Language of document : ECLI:EU:F:2010:137

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-9/09

Isabel Vicente Carbajosa et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08 fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi — Att li jikkawża preġudizzju — Esklużjoni tal-kandidati wara r-riżultati miksuba fit-testijiet ta’ aċċess — Inkompetenza tal-EPSO”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu I. Vicente Carbajosa u żewġ uffiċjali/membri tal-persunal temporanju oħra tal-Kummissjoni qegħdin jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) dwar l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08, tad-deċiżjonijiet tal-EPSO dwar il-korrezzjoni tat-testijiet ta’ aċċess u tal-eżamijiet bil-miktub, kif ukoll l-annullament tal-evalwazzjoni tal-eżamijiet orali tal-kompetizzjonijiet imsemmija.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-EPSO li I. Vicente Carbajosa, fir-rigward tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, u N. Lehtinen u M. Menchén, fir-rigward tal-kompetizzjoni EPSO/AD/118/08, ma jiġux inklużi fil-lista tal-kandidati mistiedna sabiex jippreżentaw kandidatura sħiħa huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Kandidat eskluż minn kompetizzjoni li jitlob l-annullament tal-operazzjonijiet kollha tal-kompetizzjoni — Ammissibbiltà limitata għall-esklużjoni tar-rikorrent

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Żvolġiment tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali — Rwol tal-EPSO — Assistenza mogħtija lill-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 4 u 7)

3.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      It-talba ta’ kandidat eskluż mil-lista tal-kandidati mistiedna sabiex jippreżentaw kandidatura sħiħa fid-dawl tal-eventwali ammissjoni tagħhom f’kompetizzjoni ġenerali, intiża għall-annullament tal-proċedura ta’ kompetizzjoni, hija ammissibbli biss sa fejn tikkonċerna r-rifjut li dan il-kandidat jiġi inkluż fil-lista inkwistjoni.

(ara l-punt 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Mejju 2000, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99, ĠabraSP p. I‑A-101 u II-433, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Għalkemm il‑kompiti mogħtija lill‑Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) huma tali li jagħmlu lil dan il‑korp attur importanti fid‑determinazzjoni u l-implementazzjoni tal‑politika tal‑Unjoni fir‑rigward tas-selezzjoni tal‑persunal, għal dak li jirrigwarda, min-naħa l‑oħra, l‑iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet għar‑reklutaġġ ta’ uffiċjali, ir‑rwol tiegħu, għalkemm sinjifikattiv sa fejn jassisti lill‑Bord tal-Għażla, jibqa’, fi kwalunkwe każ, sussidjarju meta mqabbel ma’ dak ta’ dan tal‑aħħar, u, barra minn hekk, l-EPSO ma jistax jieħu post il-Bord tal-Għażla.

Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, hija l-Awtorità tal-Ħatra, u għalhekk l-EPSO sa mill-2002, li għandha tistabbilixxi l-avviż tal-kompetizzjonijiet — li jispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni —, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-anness imsemmi, anness li fir-riforma tal-2004 ġie emendat sabiex jinkludi fih l-Artikolu 7, iddedikat għall-kompiti mogħtija lill-EPSO, meta tibda l-proċedura ta’ kompetizzjoni, ir-rwol tal-EPSO huwa limitat għall-adozzjoni tal-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal — jiġifieri li l-kandidati jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u jgawdu d-drittijiet kollha bħala ċittadini, li l-kandidati jkunu ssodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-liġijiet dwar is-servizz militari u li jipproduċu r-referenzi ta’ karattru xieraq li juru li l-kandidati kapaċi jwettqu d-dmirijiet eventwali tagħhom — u għat-trażmissjoni ta’ din il-lista lill-President tal-Bord tal-Għażla, flimkien mal-fajls tal-kandidatura. Għaldaqstant, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux lill-EPSO funzjonijiet dwar is-selezzjoni stess tal-persunal.

(ara l-punti 48 u 49)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il‑Kummissjoni, F‑35/08, punt 58, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑361/10 P

3.      Meta deċiżjoni tal‑Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li kandidat ma jiġix inkluż fil-lista tal-kandidati mistiedna sabiex jippreżentaw kandidatura sħiħa fid-dawl tal-eventwali ammissjoni tagħhom f’kompetizzjoni ġenerali tkun annullata, id-drittijiet tal-persuna kkonċernata jkunu protetti b’mod adegwat jekk l-Awtorità tal-Ħatra tfittex soluzzjoni ġusta fil-konfront tagħha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu kkontestati r-riżultati kollha tal-kompetizzjoni jew li jiġu annullati l-ħatriet li jkunu saru sussegwentement għal dawn ir-riżultati.

(ara l-punti 60 u 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1983, Dettiv vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, 144/82, Ġabra p. 2421, punt 33; 6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, Ġabra p. I‑3839, punti 13 u 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑32/89 u T‑39/89, Ġabra p. II‑281, punt 44; Il-Qorti Ġenerali: 5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑53/08, punti 82 u 83