3)      il-proċeduri li jikkonċernaw l-irtirar ta’ Mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

9        L-Artikolu 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprovdi:

“Il-Qrati Dixxiplinari fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-Imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] huma:

1)      fl-ewwel istanza: is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], bħala kulleġġ ġudikanti ta’ żewġ Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ta’ ġurat tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

2)      fl-appell: is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ta’ żewġ ġurati tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

10      L-Artikolu 97 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.      Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], jekk tikkonstata ksur manifest tar-regoli waqt l-eżami ta’ kawża – indipendentement mill-prerogattivi l-oħra tagħha – għandha tindirizza l-konstatazzjoni ta’ żball lill-qorti kkonċernata. Qabel ma tindirizza l-konstatazzjoni ta’ żball, hija għandha tinforma lill-Imħallef jew lill-Imħallfin li jifformaw parti mill-kulleġġ ġudikanti bil-possibbiltà li jippreżentaw spjegazzjonijiet bil-miktub f’terminu ta’ 7 ijiem. L-iskoperta u l-konstatazzjoni ta’ żball ma jaffettwawx l-eżitu tal-kawża.

[…]

3.      Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], meta tindirizza konstatazzjoni ta’ żball, tista’ tressaq talba għall-eżami ta’ kawża dixxiplinari quddiem qorti dixxiplinari. Il-qorti dixxiplinari tal-ewwel istanza hija s-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]”.

 Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni

11      L-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni jipprovdi:

“Imħallef għandu jwieġeb, fuq livell dixxiplinari, għal nuqqasijiet professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inkluż fil-każ:

1)      ta’ ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt

[…]

5)      ta’ preġudizzju għad-dinjità tal-kariga.”

12      L-Artikolu 110(1) u (3) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-kawżi dixxiplinari li jinvolvu l-Imħallfin, dawn li ġejjin għandhom jiġġudikaw:

1)      fl-ewwel istanza:

a)      il-qrati dixxiplinari qrib l-appell, bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin,

b)      is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], bħala kulleġġ ġudikanti ta’ żewġ Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ġurat tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema], fil-kawżi dwar nuqqasijiet dixxiplinari li jikkostitwixxu ksur intenzjonat li jista’ jiġi mistħarreġ kriminalment mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew ksur intenzjonat ta’ natura fiskali, jew fil-kawżi li fihom [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ressqet talba għall-eżami tat-tilwima dixxiplinari fil-kuntest ta’ konstatazzjoni ta’ żball;

2)      fl-appell: is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], bħala kulleġġ ta’ żewġ Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ta’ ġurat tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

[…]

3.      Il-qorti dixxiplinari li fil-kompetenza tagħha l-Imħallef li huwa s-suġġett tal-proċedura dixxiplinari jeżerċita l-kariga tiegħu ma huwiex ammess li jieħu konjizzjoni tal-kawżi msemmija fil-punt (1)(a) tal-paragrafu (1). Il-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tisma’ l-kawża għandha tinħatar mill-President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari fuq it-talba tal-membru tal-persunal dixxiplinari.”

 Il-Liġi dwar il-KRS

13      Skont l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS:

“1.      Is-Sejm [(il-Kamra Inferjuri tal-Parlament)] għandha teleġġi, minn fost l-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], qrati tad-dritt komuni, qrati amministrattivi u qrati militari, 15‑il membru tal-Krajowa Rada Sądownictwa [(il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura)] għal mandat komuni ta’ erba’ snin.

2.      Fl-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kamra Inferjuri tal-Parlament għandha, sa fejn ikun possibbli, tieħu inkunsiderazzjoni tal-bżonn ta’ rappreżentanza fi ħdan il-[Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura] tal-Imħallfin minn diversi tipi u livelli ta’ qrati.

3.      Il-mandat komuni tal-membri l-ġodda tal-[Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura], eletti fost l-Imħallfin, jibda mill-għada ta’ meta jiġu eletti. Il-membri li joħorġu mill-[Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura] għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom sal-jum meta jibda l-mandat komuni tal-membri l-ġodda tal-[Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura].”

14      Id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, tipprevedi:

“Il-mandat tal-membri tal-[Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura] msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 187(1) tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej [(il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja)], eletti abbażi tad-dispożizzjonijiet attwali, ikompli sal-jum ta’ qabel il-bidu tal-mandat tal-membri l-ġodda tal-[Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura], mingħajr madankollu ma jaqbeż id‑90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, sakemm ma jkunx intemm qabel minħabba l-iskadenza tal-mandat.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

15      Peress li qieset li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset, billi adottat is-sistema dixxiplinari l-ġdida tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Kummissjoni, fit‑3 ta’ April 2019, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. Dan tal-aħħar wieġeb permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ġunju 2019 li fiha kkontesta kull ksur tad-dritt tal-Unjoni.

16      Fis‑17 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha sostniet li din l-iskema kienet tikser l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, din l-istituzzjoni stiednet lir-Repubblika tal-Polonja tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni. Dan l-Istat Membru wieġeb għaliha permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Settembru 2019 li fiha huwa argumenta li l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata ma kinux fondati u talab li tingħalaq il-proċedura.

