Language of document : ECLI:EU:C:2019:10

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑10 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C631/17

SF

vs

Inspecteur van de Belastingdienst

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(e) – Ċittadin ta’ Stat Membru impjegat bħala baħri abbord vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz – Persuna li timpjega stabbilita fi Stat differenti minn dak ta’ residenza tal-ħaddiem – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-regolament – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli”






1.        L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (2) għandu jitqies bħala dispożizzjoni li tagħlaq is-sistema tar-regoli li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli (ir-regoli ta’ kunflitt) fil-qasam tas-sigurtà soċjali prevista minn dan ir-regolament, li tapplika għal kull ipoteżi li ma ġietx espressament meqjusa minnu jew li għandha portata iktar limitata, peress li hija applikabbli esklużivament għall-persuni mhux attivi?

2.        Essenzjalment, din hija l-kwistjoni li għandha ssolvi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami, kwistjoni li bħala suġġett għandha domanda preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), fil-kuntest ta’ tilwima li qamet bejn, min-naħa l-waħda ċittadin Latvjan, li joqgħod fil-Latvja, impjegat għal perijodu qasir, minn kumpannija bbażata fil-Pajjiżi l-Baxxi, abbord vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz li fil-perijodu rilevanti kien jinsab ’il barra mit-territorju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet fiskali Olandiżi li qegħdin jitolbu l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali għal dan il-perijodu ta’ impjieg.

3.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta għall-ewwel darba d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li tikkostitwixxi dispożizzjoni ġdida li ma kinitx teżisti fir-Regolament l-antik Nru 1408/71 (3). Is-sentenza li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami ser ikollha ċerta rilevanza għad-definizzjoni tal-istruttura sistematika tar-regoli ta’ kunflitt previsti mir-Regolament Nru 883/2004.

I.      Il-kuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, l-ewwel artikolu tat-Titolu II tiegħu, intitolat “Regoli ġenerali”, jistabbilixxi:

“1.      Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(b)      persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

(ċ)      persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(d)      persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(e)      kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.

4.      Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa fuq vapur li jbaħħar taħt il-bandiera ta’ Stat Membru għandha titqies bħala attività mwettqa f’dak l-Istat Membru. Madanakollu, persuna impjegata fuq vapur li jbaħħar taħt il-bandiera ta’ Stat Membru iżda mħallas għal din l-attività minn impriża jew persuna li għandha l-uffiċju reġistrat tagħha jew il-post tan-negozju tagħha fi Stat Membru ieħor, għandu jkun suġġett għal-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jekk il-persuna konċernata għandha r-residenza tagħha f’dan l-Istat. L-impriża jew il-persuna li tħallas il-paga għandha titqies bħala l-persuna li tħaddem għall-għanijiet tal-leġislazzjoni msemmija.

[…]”

II.    Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

5.        Fil-perijodu ta’ bejn it-13 ta’ Awwissu 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 SF, ċittadin Latvjan residenti fil-Latvja, kien impjegat mal-kumpannija Oceanwide Offshore Services B.V., ibbażata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

6.        F’dan il-perijodu, SF wettaq xogħol marittimu, fil-kariga ta’ steward, abbord vapur li jtajjar bandiera tal-Baħamas, li matul il-perijodu inkwistjoni, kien jinsab fuq il-parti Ġermaniża tal-blata kontinentali ta’ taħt il-Baħar tat-Tramuntana.

7.        B’rabta mal-perijodu tal-impjieg ta’ SF mal-kumpannija Oceanwide Offshore Services B.V., l-awtoritajiet fiskali Olandiżi, b’mod iktar preċiż l-Inspecteur van de Belastingdienst (l-Ispettur tas-Servizz tat-Taxxi), bagħtulu avviż ta’ impożizzjoni tat-taxxa biex iħallas il-kontribuzzjonijiet soċjali.

8.        Peress li qies li ma huwiex suġġett għas-sistema Olandiża tal-kontribuzzjonijiet soċjali, SF ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali Olandiżi quddiem ir-Rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant).

9.        Din il-qorti, min-naħa tagħha, iddeċidiet li tagħmel xi domandi preliminari lill-Hoge Raad biex jiġi ddeterminat liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli, skont ir-Regolament Nru 883/2004, għas-sitwazzjoni ta’ SF.

