Language of document : ECLI:EU:F:2010:38

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

5 ta’ Mejju 2010

Kawża F-48/09

Nikolaus Schopphoven

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/117/08 — Ġlieda kontra l-frodi — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Eżami mill-ġdid — Żvolġiment tal-eżamijiet — Evalwazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Ksur tal-avviż tal-kompetizzjoni — Ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati — Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu N. Schopphoven jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tat-28 ta’ April 2009, li ma tinkludix ismu fil-lista ta’ riżerva stabbilita fit-tmiem tal-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/117/08, liema deċiżjoni tirriżulta mill-posta elettronika tal-EPSO tal-4 ta’ Marzu, 25 ta’ Marzu u 27 ta’ April 2009 u, min-naħa l-oħra, l-annullament ta’ din il-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni adottata wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kontenut tal-eżamijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Meta kandidat li ismu ma jkunx inkluż fil-lista ta’ riżerva stabbilita fit-tmiem ta’ kompetizzjoni jitlob l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi att li jikkawżalu preġudizzju.

(ara l-punt 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑5 u II‑A‑2‑19, punt 27; 13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑329 u II‑A‑2‑1695, punt 19

2.      Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-eżamijiet, u din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li madankollu għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju li għandu jippermetti li jivverifika jekk l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew abbuż ta’ poter jew jekk il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali jkunux inqabżu b’mod manifest.

Il-Bord tal-Ġħażla għandu wkoll setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet previsti fil-kuntest ta’ kompetizzjoni u l-qorti tista’ biss tiċċensura dan il-kontenut fil-każ fejn l-imsemmi bord imur lil hinn mill-kuntest indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni jew jekk ma jkunx fih miżuri komuni mal-għanijiet tal-eżami tal-kompetizzjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-eżami orali, li għalih il-Bord tal-Għażla għandu l-ikbar setgħa ta’ evalwazzjoni.

Fil-kuntest ta’ eżamijiet li jikkonsistu f’mistoqsijiet b’għażla multipla, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-korrezzjoni tiegħu għal dik tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Domanda, fid-dawl eventwali tar-risposta proposta għaliha, tista’ tiġi ċċensurata biss jekk din id-domanda tidher li hija manifestament inadegwata fil-konfront tal-għan tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta mill-ispjegazzjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni jirriżulta li r-risposti differenti proposti għal domanda ma jippermettux li tiġi ddeterminata risposta waħda korretta, fatt li huwa l-oppost tal-istruzzjonijiet mogħtija f’dan is-sens lill-kandidati.

(ara l-punti 26 u 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, Ġabra p. 1399, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 1996, Kaps vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑153/95, ĠabraSP p. I‑A‑233 u II‑663, punt 37; 11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T‑200/97, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑73, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punti 91, 93 u 94; 9 ta’ Novembru 2004, Vega Rodríguez vs Il‑Kummissjoni, T‑285/02 u T‑395/02, ĠabraSP p. I‑A‑333 u II‑1527, punt 36