17      Peress li ma kinitx konvinta minn din it-tweġiba, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

 Elementi sussegwenti għall-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

 Is-sentenza A. K.

18      Fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:

“L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79)], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tilwim dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ikun il-każ meta l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-istanza kkonċernata u l-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-mod kif inħatru l-membri tagħha jkunu ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni u, b’hekk, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija individwi f’soċjetà demokratika. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk dan huwiex il-każ fir-rigward ta’ istanza bħalma hija l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).”

 Is-sentenzi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-kawżi li taw lok għas-sentenza A. K.

 Is-sentenza tal5 ta’ Diċembru 2019

19      Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2019, is-Sąd Najwyższy – Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti Suprema – Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), li ddeċidiet fil-kawża li tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑585/18, iddeċidiet li l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (iktar ’il quddiem il-“KRS”) ma huwiex, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu, korp imparzjali u indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva.

20      Bl-istess mod, din il-qorti ddeċidiet li l-Awla Dixxiplinari ma tistax titqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, l-imsemmija qorti bbażat ruħha fuq il-punti li ġejjin:

–        l-Awla Dixxiplinari, maħluqa ad hoc, għandha kompetenza fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali fir-rigward tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll fir-rigward tal-irtirar ta’ dawn l-Imħallfin, meta dawn il-kwistjonijiet sa dak iż-żmien kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati tad-dritt komuni kif ukoll tal-Awla Industrijali, tas-Sigurtà Soċjali u tal-kawżi pubbliċi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), issa l-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali);

–        l-Awla Dixxiplinari tista’ tkun komposta biss minn Imħallfin ġodda magħżula mill-KRS, li ma hijiex korp indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva;

–        l-Imħallfin kollha maħtura sabiex jagħmlu parti mill-Awla Dixxiplinari għandhom rabtiet mill-qrib ħafna mas-setgħa leġiżlattiva jew dik eżekuttiva, li jistgħu joħolqu dubji oġġettivi, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar ir-rispett inkondizzjonat tad-dritt għal qorti imparzjali u indipendenti;

–        il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-ħatra ta’ Mħallfin fl-Awla Dixxiplinari ġew emendati matul il-proċedura, u l-possibbiltà għal kandidat li jikkontesta deċiżjoni tal-KRS ġiet ristretta;

–        il-bidla fil-metodu ta’ għażla tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tneħħi kull parteċipazzjoni u kull irwol ta’ din il-qorti fil-proċedura ta’ ħatra tal-Imħallfin;

–        l-Awla Dixxiplinari tibbenefika, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minn awtonomija wiesgħa u minn status speċjali bħala qorti ta’ eċċezzjoni, u l-konnessjoni tagħha mal-istruttura tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) hija biss kopertura;

–        sa mill-ħolqien tagħha, l-Awla Dixxiplinari ffokat l-attività tagħha lejn azzjonijiet intiżi għall-irtirar tad-domandi preliminari li wasslu għas-sentenza A. K., u

–        in-natura tal-proċeduri dixxiplinari mnehdija mill-Awla Dixxiplinari turi li Mħallef jista’ minn issa ’l quddiem jiġi akkużat b’nuqqas professjonali minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta dan ma kienx il-każ qabel.

 Is-sentenzi tal15 ta’ Jannar 2020

21      Fis-sentenzi tagħha tal‑15 ta’ Jannar 2020, is-Sąd Najwyższy – Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti Suprema – Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), li ddeċidiet fil-kawżi li taw lok għad-domandi preliminari fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, iddeċidiet ukoll li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħolqien tagħha, tal-portata tas-setgħat tagħha, tal-kompożizzjoni tagħha kif ukoll tal-involviment tal-KRS fil-kostituzzjoni tagħha.

 Attività tal-Awla Dixxiplinari mill-għoti tas-sentenzi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-kawżi li taw lok għas-sentenza A. K.

22      Fl‑10 ta’ Diċembru 2019, l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ippubblikat dikjarazzjoni li fiha indikat li t-tkomplija tal-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari kienet tikkostitwixxi theddida serja għall-istabbiltà tal-ordinament ġuridiku Pollakk. Konsegwentement, hija stiednet lill-membri tagħha sabiex jastjenu minn kull attività ġudizzjarja.

23      Fl-istess jum, b’risposta għal din id-dikjarazzjoni, il-President tal-Awla Dixxiplinari afferma, b’mod partikolari, li s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma kinitx taffettwa l-funzjonament ta’ din l-awla, peress li l-imsemmija sentenza kienet ingħatat f’kuntest fattwali speċifiku. Huwa żied li l-imsemmija awla kienet ser tkompli teżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji li kienu ġew fdati lilha mill-korpi kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.