10.      Il-Hoge Raad, li hija l-qorti tar-rinviju, qiegħda tippreżupponi li kemm SF kif ukoll ir-relazzjoni tal-impjieg tiegħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u li x-xogħol imwettaq minnu fil-perijodu inkwistjoni ma jistax jiġi assimilat ma’ attivitajiet imwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni.

11.      Il-qorti tar-rinviju tafferma li, peress li ma hemm l-ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 883/2004 li hija applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik ta’ SF, tali sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament u li, għalhekk, il-leġiżlazzjoni rilevanti f’dan il-każ hija dik tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, jiġifieri d-dritt Latvjan.

12.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li quddiemha ġie affermat li għas-sitwazzjoni ta’ SF għandu japplika l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess artikolu. Din il-qorti tinnota li, f’każ li dan il-qafas ġuridiku kien korrett, il-liġi applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ SF kienet tkun dik tal-Istat li fih hija stabbilita l-persuna li timpjega, jiġifieri d-dritt Olandiż.

13.      F’dan il-kuntest, peress li kellha dubji dwar jekk il-pożizzjoni tagħha kinitx korretta, il-Hoge Raad għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-leġiżlazzjoni ta’ liema Stat Membru għandha tapplika skont ir-Regolament Nru 883/2004 f’sitwazzjoni fejn il-parti kkonċernata (a) tirrisjedi fil-Latvija, (b) hija ta’ nazzjonalità Latvjana, (ċ) hija impjegata minn persuna stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, (d) taħdem bħala baħrija, (e) taħdem fuq bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Baħamas, u (f) twettaq dawn l-attivitajiet barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru fid‑9 ta’ Novembru 2017. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn SF, mill-Gvern Grieg, Pollakk u Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta, li nżammet fit‑8 ta’ Novembru 2018, intervjenew SF, il-Gvern Grieg u Olandiż u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

15.      Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara liema hi, bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali, li hija residenti fl-Istat Membru ta’ oriġini u li kienet impjegata minn persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor, fejn kienet twettaq attivitajiet fil-kariga ta’ baħri abbord vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz li, fil-perijodu rilevanti, kien jinsab ’il barra mit-territorju tal-Unjoni.

16.      F’dan ir-rigward hemm żewġ argumenti kuntrastanti.

17.      Skont l-ewwel argument, imressaq mill-qorti tar-rinviju nnifisha, mill-Gvern Grieg u Pollakk, kif ukoll minn SF, peress li s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma hijiex irregolata minn dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 883/2004, għandha tiġi applikata għaliha d-dispożizzjoni ta’ natura residwa msemmija fl-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004. Konsegwentement, il-persuna kkonċernata għandha tiġi suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.

18.      Skont l-argument l-ieħor imressaq, min-naħa l-oħra, mill-Kummissjoni u mill-Gvern Olandiż, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha tkun applikabbli esklużivament għall-persuni mhux attivi u ma tkunx għalhekk applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik ta’ SF, fejn fil-perijodu rilevanti kien qiegħed iwettaq attività professjonali. Għal sitwazzjoni bħal dik ta’ SF, pjuttost, għandha tkun applikabbli, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4), il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-persuna li impjegat lill-persuna kkonċernata.

19.      Sabiex tirrispondi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tiddetermina l-portata tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004. Għal dan il-għan, fil-fehma tiegħi, l-ewwel għandha ssir analiżi ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tas-sistema tar-Regolament Nru 883/2004, fid-dawl tal-prinċipji tal-ġurisprudenza żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, u sussegwentement jiġi ddefinit, fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-kamp ta’ applikazzjoni.

B.      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e), fis-sistema tar-Regolament Nru 883/2004

20.      Kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tar-Regolament Nru 883/2004, li wettaq modernizzazzjoni u semplifikazzjoni tar-regoli inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li jżomm l-istess għan, huwa li jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni (5).

