Language of document : ECLI:EU:C:2014:1753

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2014 (1)

Kawża C‑316/13

Gérard Fenoll


vs


Centre d’aide par le travail La Jouvene,


vs


Association de parents et d’amis de personnes handicapées mentales (APEI)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Politika soċjali – Kunċett ta’ ħaddiem – Direttiva 2003/88/KE – Persuna ammessa f’ċentru ta’ għajnuna għax-xogħol – Persuna b’diżabbiltà – Dritt għal-leave annwali mħallas – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Applikazzjoni ratione temporis – Effett dirett ta’ Direttiva – Kawża orizzontali”





1.        Id-dritt għal-leave annwali mħallas, stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2), u issa wkoll fl-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (3) (iktar ʼil quddiem il-“Karta”), jista’ jiġi invokat minn persuna li titqiegħed, minħabba d-diżabbiltà tagħha, fi struttura ta’ akkoljenza li tgħodd, fost l-attivitajiet proposti, mhux biss it-tip ta’ attivitajiet mediko-soċjali iżda wkoll l-attivitajiet ta’ tip professjonali? Hija din il-kwistjoni fir-rinviju preliminari preżenti.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 31 tal-Karta, li jittratta l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwitabbli, jipprovdi dak li ġej:

“1. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

3.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/931/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (4), id-Direttiva 2003/88 tapplika fl-oqsma tal-attivitajiet kollha, privati u pubbliċi, sabiex jiġu rregolati ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema.

4.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 huwa emendat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’ leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.       Il-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.” (5)

B –    Id-Dritt Franċiż

5.        Iċ-ċentri tal-għajnuna fix-xogħol (iktar ʼil quddiem iċ-“ĊGĦT”) kienu strutturi ta’ akkoljenza għal persuni b’diżabbiltà tat-tip mediko-soċjali mingħajr skop ta’ lukru, u li l-missjoni tagħhom kien deskritt fl-Artikolu L. 344-2 tal-Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u l-familji, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża preżenti. Għaldaqstant, dawn iċ-ċentri kellhom bħala vokazzjoni li jilqgħu adulti u adoloxxenti li għandhom diżabbiltà, li ma setgħux, temporanjament jew permanentement, la jaħdmu f’impriżi ordinarji, la f’workshop protett, la għal ċentru ta’ distribuzzjoni tax-xogħol mid-dar u lanqas jeżerċitaw attività professjonali indipendenti. Dawn iċ-ĊGĦT offrew possibbiltajiet ta’ attivitajiet varji ta’ natura professjonali, sostenn mediko-soċjali u edukattiv u ambjent li jiffavorixxi l-iżvilupp personali tagħhom kif ukoll l-integrazzjoni soċjali tagħhom. Il-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri kien suġġett għall-awtorizzazzjoni, taħt il-kontroll tal-Istat (6). Awtorità tariffarja kienet twettaq kontroll fuq l-irċevuti u l-ispejjeż ta’ kull ĊGĦT (7).

6.        Persuna b’diżabbiltà, li l-kapaċità għax-xogħol tagħha kellha tkun, bħala prinċipju, inqas minn terz ta’ kapaċità normali, kienet ammessa f’ĊGĦT fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ kummissjoni (8). Din il-persuna kienet tingħata garanzija ta’ dħul mix-xogħol tagħha (9) mingħajr ma l-kalkolu tal-ammont ta’ dan kien neċessarjament ibbażat fuq in-numru ta’ sigħat maħduma (10). Dan id-dħul iggarantit kien madankollu meqjus espressament li huwa “ħlas” għax-xogħol fis-sens tal-Artikolu L. 242-1 tal-Kodiċi dwar is-sigurtà soċjali (11). Min-naħa l-oħra, l-uniċi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar ix-xogħol Franċiż applikabbli fuq il-persuni b’diżabbiltà residenti f’ĊGĦT kienu dawk dwar l-iġjene u s-sigurtà fix-xogħol (12).

7.        L-ewwel ĊGĦT bdew fis-snin 1960. Mis-sena 2002, iċ-ĊGĦT ġew issostitwiti bl-istabbilimenti u servizzi għall-għajnuna fix-xogħol (SGĦX), iżda ċ-ċentri diġà kkostitwiti żammew id-deskrizzjoni tagħhom ta’ ĊGĦT (13). Illum, ir-Repubblika Franċiża tgħodd kważi 1 400 minn dawn iċ-ċentri, li jilqgħu iktar minn 110 000-il persuna. Il-kuntest legali tal-azzjonijiet tagħhom ġie xi ftit iktar ippreċiżat fl-2007 iżda baqa’, essenzjalment, l-istess (14).