24      Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, tmien membri tal-Awla Dixxiplinari esprimew il-pożizzjoni tagħhom fuq id-dikjarazzjoni tal-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), billi enfasizzaw, l-ewwel nett, li l-imparzjalità u l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari ma kinux ġew ikkontestati mis-sentenza A. K., it-tieni nett, li s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma kienet tipproduċi ebda effett legali fil-kawżi li ma humiex dawk li kellha quddiemha u ma kellha ebda effett fuq id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, u, it-tielet nett, li d-dikjarazzjoni skont liema l-Awla Dixxiplinari kellha tissospendi l-attività ġudizzjarja tagħha sabiex tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza tal-aħħar kienet nieqsa minn kull bażi razzjonali.

 Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li t-talba għal miżuri provviżorji mressqa mill-Kummissjoni hija manifestament inammissibbli.

26      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni huma intiżi għas-sospensjoni tal-attività ta’ waħda mill-awli ta’ korp kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), kif ukoll sabiex jintervjenu fl-organizzazzjoni interna ta’ din il-qorti, li jikkostitwixxi ndħil inammissibbli fl-istrutturi kostituzzjonali u ġudizzjarji Pollakki. Fil-fatt, la l-Unjoni Ewropea stess u lanqas ebda waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, ma għandhom kompetenza sabiex jintervjenu fuq kwistjonijiet marbuta mas-sistema politika tad-diversi Stati Membri, mal-kompetenzi tad-diversi korpi kostituzzjonali ta’ dawn l-Istati u mal-organizzazzjoni interna ta’ dawn il-korpi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tadotta l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni.

27      Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma adottat miżuri provviżorji tan-natura ta’ dawk li huma s-suġġett ta’ din it-talba, minkejja li l-Kummissjoni adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi b’rikorsi kontra Stati Membri minħabba l-ksur ta’ diversi obbligi li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, u li n-nuqqasijiet inkwistjoni f’dawn ir-rikorsi setgħu, bħala regola ġenerali, jiġu imputati lil korp speċifiku tal-Istat Membru kkonċernat.

28      Matul is-seduta, il-Kummissjoni argumentat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hija titlob is-sospensjoni tagħhom (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi”) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li jistgħu jkunu s-suġġett tal-miżuri provviżorji mitluba.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny przez Prokuraturę Krajową (Regoli dixxiplinari li jikkonċernaw il-ġudikatura), C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (Regoli dixxiplinari li jikkonċernaw il-ġudikatura), C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Minn dan isegwi li kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li jaqgħu, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, taħt is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet f’kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Sabiex din il-protezzjoni tiġi żgurata, il-ħarsien tal-indipendenza tal-imsemmija istanzi huwa fundamentali, bħalma jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jeżiġi, b’mod partikolari, li r-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari ta’ dawk li l-kompitu tagħhom huwa li jiddeċiedu, ikollhom il-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għalhekk, l-ippromulgar ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiżgura b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għaldaqstant, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-Imħallfin tal-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema tagħhom ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni tkun tosserva l-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati, b’mod partikolari billi tiżgura li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari mnehdija kontra l-Imħallfin tal-imsemmija qrati jkunu mistħarrġa minn qorti li tissodisfa hija stess il-garanziji inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fosthom dik ta’ indipendenza.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu intiż li jikkontesta l-kompatibbiltà mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-Imħallfin tal-Qrati mitluba jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-istanza inkarigata li tiddeċiedi fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw dawn l-Imħallfin, sabiex tordna, skont l-Artikolu 279 TFUE, miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet.

37      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Awla Dixxiplinari ġiet fdata, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, bil-kompetenza sabiex tiddeċiedi fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati ta’ dritt komuni.

38      Huwa paċifiku wkoll li kemm is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll il-qrati ta’ dritt komuni, sa fejn dawn jistgħu jiddeċiedu kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jaqgħu, bħala “qrati”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji fl-oqsma koperti mill-imsemmi dritt, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

39      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 3 ta’ dan id-digriet, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-Awla Dixxiplinari.

40      Fl-aħħar nett, bħalma jirriżulta mill-punt 1 ta’ dan id-digriet, din it-talba għal miżuri provviżorji hija intiża, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-mertu (iktar ’il quddiem is-“sentenza definittiva”).

41      Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tadotta miżuri provviżorji tan-natura ta’ dawk mitluba mill-Kummissjoni.

42      Iċ-ċirkustanza invokata mir-Repubblika tal-Polonja li l-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum għadha ma adottat ebda miżura provviżorja ta’ din in-natura ma tistax tikkontesta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, sabiex il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti tali miżura ma titneħħilhiex is-sustanza tagħha, in-natura allegatament ġdida ta’ miżura provviżorja ma jistax ikollha effett fuq din il-ġurisdizzjoni.