21.      Dan ir-regolament ma jorganizzax sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu sistemi nazzjonali distinti (6) filwaqt li jistabbilixxi sett ta’ prinċipji komuni li għandhom jiġu osservati mil-leġiżlazzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri kollha u li jiżguraw, flimkien mas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt li huwa jipprovdi, li l-persuni li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fl-Unjoni ma jkunux ippreġudikati mid-diversi sistemi nazzjonali minħabba li użaw din il-libertà (7).

22.      F’dan il-kuntest, it-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 fih ir-regoli ta’ kunflitt li jippermettu li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, meta persuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan tal-aħħar, ir-regola ta’ uniċità stabbilita fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament bħala prinċipju hija applikabbli u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-imsemmi regolament (8).

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, iċċarat li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitti u li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan mhux biss li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali iżda wkoll li jiġi prekluż li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom (9).

24.      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 jikkostitwixxi l-“pedament” tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament u jippermetti li tiġi stabbilita liema hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal kull persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (10).

25.      Fir-rigward speċifikament tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tinnota li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regola ta’ kunflitt intiża sabiex tiddetermina l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li jistgħu jintalbu mill-persuni minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3)(a) sa (d) tal-imsemmi regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, il-persuni ekonomikament mhux attivi (11).

26.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll diġà l-okkażjoni li tidentifika l-għanijiet speċifiċi tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li huma dawk imsemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt iċċarat li din id-dispożizzjoni ma għandhiex biss l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ numru ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal sitwazzjoni speċifika u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, iżda wkoll li tipprekludi li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom (12). Min-naħa l-oħra, bħala tali, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina r-rekwiżiti sostantivi tal-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali peress li, fil-prinċipju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn ir-rekwiżiti (13).

27.      Fir-rigward tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi osservat ukoll li, kif innotaw il-qorti tar-rinviju u wħud mill-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni effettivament tikkostitwixxi element ġdid għal dan ir-regolament. Ir-Regolament preċedenti Nru 1408/71, fil-fatt, ma kellu l-ebda dispożizzjoni komparabbli.

28.      Ir-Regolament Nru 1408/71 kien fih dispożizzjoni waħda biss li kellha natura parzjalment residwa (14), kif ġie nnotat mill-Kummissjoni, b’segwitu għas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (C-302/84, EU:C:1986:242). Madankollu, tali dispożizzjoni kienet tippermetti li tiġi ddeterminata biss il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuni li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma kinitx baqgħet applikabbli għalihom u li ma saritx applikabbli għalihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (15).

29.      Għaldaqstant fl-istruttura sistematika tar-Regolament Nru 1408/71, minkejja li, kif ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (16), fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament hemm sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitti, ma kinitx teżisti regola espliċita li tagħlaq din is-sistema, li kellha portata ġenerali u li kienet tippermetti li tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-każijiet kollha li ma humiex espliċitament previsti mid-dispożizzjonijiet tal-istess Titolu II.

30.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha, f’diversi drabi, tintervjeni biex tagħlaq il-lakuni tas-sistema billi stabbilixxiet, permezz ta’ interpretazzjoni estensiva jew permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni applikabbli f’każijiet partikolari li ma humiex rregolati b’mod espliċitu mir-regoli ta’ kunflitt tat-Titolu II tal-imsemmi regolament (17).

C.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004

31.      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti preċedenti li għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni u, b’mod iktar speċifiku, biex jiġi vverifikat jekk, kif jaffermaw il-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż, din id-dispożizzjoni tapplikax esklużivament għall-persuni mhux attivi.

32.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (18).

33.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontenut letterali tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi nnotat li din ġiet ifformulata f’termini pjuttost ġenerali. Din tapplika għal “kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d)” tal-istess paragrafu mingħajr ħsara, min-naħa l-waħda, “għall-Artikolu 12 sa 16” u min-naħa l-oħra, “għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu [lil din il-persuna] benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra”.

34.      L-analiżi letterali tad-dispożizzjoni turi mhux biss li din hija fformulata f’termini ġenerali permezz tal-lokuzzjoni “kull persuna oħra”, iżda wkoll li din hija akkumpanjata minn żewġ caveats li anki dawn għandhom portata ġenerali: l-ewwel waħda hija mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri r-regoli kollha ta’ kunflitt li jippermettu li tiġi stabbilita l-liġi applikabbli għall-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu; it-tieni waħda, min-naħa l-oħra, tirreferi għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-istess regolament.