8.        Waqt is-seduta, u mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mill-partijiet l-oħra preżenti, ir-rappreżentant tal-APEI indika li ċ-ĊGĦT iħallsu taxxi fuq ir-remunerazzjoni mħallsa lill-persuni b’diżabbiltà u li xi kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni medika, għall-pensjoni u taħriġ professjonali jittieħdu minn qabel minn din ir-remunerazzjoni. Min-naħa l-oħra, peress li dawn il-persuni ma humiex ikkunsidrat mil-liġi Franċiża bħala ħaddiema u peress li d-Diretturi taċ-ĊGĦT ma jistgħux ikeċċuhom mill-post tax-xogħol, il-persuni b’diżabbiltà residenti fiċ-ĊGĦT ma jikkontribwixxux għall-assigurazzjoni għall-qgħad.

9.        Fl-aħħar, qabel is-sena 2007, l-ebda dispożizzjoni ma kienet tipprovdi għad-dritt għal-leave annwali mħallas għall-persuni residenti fiċ-ĊGĦT, fejn dan id-dritt kien jiddependi għaldaqstant biss fuq ir-rieda tajba ta’ kull ĊGĦT. Mill-1 ta’ Jannar 2007, l-Artikolu R. 243-11 tal-Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u l-familji jipprovdi speċifikament għad-dritt għal-leave annwali mħallas għall-persuni b’diżabbiltà li huma residenti f’SGĦX.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.      G. Fenoll huwa deskritt mill-qorti tar-rinviju bħala “utent” ta’ ĊGĦT, immexxi mill-association de parents et d’amis de personnes handicapées mentales (assoċjazzjoni ta’ ġenituri u ħbieb ta’ persuni b’diżabbiltà mentali) (APEI ta’ Avignon), li ġie ammess fih fl-1996. Mis-16 ta’ Ottubru 2004, G. Fenoll tqiegħed fuq leave minħabba mard. Għaldaqstant, kien għad fadallu jieħu, għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2003 sal-31 ta’ Mejju 2004, 12-il ġurnata ta’ leave mħallas (15). G. Fenoll baqa’ bil-leave minħabba mard sal-31 ta’ Mejju 2005, u wara telaq miċ-ĊGĦT fl-20 ta’ Ġunju 2005. Iċ-ĊGĦT qies li, fil-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2004 sal-31 ta’ Mejju 2005, peress li G. Fenoll ma kienx ħadem iktar minn 78 ġurnata, ma kellux dritt għal iktar minn sitt ijiem ta’ leave mħallas, li effettivament tħallsu lil G. Fenoll fix-xahar ta’ Lulju 2005.

11.      G. Fenoll ippreżenta rikors kontra ċ-ĊGĦT quddiem it-tribunal d’instance (Qorti distrettwali) ta’ Avignon sabiex jikseb il-ħlas tal-leave mħallas akkwistat u mhux meħud fil-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2003 u l-31 ta’ Mejju 2004 u l-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2004 u l-31 ta’ Mejju 2005. It-tribunal d’instance ċaħad ir-rikors billi kkunsidra li l-kalkolu mwettaq miċ-ĊGĦT kien ibbażat fuq interpretazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Franċiża li tipprovdi li ħaddiem ma jistax jippretendi li jingħata kumpens għal-leave mħallas li ma jiħux minħabba mard u l-perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba mard ma jagħtux, fihom infushom, dritt għal-leave mħallas.

12.      Għaldaqstant, G. Fenoll ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Minn naħa, huwa jsostni li, fir-rigward tal-finalità mogħtija mid-Direttiva 2003/88 lil-leave annwali mħallas, din tal-aħħar tistabbilixxi li, meta l-impjegat isib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli li jieħu l-imsemmi leave minħabba mard, għandu jiġi kkunsidrat li l-validità tal-leave mħallas titressaq wara d-data li fiha jerġa’ jibda x-xogħol jew, fil-każ fejn ikun hemm waqfien mix-xogħol, jingħata kumpens. Min-naħa l-oħra, huwa jargumenta li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 japplika fuq kull ħaddiem, u li l-leġiżlazzjoni Franċiża għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-imsemmija direttiva, fis-sens li l-oriġini tan-nuqqas tal-impjegat, fejn il-waqfien mix-xogħol huwa ġġustifikat minnħabba raġuni ta’ saħħa, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex iċaħħdu mid-dritt tiegħu għal-leave annwali u li b’hekk, il-leave mħallas akkwistat waqt il-perijodu ta’ leave minħabba mard għandu jiġi kkumpensat fil-każ fejn ikun hemm waqfien permanenti mix-xogħol, bħalma ġara fil-kawża preżenti.