43      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni huma intiżi sabiex ċerti Mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jiġifieri dawk tal-Awla Dixxiplinari, jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ tali miżuri jikser il-prinċipju li l-Imħallfin ma jistgħux jitneħħew u jikkomprometti, konsegwentement, il-garanziji ta’ indipendenza tal-qrati protetti kemm mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li jiġu ordnati, il-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni jkollhom bħala effett mhux ir-revoka tal-Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari iżda s-sospensjoni provviżorja tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi u, konsegwentement, tal-eżerċizzju minn dawn l-Imħallfin tal-funzjonijiet tagħhom sakemm tingħata s-sentenza definittiva.

45      Konsegwentement, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, l-adozzjoni ta’ tali miżuri ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju li l-Imħallfin ma jistgħux jitneħħew.

46      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni mhux biss ma jistgħux jiżguraw l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza definittiva iżda jirrendu saħansitra impossibbli, fil-każ li jintlaqa’ r-rikors, l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, sa fejn l-għoti tagħhom ikollu bħala effett prattiku x-xoljiment tal-Awla Dixxiplinari.

47      Madankollu, minbarra l-fatt li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni ma jwassalx għax-xoljiment tal-Awla Dixxiplinari, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’, fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur mir-Repubblika tal-Polonja tal-obbligu li hija għandha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tiżgura l-indipendenza ta’ din l-awla, dan l-Istat Membru jkun marbut, sabiex jagħti segwitu għas-sentenza definittiva, li jiżviluppa d-dritt nazzjonali tiegħu sabiex jiżgura li l-kawżi dixxiplinari dwar l-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-qrati tad-dritt komuni jkunu ttrattati minn qorti li tissodisfa l-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati.

48      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni, dawn il-miżuri ma jkunu jostakolaw bl-ebda mod l-effettività sħiħa tas-sentenza definittiva.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal miżuri provviżorji hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

50      L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura jistipula li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima faciel-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

51      Fil-fatt, miżura provviżorja tista’ tingħata mill-Imħallef għal miżuri provviżorji biss jekk ikun stabbilit li l-għoti tagħha huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li hija meħtieġa, sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, illi tingħata u jkollha l-effetti tagħha qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi quddiemu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-fumus boni juris

52      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit dwar il-fumus boni juris huwa ssodisfatt meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors fuq il-mertu jidher, prima facie, mhux nieqes minn bażi serja. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta wieħed minn dawn il-motivi jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu, jew meta d-diskussjoni bejn il-partijiet tiżvela l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx evidenti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament, C‑646/19 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2019:1149, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumus boni juris, il-Kummissjoni tinvoka motiv, li jikkorrispondi għat-tieni lment tal-ewwel motiv imqajjem fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, billi ma żguratx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

54      Għal dan l-għan, wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 77), il-Kummissjoni tressaq ċertu numru ta’ elementi li juru, fil-fehma tagħha, in-nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari.

55      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-istituzzjoni tal-Awla Dixxiplinari kkoinċidiet mal-emenda tar-regoli dwar il-ħatra tal-membri tal-KRS, u żżid li din l-emenda kellha l-effett li tippolitiċizza dan il-korp kostituzzjonali, li jipparteċipa fil-proċess ta’ selezzjoni tal-Imħallfin fil-Polonja u huwa inkarigat li jiżgura l-indipendenza tal-qrati u tal-Imħallfin Pollakki.

56      Il-Kummissjoni tindika li l-Artikolu 6 tal-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra interrompa l-mandat pendenti tal-membri tal-KRS u li, skont l-Artikolu 9a l-ġdid tal-Liġi dwar il-KRS, il-Kamra Inferjuri tal-Parlament eliġġiet ħmistax-il Imħallef membru ta’ dan il-korp kostituzzjonali, li kellu l-effett li jżid l-influwenza tas-setgħa leġiżlattiva fuq il-funzjonament tal-imsemmi korp, u, konsegwentement, fuq il-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin fl-Awla Dixxiplinari.

57      B’applikazzjoni ta’ dawn l-emendi leġiżlattivi, il-KRS attwalment hija komposta minn ħmistax-il Imħallef membru elett mill-Kamra Inferjuri tal-Parlament, erba’ membri maħtura mill-Kamra Inferjuri tal-Parlament minn fost il-Membri tal-Parlament, żewġ membri maħtura mis-Senat (is-Senat) u magħżula minn fost is-senaturi, rappreżentant tal-President tar-Repubblika tal-Polonja, rappreżentant tal-Ministru għall-Ġustizzja u żewġ membri tad-dritt, jiġifieri l-ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-President tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja). Għalhekk, tlieta u għoxrin mill-ħamsa u għoxrin membru tal-KRS ġew maħtura minn awtoritajiet leġiżlattivi jew eżekuttivi jew jirrappreżentaw tali awtoritajiet.

58      Issa, il-Kummissjoni tenfasizza li huwa fuq proposta tal-KRS, fil-kompożizzjoni tagħha deskritta fil-punt preċedenti, li l-Imħallfin kollha tal-Awla Dixxiplinari jinħatru mill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

59      It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-leġiżlatur nazzjonali eskluda l-possibbiltà li jaħtar bħala membru tal-Awla Dixxiplinari Mħallef diġà fil-kariga fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’tali mod li kienu biss Imħallfin ġodda, maħtura fuq proposta tal-KRS, li setgħu jiġu maħtura sabiex jipparteċipaw fi ħdan din l-awla.