35.      Din l-għażla redazzjonali, fil-fehma tiegħi, tinkoraġġixxi interpretazzjoni li tattribwixxi lil din id-dispożizzjoni natura ta’ regola ta’ kunflitt li tagħlaq is-sistema, li għandha l-għan li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kull ipoteżi li għaliha r-Regolament Nru 883/2004 ma jiddeterminax b’mod espliċitu l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ persuna kkonċernata.

36.      Min-naħa l-oħra, l-analiżi letterali tad-dispożizzjoni ma tikxef l-ebda element li jista’ jiġġustifika limitazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha esklużivament għall-persuni mhux attivi. Fil-fatt, bl-ebda mod ma jirriżulta mit-test nnifsu tad-dispożizzjoni li din tista’ tkun applikabbli esklużivament għal ċerti kategoriji ta’ persuni speċifiċi.

37.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu, qabel kollox, jiġi nnotat li l-ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 883/2004 u l-ebda premessa tiegħu ma jfornu elementi li jiffavorixxu l-argument li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni nnifisha għandu jkun limitat esklużivament għall-persuni mhux attivi.

38.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, biex tiġġustifika dan l-argument, il-Kummissjoni għamlet riferiment, b’mod pjuttost misterjuż, għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2004. Dan l-artikolu jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-istess regolament. Madankollu, ma huwiex ċar, minħabba li l-Kummissjoni la rnexxielha tispjegah fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u lanqas matul is-seduta, kif dan l-artikolu, bħala tali, jista’ jiġġustifika limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tal-istess regolament esklużivament għall-persuni mhux attivi.

39.      Il-qorti tar-rinviju tafferma li quddiemha ġiet invokata l-premessa 42 tar-Regolament Nru 883/2004 biex jiġi ġġustifikat l-argument tal-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tal-istess regolament għall-persuni attivi. Mit-test ta’ din il-premessa (19) – li madankollu tagħmel riferiment għas-sitwazzjoni partikolari tar-Renju tad-Danimarka – jista’ ċertament jiġi konkluż li r-Regolament Nru 883/2004 ġie estiż għall-kategorija l-ġdida ta’ persuni mhux attivi. Madankollu, ir-rikonoxximent espliċitu ta’ din l-estensjoni f’din il-premessa ma jidhirx li jista’ jkun xieraq, fih innifsu, biex jiġġustifika limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 esklużivament għal din il-kategorija ta’ persuni.

40.      Lanqas ma jista’ jiġi nnotat xi element, fil-fehma tiegħi, insostenn tal-argument ta’ limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni mill-istruttura tal-Artikolu 11 innifsu. Iċ-ċirkustanza li l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi każijiet differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 3(a) sa (d) tal-istess artikolu, fil-fehma tiegħi, bl-ebda mod ma hija idonea biex tissostanzja l-argument ta’ limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni għall-persuni mhux attivi. Dan il-każ partikolari jidħol fil-caveats imsemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq.

41.      Għall-kuntrarju, minn perspettiva sistematika, il-preżenza ta’ dawn iż-żewġ caveats, li jkopru kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 883/2004, tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, element b’saħħtu insostenn tal-argument tan-natura ta’ regola li tagħlaq is-sistema tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004.

42.      Bħala konferma għal dan l-argument, dejjem minn perspettiva sistematika, hemm ukoll il-fatt li l-Artikolu 11, li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni, huwa intitolat “Regoli ġenerali” u jikkostitwixxi l-ewwel artikolu tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, u dan juri b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fih, huma intiżi li jkollhom portata ġenerali.

43.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjoni inkwistjoni, kif issemmew fil-punt 26 iktar ’il fuq, diġà ġew identifikati b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja.

44.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 fis-sens li din tikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura ġenerali u residwa, li tagħlaq is-sistema u li tiżgura d-determinazzjoni ta’ liġi applikabbli fil-każijiet kollha li ma humiex espliċitament previsti minn dan ir-regolament hija l-iktar waħda idonea biex tiżgura l-ilħuq tal-għanijiet tar-regola u tar-regolament nnifishom, jiġifieri li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal sitwazzjoni speċifika u li tipprekludi li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom.