13.      Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tfakkar li kemm il-Karta u kemm l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxu d-dritt għal-leave annwali mħallas. Hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja dejjem irrikonoxxiet lil dan id-dritt bħala l-espressjoni ta’ dritt soċjali ta’ importanza partikolari – kif jidher mill-preżenza tiegħu fil-Karta – u hija inderogabbli (16). Il-qorti tar-rinviju tirreferi wara għad-definizzjoni ġurisprudenzjali tal-kunċett ta’ ħaddiem, fis-sens tal-liġi tal-Unjoni, billi tenfassizza li l-imsemmi kunċett għandu portata awtonoma u li ma għandux jingħata interpretazzjoni restrittiva.

14.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfakkar il-missjoni assenjata liċ-ĊGĦT skont il-kliem tal-Artikolu L. 344-2 tal-Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u l-familji, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża preżenti. Fl-aħħar, hija tippreċiża li persuni residenti f’ĊGĦT ma kellhomx l-istatus ta’ impjegat u ma kinux marbuta mal-imsemmija ċentri b’kuntratti ta’ xogħol (17). Fis-sens tal-liġi dwar ix-xogħol Franċiża, huma biss ir-regoli tal-Kodiċi dwar ix-xogħol li jikkonċernaw l-iġjene u s-sigurtà li japplikaw fuqhom u l-ebda dispożizzjoni tal-liġi Franċiża ma tipprovdi l-possibbiltà, għal dawn il-persuni, ta’ dritt għal-leave mħallas.

15.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt jekk, minn naħa, persuna bħal G. Fenoll tistax tikkwalifika bħala “ħaddiem” fis-sens tal-liġi tal-Unjoni b’mod ġenerali, u tad-Direttiva 2003/88 moqrija flimkien mad-Direttiva 89/391 b’mod partikolari u, min-naħa l-oħra, jekk tistax tinvoka dritt għal-leave annwali mħallas fil-kuntest ta’ kawża deskritta mill-qorti tar-rinviju bħala orizzontali (18).

16.      Billi sabet ruħha f’diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2013, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, it-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva [89/391], li jirreferu għalih id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [2003/88] li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ammessa f’ċentru ta’ għajnuna għax-xogħol tista’ tiġi deskritta bħala ‘ħaddiem’ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3?

2)      L-Artikolu 31 tal-Karta [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna bħal dik deskritta fid-domanda preċedenti tista’ tiġi kklassifikata bħala ‘ħaddiem’ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 31?

3)      Persuna bħal dik deskritta fl-ewwel domanda tista’ tagħmel użu direttament mid-drittijiet tagħha taħt il-Karta sabiex tikseb drittijiet għal leave mħallas jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix li hija tgawdi minn tali drittijiet u l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tiżgura l-effett sħiħ ta’ dan id-dritt, tħalli mhux applikabbli kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali kuntrarja?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-APEI, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18.      Waqt is-seduta, li seħħet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2014, l-APEI, il-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni, għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

19.      Sabiex jiġu kkjarifikati t-termini tad-dibattitu, għandhom isiru numru ta’ osservazzjonijiet preliminari.

20.      Fl-ewwel lok, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss dwar il-kwistjoni jekk G. Fenoll jistax jinvoka, bħala ħaddiem, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ dewmien minimu ta’ erba’ ġimgħat, u ma hijiex qed tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Franċiża li tipprovdi li, minn naħa, il-leave li ma jintużax minħabba mard ma jistax jagħti lok għal kumpens u, min-naħa l-oħra, il-perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba mard ma joħolqux dritt għal-leave mħallas. Evidentement, il-qorti tar-rinviju tqis li hija informata biżżejjed permezz tal-ġurisprudenza disponibbli tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, fejn xi drabi hija stess kienet fl-oriġini tal-kawża, sabiex tirrispondi għad-domandi eventwali li hija jista’ jkollha, li fi kwalunkwe każ, ma ressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Fit-tieni lok, il-kliem tad-domandi preliminari jeħtieġu żewġ serje ta’ osservazzjonijiet.

22.      Qabel kollox, żball tal-pinna jrid jiġi korrett, peress li, bil-kontra ta’ dak li huwa indikat fit-test tal-ewwel domanda, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jirreferi mhux għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/391 (19) iżda għall-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar.