60      It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Awla Dixxiplinari hija kkaratterizzata, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minn livell għoli ta’ awtonomija organizzattiva u finanzjarja. Għalhekk, bħala eżempju, konformement mal-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, is-setgħat li għandu normalment l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-konfront tal-Imħallfin ta’ din il-qorti jiġu eżerċitati, fir-rigward tal-każ partikolari tal-Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari, mill-President ta’ din tal-aħħar. Bl-istess mod, setgħat speċifiċi simili jikkonċernaw l-awtonomija finanzjarja tal-Awla Dixxiplinari.

61      Il-Kummissjoni targumenta li l-eżami flimkien tal-elementi msemmija iktar ’il fuq kif ukoll l-introduzzjoni simultanja tagħhom fid-dritt Pollakk juru interruzzjoni strutturali li tipprekludi li jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari fir-rigward ta’ elementi esterni u tal-imparzjalità tagħha fil-konfront tal-interessi konfliġġenti u li fuqhom hija għandha l-kompitu li tiddeċiedi.

62      Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, moqrija flimkien mal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS, la jiżguraw l-indipendenza u lanqas l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari u, konsegwentement, huma kuntrarji għall-obbligi tar-Repubblika tal-Polonja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

63      Fl-aħħar nett, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fondatezza tar-raġunament legali tat-tieni lment tal-ewwel motiv tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija kkonfermata mill-qari flimkien tas-sentenza A. K. u tas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

64      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex issodisfatta f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li dan it-tieni lment jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Awla Dixxiplinari tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi konfliġġenti (sentenza A. K., punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi żgurata fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-Imħallfin ikunu protetti minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. F’dan il-kuntest, ir-regoli msemmija fil-punt preċedenti għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-Imħallfin ikkonċernati (sentenza A. K., punti 124 u 125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Fis-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tippreċiża l-portata ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fil-kuntest tal-ħolqien ta’ istanza bħall-Awla Dixxiplinari.

68      Fir-rigward, qabelxejn, tal-kundizzjonijiet li fihom saru l-ħatriet tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrilevat li l-Imħallfin ta’ din l-Awla jinħatru mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-KRS, iddeċidiet, fil-punti 137 u 138 tas-sentenza A. K., billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-punti 115 u 116 tas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), li, għalkemm l-intervent tal-KRS f’dan il-proċess ta’ ħatra jista’ jkun ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex l-imsemmi proċess ikun oġġettiv, billi jitpoġġew limiti fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja fl-eżerċizzju tal-kompetenza li hija mogħtija lilu, dan huwa biss jekk, b’mod partikolari, il-KRS tkun hija stess indipendenti b’mod suffiċjenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva kif ukoll mill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

69      Issa, fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 142 sa 145 tas-sentenza A. K., identifikat, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, elementi li, meqjusa flimkien, jistgħu jwasslu għal dubju dwar l-indipendenza ta’ korp bħall-KRS.

70      B’mod partikolari, fil-punt 143 tas-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment b’mod espliċitu għal tliet ċirkustanzi li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni globali, b’mod partikolari, dik skont liema l-KRS komposta mill-ġdid ġiet stabbilita permezz ta’ tqassir tal-mandat ta’ erba’ snin fis-seħħ tal-membri li sa dak iż-żmien kienu jiffurmaw dan il-korp, kif ukoll dik li tipprovdi li, filwaqt li l-ħmistax-il membru tal-KRS eletti fost l-Imħallfin kienu eletti, qabel, mill-membri tal-ġudikatura kollegi tagħhom, issa huma magħżula minn fergħa tas-setgħa leġiżlattiva minn fost kandidati li jistgħu jkunu ppreżentati, b’mod partikolari minn gruppi ta’ elfejn ċittadin jew ta’ ħamsa u għoxrin Imħallef, u tali riforma twassal għal ħatriet li jġibu n-numru ta’ membri tal-KRS li ġejjin direttament mis-setgħat politiċi jew eletti minnhom għal tlieta u għoxrin mill-ħamsa u għoxrin membru li għandu l-imsemmi korp.

71      Sussegwentement, u indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom inħatru l-Imħallfin il-ġodda tal-Awla Dixxiplinari u tar-rwol tal-KRS f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat, fil-punti 147 sa 151 tas-sentenza A. K., elementi oħrajn li jikkaratterizzaw b’mod iktar dirett l-Awla Dixxiplinari u ddeċidiet, fil-punt 152 ta’ din is-sentenza, li, anki jekk kull wieħed minnhom ma huwiex ta’ natura, waħdu u meqjus b’mod iżolat, li jqajjem dubju dwar l-indipendenza ta’ din l-istanza, min-naħa l-oħra, dan jista’ jkun differenti meta jiġu meħuda flimkien, u dan iktar u iktar jekk l-eżami f’dak li jirrigwarda l-KRS kellu jiżvela nuqqas ta’ indipendenza ta’ din tal-aħħar fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva.