45.      Interpretazzjoni restrittiva li tkun tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni esklużivament għall-persuni mhux attivi, fil-fatt, tinvolvi r-riskju li jibqgħu jippersistu l-lakuni anki fir-regola prevista mis-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt maħluqa mir-Regolament Nru 883/2004 b’sitwazzjonijiet konsegwenti ta’ inċertezza ġuridika li jkollhom jiġu solvuti, bħal meta kien fis-seħħ ir-Regolament l-antik Nru 1408/71, ex post mill-Qorti tal-Ġustizzja.

46.      Fir-rigward tal-għanijiet tad-dispożizzjoni inkwistjoni qiegħed ninnota għal darba oħra li l-argument imressaq mill-Kummissjoni matul is-seduta, li skontu mill-proposta għal regolament li hija stess ippreżentat fl‑1998 (20) jirriżulta – li fuq il-bażi tagħha suċċessivament ġie adottat ir-Regolament Nru 883/2004 – li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet dik li jillimita l-portata tad-dispożizzjoni għall-persuni mhux attivi, ma huwiex rifless fit-test ta’ din il-proposta.

47.      Fil-fatt, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-artikolu li suċċessivament, fit-test finali, sar l-Artikolu 11 tar-regolament (jiġifieri l-Artikolu 8 tal-proposta) ma jista’ bl-ebda mod jiġi dedott li l-intenzjoni tal-leġiżlatur fir-rigward tad-dispożizzjoni inkwistjoni (li baqgħet sostanzjalment l-istess fit-test finali tar-regolament) kienet li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni esklużivament għall-persuni mhux attivi (21).

48.      Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, fil-fehma tiegħi, jirriżulta li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha tiġi interpretata b’mod estensiv, konformement mal-għanijiet tar-regolament u tar-regola nnifisha li ġew identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, din, fir-rigward ta’ dispożizzjoni li tagħlaq is-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt maħluqa minn dan ir-regolament, għandha tapplika, fil-fehma tiegħi, għal kull persuna li ma tidħolx fil-kategoriji tal-paragrafu 3(a) sa (d) tal-istess artikolu, jew għal persuna li għaliha l-ebda dispożizzjoni oħra tar-regolament nnifsu ma tistabbilixxi l-leġiżlazzjoni applikabbli, u dan għal kwalunkwe raġuni, u għaldaqstant mhux biss minħabba l-inattività ta’ din il-persuna.

49.      F’dan ir-rigward qiegħed ninnota wkoll li l-interpretazzjoni f’sens wiesa’ tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 li ġiet proposta fil-punt preċedenti hija konformi mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adottat għar-regola li din id-dispożizzjoni ssostitwixxiet, jiġifieri l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, fil-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ din l-aħħar regola, il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tal-formulazzjoni tagħha f’termini ġenerali, kienet adottat interpretazzjoni wiesgħa li skontha din kienet tkopri “kull ipoteżi” li fiha l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma kinitx tibqa’ applikabbli għal persuna u “għal kwalunkwe raġuni” (22). Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni li pproponejt fil-punt 48 iktar ’il fuq ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, titpoġġa f’dubju mill-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni u mill-Gvern Olandiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

50.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-riferimenti li saru mill-Kummissjoni, min-naħa l-waħda, għall-Gwida Prattika dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fl-Isvizzera (23), imfassla u approvata mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali u, min-naħa l-oħra għad-dokument tad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni intitolat “Notes explicatives sur la modernisation de la coordination en matière de securité sociale” (24), għandu jiġi osservat li dawn id-dokumenti, minkejja li jikkostitwixxu strumenti ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, bl-ebda mod ma huma obbligatorji u vinkolanti għall-Qorti tal-Ġustizzja jew il-qrati nazzjonali fl-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (25).