23.      Sussegwentement, dwar it-tielet domanda li tirrigwarda l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk persuna bħal G. Fenoll tistax tibbenefika direttament mid-drittijiet eventwali li hija tislet mill-Karta u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 31 tagħha. Qabel kollox irrid nippreċiża li, fl-opinjoni tiegħi, il-Karta ma hijiex applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali u naqbel f’dan is-sens mal-pożizzjoni li ħa l-Gvern Olandiż. Il-Karta ma daħlitx fis-seħħ qabel l-2009, filwaqt li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew bejn is-sena 2003 u s-sena 2005. Dan in-nuqqas ta’ retroattività huwa iktar importanti peress li l-kawża prinċipali hija deskritta bħala kawża bejn individwi, però ser ikolli l-opportunità niddiskuti dan il-punt, iktar ʼil quddiem fl-analiżi tiegħi.

24.      B’hekk, il-problema mressqa llum quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija doppja: G. Fenoll għandu jitqies li huwa ħaddiem, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni li jagħti lil kull ħaddiem id-dritt għal-leave mħallas u, jekk ir-risposta hija iva, sa fejn jista’ jinvoka dan id-dritt fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali?

B –    Fuq il-kwistjoni dwar jekk G. Fenoll jistax jikkwalifika bħala “ħaddiem” fis-sens tad-Direttiva 2003/88

25.      Wara li rreferejt fil-qosor għall-importanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, fil-ġurisprudenza tagħha, lid-dritt għal-leave annwali mħallas, ser nirreferi għall-ġurisprudenza relattiva għall-kunċett ta’ ħaddiem qabel ma napplikaha għall-kawża preżenti.

26.      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni li ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta l-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ser tkun valida naturalment ukoll għall-Artikolu 31(2) tal-Karta, sabiex tiġi żgurata l-uniformità tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt għal-leave mħallas.

1.      Id-dritt għal-leave annwali mħallas, prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni

27.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li jgawdi importanza partikolari, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li ma jistax jiġi dderogat u li l-implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma tistax tiġi effettwata ħlief fil-limiti msemmija espressament fid-Direttiva 2003/88 (20). Dan id-dritt huwa mogħti direttament mid-dritt tal-Unjoni lil kull ħaddiem (21) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li jistabbilixxieh jimponi obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż (22). L-imsemmi dritt isegwi finalità doppja, jiġifieri li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ fil-konfront tal-eżekuzzjoni tad-doveri imposti fuqu skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu, minn naħa, u sabiex min-naħa l-oħra jkollu ħin ta’ serħan u ħin liberu (23). Fl-aħħar, id-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (24).

28.      Huwa dejjem fl-ispirtu tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk G. Fenoll jistax jitqies li huwa intitolat għal dan id-dritt għal-leave. Għal issa, ser nerġgħu nitkellmu dwar l-istat tal-ġurisprudenza relattiva għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”.

2.      Tfakkira dwar l-istat tal-ġurisprudenza fuq il-kunċett ta’ “ħaddiem”

29.      Il-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt tal-Unjoni ma huwiex inekwivoku iżda jvarja skont il-qasam ta’ applikazzjoni kkunsidrat (25). Issa, preċiżament fir-rigward tad-Direttiva 2003/88, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li din tal-aħħar ma tirreferi għad-definizzjoni mogħtija lill-kunċett ta’ ħaddiem mid-Direttiva 89/391 u lanqas għal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet u/jew mill-prattiki nazzjonali (26). Hija kkonkludiet li “għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, dan il-kunċett ma għandux ikun issuġġettat għal interpretazzjoni li tvarja skont id-drittijiet nazzjonali, iżda għandu portata awtonoma speċifika fid-dritt tal-Unjoni. Huwa għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg b’kunsiderazzjoni għad-drittijiet u għad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Ir-rekwiżit essenzjali huwa l-fatt li, għal ċertu żmien, persuna twettaq, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni” (27). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħaddiem li lilu tindirizza d-Direttiva 2003/88 huwa ddefinit bl-istess mod – b’differenza li ser nesponi iktar tard – ta’ dik li jindirizza l-Artikolu 45 TFUE (28). Għaldaqstant, tista’ ssir riferenza utli, f’dawn il-konklużjonijiet, għall-ġurisprudenza klassika li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

30.      Barra minn hekk, l-operazzjoni ta’ kwalifikazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ ħaddiem għandu jiġi bbażat fuq kriterji oġġettivi u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li għandhom jiġu evalwati b’mod ġenerali (29). F’dan ir-rigward, in-natura ġuridika sui generis ta’ relazzjoni ta’ impjieg fid-dawl tad-dritt nazzjonali ma tistax ikollha kwalunkwe konsegwenza fuq il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Dan ifisser b’mod konkret, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li l-fatt li l-persuni b’diżabbiltà li jirresjedu f’ĊGĦT huma biss suġġetti għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar ix-xogħol ma jistax jikkostitwixxi ostakolu fir-rigward tal-kwalifikazzjoni potenzjali tal-imsemmija persuni bħala “ħaddiema” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (30).