72      B’mod partikolari, fil-punti 150 u 151 tas-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja invokat, minn naħa, iċ-ċirkustanza li l-Awla Dixxiplinari għandha tkun komposta biss minn Imħallfin li jkunu għadhom kif inħatru, bl-esklużjoni, konsegwentement, tal-Imħallfin li kienu diġà fil-kariga fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Awla Dixxiplinari tidher, b’differenza mill-awli l-oħra li jifformaw din il-qorti, u bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li tgawdi minn livell partikolarment għoli ta’ awtonomija fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

73      Ċertament, bħalma targumenta r-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza A. K., ma kkonstatatx l-assenza ta’ konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-Awla Dixxiplinari u ta’ dawk li emendaw ir-regoli tal-kompożizzjoni tal-KRS, iżda ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex twettaq l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan.

74      F’dan ir-rigward, madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew ta’ prassi nazzjonali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettu lil dik il-qorti tevalwa tali konformità għall-finijiet tas-sentenza fil-kawża li hija jkollha quddiemha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum, C‑368/09, EU:C:2010:441, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 132 tas-sentenza A. K., ippreċiżat li llimitat l-eżami tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi tat interpretazzjoni tiegħu li kienet utli għall-qorti tar-rinviju, li għaliha kellha tevalwa, fid-dawl tal-punti ta’ interpretazzjoni hekk ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, invokati fil-punt 73 ta’ dan id-digriet, mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiddeċiedi l-kawżi pendenti quddiemha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum, C‑368/09, EU:C:2010:441, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fir-rigward preċiżament ta’ dawn il-punti, sa fejn dawn jirrigwardaw essenzjalment il-kompetenzi tal-Awla Dixxiplinari, il-kompożizzjoni tagħha, il-kundizzjonijiet u l-proċess ta’ ħatra tal-membri tagħha kif ukoll il-livell ta’ awtonomija tagħha fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ir-rilevanza tagħhom ma tistax tiġi llimitata għaċ-ċirkustanzi fattwali tas-sentenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tal‑5 ta’ Diċembru 2019. Għalhekk, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jipprova jinnega kull rilevanza ta’ din is-sentenza, minħabba li din ingħatat f’kuntest fattwali speċifiku, ma jistax jintlaqa’.

77      Issa, fid-dawl tal-punti li jinsabu, b’mod partikolari, fil-punti 136 sa 151 tas-sentenza A. K., kif ukoll tas-sentenzi, imsemmija fil-punti 19 sa 21 ta’ dan id-digriet, mogħtija mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil‑5 ta’ Diċembru 2019 u fil‑15 ta’ Jannar 2020 wara s-sentenza A. K., ma jistax, prima facie, jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, moqrija flimkien mal-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS, jiksru l-obbligu impost fuq ir-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tiżgura li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari dwar l-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni jkunu mistħarrġa minn istanza li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti fi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik ta’ indipendenza.

78      Konsegwentement, mingħajr ma tingħata deċiżjoni f’dan l-istadju dwar il-fondatezza tal-argumenti invokati mill-partijiet fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li taqa’ fil-kompetenza biss tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-punti ta’ fatt imressqa mill-Kummissjoni kif ukoll tal-punti ta’ interpretazzjoni pprovduti, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), u mis-sentenza A. K., l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel motiv tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li din it-talba għal miżuri provviżorji hija bbażata fuqu, jidhru, prima facie, li ma humiex nieqsa minn bażi serja, fis-sena tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ dan id-digriet.

79      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-Kummissjoni kellha turi li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta għall-ilmenti kollha mqajma insostenn tal-ewwel motiv tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan ma jistax jintlaqa’.

80      Fil-fatt, fid-dawl tal-għan limitat tat-talba għal miżuri provviżorji, jiġifieri s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-kuntest biss tat-tieni lment tal-ewwel motiv tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ fumus boni juris biss fir-rigward ta’ dan l-ilment.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dan il-każ.

 Fuq l-urġenza

82      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li l-okkorrenza tad-dannu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta. Huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Barra minn hekk, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jsostni, għall-finijiet biss tal-evalwazzjoni tal-urġenza u mingħajr ma dan jimplika kwalunkwe teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tiegħu fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti mqajma fuq il-mertu mill-applikant għal miżuri provviżorji, li dawn l-ilmenti jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, id-dannu gravi u irreparabbli li l-okkorrenza probabbli tiegħu għandha tiġi stabbilita huwa dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mir-rifjut li jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba fil-każ fejn ir-rikors fuq il-mertu sussegwentement jintlaqa’ (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza, issostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tal-ewwel motiv tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jikkompromettu l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari u jistgħu għalhekk imorru kontra l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tiżgura li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra l-Imħallfin tal-qrati nazzjonali msejħa sabiex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni huma mistħarrġa minn istanza li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti fi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari dik ta’ indipendenza.