51.      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riferimenti differenti, li saru mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qiegħed ninnota, qabel kollox, li l-punt 63 tas-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436), li għamel riferiment għalih il-Gvern Olandiż biex jissostanzja l-argument tiegħu u li jissemma fil-punt 25 iktar ’il fuq, pjuttost jaħdem favur interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sens li din ma tapplikax esklużivament għall-persuni mhux attivi. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-lokuzzjoni “b’mod partikolari” (26) qabel ma għamlet riferiment għal din il-kategorija ta’ persuni, u dan jindika l-intenzjoni li ma tiġix limitata esklużivament għal dan it-tip ta’ persuni l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

52.      Fir-rigward tas-sentenzi ċċitati Aldewereld u Kik, sa fejn dawn ċertament ifornu iktar spunti interpretattivi utli, huwa inevitabbli li jiġi kkonstatat li dawn ġew deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 daħlet fis-seħħ u għalhekk f’kuntest ġuridiku differenti li fih ma kinitx teżisti regola li tagħlaq is-sistema. Is-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest differenti għaldaqstant ma jistgħux jiġu ttrasposti fil-kuntest il-ġdid tar-Regolament Nru 883/2004, li fih ma huwiex iktar meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri għal soluzzjonijiet interpretattivi biex tagħlaq il-lakuni tal-qafas regolatorju.

53.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Kummissjoni matul is-seduta dwar l-eżistenza fis-sistema tar-Regolament Nru 883/2004 ta’ ġerarkija bejn il-lex loci labori u l-lex domicilii, inqis li l-eżistenza ta’ din il-ġerarkija fil-kriterji ma hijiex idonea, fiha nnifisha, biex tiġġustifika limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-regolament li ma tipprevedix espressament tali limitazzjoni.

54.      Fir-raba’ lok, inqis li r-rekwiżiti marbuta mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, invokati mill-Kummissjoni u mill-Gvern Olandiż, ma jmorrux kontra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 li pproponejt. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 5, 8 u 17 ta’ dan ir-regolament, fis-sistema tiegħu, dan il-prinċipju huwa intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni impjegati fl-Unjoni, fit-territorju ta’ Stat Membru, u li għaldaqstant hija applikabbli d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

55.      Madankollu, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ma twettaqx ix-xogħol tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru, u għalhekk ir-rabta tax-xogħol mat-territorju tal-Unjoni tkun iktar dgħajfa, ma huwiex kompletament preskritt li r-rekwiżiti marbuta mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li min-naħa tiegħu huwa marbut mal-għan iktar ġenerali tar-Regolament Nru 883/2004 li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni (27), jiġu żgurati b’mod aħjar mill-użu tal-kriterju ta’ rabta tal-post fejn hija bbażata l-persuna li timpjega, iktar milli dak ta’ residenza tal-persuna kkonċernata. Kif ġie enfasizzat mill-Gvern Grieg u Pollakk, il-każ tal-baħrin, bħall-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali, li l-impjieg tagħhom huwa kkaratterizzat minn mobbiltà internazzjonali qawwija u minn kuntratti għal żmien determinat spiss ta’ tul qasir u spiss konklużi mill-bogħod, jikkostitwixxi eżempju ċar ta’ dan.

56.      Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li pproponejt fil-punt 48 iktar ’il fuq, ma tipprekludix il-possibbiltà ta’ riskju, li ġiet evokata fis-seduta, li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata ma tipprevedix dispożizzjonijiet li jippermettu l-affiljazzjoni tagħha mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru u li għaldaqstant il-persuna kkonċernata tibqa’ miċħuda mill-protezzjoni.

57.      F’dan ir-rigward qiegħed ninnota li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 20 et seq. iktar ’il fuq, ċertament, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom bħala għan uniku d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u bħala tali, dawn ma għandhomx l-għan li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu li persuna taderixxi ma’ skema ta’ sigurtà soċjali jew ma’ fergħa jew oħra ta’ tali skema, peress li hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet (28).

58.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat wkoll li, il-fattur ta’ kompletezza tas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt stabbilita mill-imsemmi Titolu II għandu bħala effett li jċaħħad is-setgħa lil-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru li jiddetermina liberament il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-persuni suġġetti għaliha u tat-territorju li fih jipproduċu l-effetti tagħhom id-dispożizzjonijiet nazzjonali (29).