85      Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, hemm lok, barra minn hekk, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, l-Awla Dixxiplinari hija diġà kkostitwita fil-kompożizzjoni tagħha li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ħatra tal-Imħallfin imsejħa sabiex jipparteċipaw fiha, u li, min-naħa l-oħra, din l-awla diġà bdiet l-attività tagħha.

86      F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma targumenta l-Kummissjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi tistax tikkawża dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tal-funzjonament tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

87      F’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi jirriżulta li l-Awla Dixxiplinari tikkostitwixxi, fir-rigward tal-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni, il-qorti dixxiplinari tat-tieni istanza u, f’ċerti każijiet, tal-ewwel istanza, u, fir-rigward tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), il-qorti dixxiplinari tal-ewwel u tat-tieni istanzi.

88      Il-garanzija ta’ indipendenza tal-Awla Dixxiplinari bħala qorti li għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni hija, konformement mal-ġurisprudenza invokata fil-punt 34 ta’ dan id-digriet, essenzjali sabiex tinżamm l-indipendenza kemm tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll ta’ dawn il-qrati.

89      Minn dan isegwi li l-fatt li l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tista’ ma tkunx żgurata sakemm tingħata s-sentenza definittiva jkollu l-effett li jikkomprometti, matul dan l-istess perijodu wkoll, l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni.

90      Fil-fatt, is-sempliċi perspettiva, għall-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni, li jinkorru r-riskju ta’ proċedura dixxiplinari li tista’ twassal sabiex tiġi adita istanza li l-indipendenza tagħha ma tkunx żgurata, tista’ taffettwa l-indipendenza rispettiva tagħhom. F’dan ir-rigward, in-numru ta’ proċeduri effettivament mibdija, sal-lum, fil-konfront ta’ tali mħallfin kif ukoll l-eżitu ta’ dawn il-proċeduri, ma humiex importanti.

91      Issa, konformement mal-ġurisprudenza invokata fil-punt 33 ta’ dan id-digriet, il-preżervazzjoni tal-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni hija ta’ importanza kbira sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni tiġi żgurata.

92      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma tistax tiġi żgurata jista’ jwassal għal dannu gravi, min-natura tiegħu irreparabbli, għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, għad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll għall-valuri, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata din l-Unjoni, b’mod partikolari, dik tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punti 68, 70 u 71).

93      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, sa fejn dawn jattribwixxu l-kompetenza sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawżi dixxiplinari dwar l-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati tad-dritt komuni lil istanza, f’dan il-każ l-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata, tista’ tikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

94      L-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ għaliex il-Kummissjoni damet sabiex tieħu l-passi intiżi sabiex jintemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jintlaqa’.

95      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fuqu hija bbażata din it-talba għal miżuri provviżorji jagħmel parti minn serje ta’ miżuri adottati mill-Kummissjoni fir-rigward tar-riformi leġiżlattivi kollha li jikkonċernaw is-sistema ġudizzjarja introdotti mir-Repubblika tal-Polonja mis-sena 2015, liema miżuri jinkludu l-adozzjoni, fl‑20 ta’ Diċembru 2017, ta’ Proposta Raġunata skont l-Artikolu 7(1) [TUE] dwar l-Istat tad-Dritt fil-Polonja (COM(2017) 835 final), li fiha din l-istituzzjoni esponiet, b’mod partikolari, il-problemi li jqajmu d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati.

96      Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja intiża li titwarrab l-eżistenza tal-urġenza għar-raġuni li l-Kummissjoni ressqet it-talba għal miżuri provviżorji tliet xhur wara l-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

97      Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fid-data tal-preżentata tal-imsemmi rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni kienu ġew informati bid-data tal-għoti tas-sentenza A. K.

98      Issa, sa fejn dik is-sentenza kienet tqajjem il-kwistjoni tal-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari, kien raġonevoli għall-Kummissjoni, qabel ma tressaq talba għal miżuri provviżorji, li tistenna t-tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din il-kwistjoni u, jekk ikun il-każ, li tevalwa l-effetti tal-imsemmija sentenza fil-Polonja.

99      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, flimkien mal-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni talbet l-applikazzjoni, għat-trattament ta’ dan ir-rikors, tal-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għar-raġuni, b’mod partikolari, li n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati fl-imsemmi rikors huma ta’ natura sistematika u li eżami tal-kawża f’termini qosra jservi ċ-ċertezza legali kemm fl-interess tal-Unjoni kif ukoll tal-Istat Membru kkonċernat.

100    Kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, il-fatt li din it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jurix l-assenza ta’ urġenza.

101    Fil-fatt, ma teżisti ebda korrelazzjoni bejn il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu f’kawża skont il-proċedura mħaffa u dik dwar jekk il-miżuri provviżorji mitluba fil-kuntest ta’ din il-kawża humiex urġenti sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi lill-parti li titlobhom (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Marzu 2018, Wall Street Systems UK vs BĊE, C‑576/17 P(R) u C‑576/17 P(R)‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:208, punt 51).

102    F’dan il-kuntest, il-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi legali mqajma minn kawża tagħmila diffiċli li tiġi applikata tali proċedura, b’mod partikolari meta ma jidhirx xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2017, Weiss et, C‑493/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:792, punt 13). Issa, għandu jiġi rrilevat li dan huwa l-każ fil-kawża odjerna.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta f’dan il-każ.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

104    Jidher li, fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kemm l-għoti kif ukoll ir-rifjut li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba jistgħu jipproduċu, sa ċertu punt, ċerti effetti definittivi u huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji, adit b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li għandu jibbilanċja r-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli. B’mod konkret, dan jimplika b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk l-interess tal-parti li qiegħda titlob il-miżuri provviżorji li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jipprevalix fuq l-interess li dawn jiġu applikati immedjatament. Matul dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-revoka possibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun laqgħet ir-rikors fuq il-mertu, tippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun ġiet ikkawżata minħabba l-eżekuzzjoni immedjata tagħhom u, bil-maqlub, sa liema punt is-sospensjoni tkun ta’ natura li tostakola l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija dispożizzjonijiet fil-każ li r-rikors fuq il-mertu jiġi miċħud (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, il-Kummissjoni targumenta li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara li tkun irrifjutat li tordna l-miżuri provviżorji mitluba, il-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun affettwat b’mod sistematiku u jkun hemm dannu irreparabbli għad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiċħad ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara li tkun ordnat il-miżuri provviżorji, l-unika konsegwenza ta’ dan tkun li l-funzjonament tal-Awla Dixxiplinari jkun ġie sospiż temporanjament.

106    Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba ġġiegħel lis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva Pollakki jadottaw miżuri li l-effett prattiku tagħhom ikun ix-xoljiment ta’ korp tas-setgħa ġudizzjarja li jeżerċita, skont il-liġi, il-funzjonijiet strutturali tiegħu marbuta mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. L-applikazzjoni ta’ tali miżuri provviżorji għalhekk tkun tippreġudika l-prinċipji strutturali fundamentali tal-Istat Pollakk, billi ddgħajjef f’għajnejn il-partijiet f’kawża d-dehra ta’ indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

107    L-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba jkollha wkoll l-effett li ttemm entità li l-baġit tagħha jiġi eżegwit mill-President tagħha, separatament mill-baġit tal-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Bl-istess mod, jisparixxi l-post tax-xogħol tal-impjegati responsabbli mis-servizz amministrattiv u finanzjarju tal-imsemmija entità.

108    Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni ta’ tali miżuri tkun tippreġudika d-dritt tal-partijiet f’kawża li l-kawżi tagħhom jkunu pendenti sabiex dawn jiġu eżaminati mill-qorti li tkun ġiet stabbilita preċedentement skont il-liġi.

109    F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li, bħalma tfakkar fil-punt 29 ta’ dan id-digriet, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja tal-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

110    Sussegwentement, bħalma ġie rrilevat fil-punti 44 u 47 ta’ dan id-digriet, l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba ma jwassalx għax-xoljiment tal-Awla Dixxiplinari u lanqas, għaldaqstant, għat-tneħħija tas-servizzi amministrattivi u finanzjarji tagħha, iżda għas-sospensjoni provviżorja tal-attività tagħha sakemm tingħata s-sentenza definittiva.

111    Barra minn hekk, sa fejn l-għoti tal-imsemmija miżuri jimplika li t-trattament tal-kawżi pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari għandu jiġi sospiż sakemm tingħata s-sentenza definittiva, id-dannu li jirriżulta mis-sospensjoni ta’ dawn il-kawżi għall-partijiet f’kawża kkonċernati huwa inqas minn dak li jirriżulta mill-eżami tagħhom minn istanza, jiġifieri l-Awla Dixxiplinari, li n-nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tagħha ma jistax, prima facie, jiġi eskluż.

112    Fl-aħħar nett, id-diffikultajiet ta’ natura baġitarja invokati mir-Repubblika tal-Polonja li huma marbuta mal-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba ma jistgħux jipprevalu fuq ir-riskju li jiġi ppreġudikat l-interess ġenerali tal-Unjoni fid-dawl tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tagħha.

113    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-ibbilanċjar tal-interessi involuti jxaqleb huwa favur l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talba tal-Kummissjoni għal miżuri provviżorji, imsemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet, għandha tintlaqa’.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tordna:

1)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha, immedjatament u sal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C791/19,

–        tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 73(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal2018, intestatura 5), kif emendata, li jikkostitwixxu l-bażi tal-kompetenza tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, fil-kawżi dixxiplinari relatati ma’ Mħallfin;

–        tastjeni milli tibgħat il-kawżi pendenti quddiem l-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C585/18, C624/18 u C625/18, EU:C:2019:982), u

–        tikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jordna l-miżuri provviżorji mitluba, kull miżura li hija tkun adottat sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.