59.      Fil-fatt, meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt li wieħed jaderixxi ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, l-Istati Membri huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. B’mod partikolari, ir-regoli ta’ kunflitt previsti mir-Regolament Nru 883/2004 jimponu ruħhom b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri u dawn tal-aħħar, għaldaqstant, ma għandhomx il-possibbiltà li jiddeterminaw sa liema punt il-leġiżlazzjoni tagħhom stess jew dik ta’ Stat Membru ieħor hija applikabbli (30).

60.      Konsegwentement, fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Titolu II, li, kif issemma fil-punti 23 u 26 iktar ’il fuq, huma intiżi, b’mod partikolari, li jimpedixxu li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom, il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt li wieħed jaderixxi ma’ skema ta’ sigurtà soċjali għaldaqstant ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni l-persuni li, skont ir-Regolament Nru 883/2004, din il-leġiżlazzjoni tapplika għalihom (31).

D.      Fuq id-domanda preliminari

61.      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 li pproponejt fil-punt 48 iktar ’il fuq, li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

62.      F’dan ir-rigward, inqis li huwa xieraq li jiġi preliminarjament ikkonfermat li t-tliet kundizzjonijiet li fuqhom din il-qorti bbażat id-domanda tagħha li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja jidhru korretti (32).

63.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, ma hemmx dubju li SF jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 konformement mal-Artikolu 2 tiegħu. Dan, fil-fatt, huwa ċittadin Latvjan li joqgħod fil-Latvja u ma huwiex ikkontestat li, fil-perijodu rilevanti, kellu jiġi suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru, jiġifieri tal-Latvja jew tal-Pajjiżi l-Baxxi (33).

64.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li x-xogħol imwettaq abbord vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz li jinsab f’ibħra internazzjonali fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb Stat Membru ma jistax jiġi assimilat ma’ xogħol imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru (34).

65.      Ft-tielet lok, lanqas ma hemm dubju li r-relazzjoni tal-impjieg ta’ SF tippreżenta rabta suffiċjentement stretta mat-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali rabta teżisti meta ċittadin tal-Unjoni, residenti fi Stat Membru, ġie impjegat minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor u li jkun eżerċita l-attivitajiet tiegħu f’isimha (35).

66.      Fid-dawl ta’ dan, qiegħed ninnota li kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu bir-raġun li għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 li hija differenti mill-Artikolu 11(3)(e) ma hija applikabbli.

67.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għal tali sitwazzjoni l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3(a) sa (d) tal-istess artikolu ma hija applikabbli u b’mod iktar partikolari ma huwiex applikabbli s-subparagrafu (a), peress li l-attività ta’ baħri ma ġietx imwettqa fit-territorju ta’ xi Stat Membru.

68.      Fit-tieni lok, ma hijiex applikabbli d-dispożizzjoni tal-paragrafu 4, tal-imsemmi Artikolu 11, sa fejn din tapplika biss għal attivitajiet imwettqa abbord vapuri li jtajru bandiera ta’ Stat Membru, fejn f’dan il-każ partikolari l-attività ġiet imwettqa abbord vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz.

69.      Fit-tielet lok, għal din is-sitwazzjoni la tapplika waħda mid-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, peress li dawn japplikaw għal każijiet differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (36), u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-regolament nnifsu.

70.      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-interpretazzjoni tar-regola pprovduta fil-punt 48 iktar ’il fuq, inqis li, għal sitwazzjoni bħal dik ta’ SF hija applikabbli d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 u li għaldaqstant, persuna li ssib ruħha f’din is-sitwazzjoni għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza.

V.      Konklużjoni

71.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) fis-sens li:

L-Artikolu 11(3)(e), tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru, residenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, li kien impjegat minn persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor, fejn kien iwettaq attivitajiet fil-kariga ta’ baħri abbord vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz li, fil-perijodu rilevanti, kien jinsab ’il barra mit-territorju tal-Unjoni, huwa suġġett, għal dan il-perijodu, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).


3      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). Dan ir-regolament ġie mħassar mir-Regolament Nru 883/2004 li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2010.


4      B’mod partikolari, b’riferiment għas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld (C‑60/93, EU:C:1994:271) u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188).


5      Ara l-premessi 1, 3, 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004. Ara wkoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 67) u tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 31).


6      Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 67) u tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 44).


7      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2015:666, punt 49).


8      Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 42).


9      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 41) u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Bogatu (C‑322/17, EU:C:2018:818) b’riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti għar-Regolament Nru 1408/71, li l-istruttura sistematika tiegħu kienet identika għal dik tar-Regolament Nru 883/2004. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242, punt 21), tal‑11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 28); tat‑13 ta’ Settembru 2017, X (C‑570/15, EU:C:2017:674, punt 14); tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 29).


10      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Bogatu (C‑322/17, EU:C:2018:818, punt 34).


11      Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 63). Enfasi miżjuda minni.


12      Ibid. punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13      Ibid. punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      Ara r-Regolament Nru 2195/91 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU 1991, L 206, p. 2) u b’mod speċifiku t-tielet premessa u l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 40 tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279).


16      Ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.


17      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 1983, Coppola (150/82, EU:C:1983:4, punt 11), tat‑12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242, punti 13 u 14), tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld (C‑60/93, EU:C:1994:271, punt 11) u l-punt 11 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fl-istess kawża Aldewereld (C-60/93, EU:C:1994:56), kif ukoll is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188, punti 48 u 49).


18      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 34).


19      Skont din il-premessa, “Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, skond l-argument favur l-estenzjoni ta’ dan ir-Regolament għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u sabiex tinstab soluzzjoni li tieħu in konsiderazzjoni kull restrizzjoniji li tista’ tkun marbuta mal-karatteristiċi speċjali ta’ sistema ibbażata fuq residenza, deroga speċjali permezz ta’ l-Anness XI - daħla ‘DENMARK’, limitata għall-intitolar ta’ pensjoni soċjali esklussivament fir-rigward tal-kategorija l-ġdida ta’ persuni li mhumiex attivi, u li fir-rigward tagħhom kien estiż dan ir-Regolament, kienet meqjusa bħala xierqa minħabba l-kwalitajiet speċifiċi tas-sistema Daniża u fid-dawl tal-fatt li dawk il-pensjonijiet jistgħu jkunu esportati wara perjodu ta’ għaxar snin ta’ residenza taħt il-leġislazzjoni Daniża applikabbli (l-Att dwar il-Pensjoni).”


20      Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament (KE) tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali tal‑21 ta’ Diċembru 1998, (COM(1998) 779 def.).


21      Ara p. 7 tal-espożizzjoni tal-motivi għall-proposta msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


22      Ara, f’iktar dettall, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 40).


23      Ara, ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=11366&langId=mt


24      Dan id-dokument jeżisti biss bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż. https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6481&langId=fr.


25      Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Bogatu (C‑322/17, EU:C:2018:818).


26      “Notamment” bil-Franċiż, “in particular” bl-Ingliż, “insbesondere” bil-Ġermaniż.


27      Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.


28      Ara, inter alia, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 21 u 26 kif ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 47).


29      Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad (C‑269/15, EU:C:2016:802, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).


30      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).


31      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.


33      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188, punti 38 u 39).


34      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 40). Madankollu, kif ġie osservat ġustament mill-Gvern Grieg, fil-każ fejn ix-xogħlijiet imwettqa abbord vapur fejn il-persuna kkonċernata wettqet l-impjieg tagħha kienu jikkonċernaw l-esplorazzjoni u/jew l-isfruttament tar-riżorsi fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb Stat Membru, li hija f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tikkonstata dan, l-analiżi tista’ tkun differenti. Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2012, Salemink (C‑347/10, EU:C:2012:17, punt 35 et seq. u s-sentenza Kik imsemmija iktar ’il fuq, l-aħħar sentenza tal-punt 41).


35      Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld (C‑60/93, EU:C:1994:271, punt 14), is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Petersen u Petersen (C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 42) u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 43).


36      Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu regoli partikolari li japplikaw għall-persuni li jkunu suġġett ta’ distakkament (Artikolu 12), għall-persuni li jwettqu attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew iktar (Artikolu 13), għall-persuni li għażlu assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja (l-Artikolu 14), għall-impjegati awżiljarji tal-istituzzjonijiet Ewropej (Artikolu 15), kif ukoll għall-eċċezzjonijiet tal-Artikoli 11 sa 15 (Artikolu 16).