31.      Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘ħaddiem’ kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet li huma tant minimi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala purament marġinali u anċillari” (31). Il-verifika ta’ jekk il-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet salarjati reali u effettivi hijiex sodisfatta, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi u għandha tevalwa globalment iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża (32) u b’mod partikolari billi tiżgura li l-prestazzjonijiet effettivament imwettqa jaqgħu normalment taħt is-suq tal-impjieg (33).

3.      Applikazzjoni fil-kawża preżenti

32.      Jiena tal-opinjoni li, ir-relazzjoni li torbot lil persuni b’diżabbiltà maċ-ĊGĦT tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-“karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg”. Huwa minnu li d-Direttur taċ-ĊGĦT ma kellux il-possibbiltà li jkeċċi lil G. Fenoll peress li kienet biss kummissjoni li setgħet tagħmel dan. Għaldaqstant, il-parti taż-żmien li G. Fenoll iddedika għal attivitajiet mhux mediko-soċjali – li għalissa mhux ser nikkwalifika bħala professjonali – kien taħt l-istruzzjonijiet tal-persunal li jmexxu u jidderieġu liċ-ĊGĦT.

33.      Inklinat ukoll nikkunsidra li G. Fenoll kien jaqla’ remunerazzjoni bħala ħlas għas-servizzi li kien jipprovdi. Il-leġiżlatur Franċiż wera ċerta intelliġenza billi stabbilixxa li s-somom imħallsa lill-persuni residenti fiċ-ĊGĦT ma humiex salarji, filwaqt li jiġu suġġetti għal diversi kontribuzzjonijiet soċjali, tat-tip li jċaħħdu lill-imsemmija persuni mill-istatus ta’ ħaddiem u jċaħħduhom minn kull invokazzjoni fuq dan il-punt. Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din tal-aħħar diġà ddeċidiet li la d-dgħufija tar-remunerazzjoni – li eventwalment tista’ tirriżulta mill-produttività dgħajfa tal-persuni kkonċernati – u lanqas l-oriġini pubblika tal-fondi ma jopponu, bħala tali, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (34).

34.      Jibqa’ sabiex isir magħruf jekk G. Fenoll wettaqx xi servizzi favur iċ-ĊGĦT. Din id-domanda ser tiġi eżaminata flimkien ma’ dik sabiex isir magħruf jekk l-attivitajiet ta’ G. Fenoll jissodisfawx il-ħtieġa, stabbilit mill-ġurisprudenza, tar-realtà u l-effettività tal-imsemmija attivitajiet (35).

35.      F’dan ir-rigward, il-partijiet fil-proċedura preżenti ddiskutew b’mod abbondanti s-suġġett tas-sentenza Bettray (EU:C:1989:226) u r-rilevanza tiegħu sabiex tiġi riżolta l-kawża preżenti.

36.      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, ikkunsidrat li persuna li taħdem f’impriża li nħolqot speċjalment minn Komun Olandiż, bl-uniku għan li jiġu impjegati nies temporanjament jew permanentament inkapaċi sabiex iwettqu professjoni ordinarja, ma tistax titqies li hija ħaddiem minħabba s-sempliċi fatt li l-attivitajiet imwettqa ma jikkonsistux f’attivitajiet ekonomiċi u reali u effettivi peress li huma biss mezz ta’ edukazzjoni mill-ġdid u ta’ rijabilitazzjoni (36). Barra minn hekk, dan kien impjieg rriżervat (37) u l-ħaddiema ma ntgħażlux fir-rigward tal-kapaċità tagħhom sabiex jeżerċitaw ċerti attivitajiet iżda, bil-kontra, kienu l-attivitajiet li ġew adattati għall-ħaddiema (38).

37.      Jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li din is-sentenza, b’analoġija, tiġi applikata lill-kawża preżenti. Madankollu, serje ta’ elementi jikkonvinċuni sabiex inkun prudenti.

38.      Fl-ewwel lok, huwa interessanti li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat il-kunċett tagħha ta’ attivitajiet reali u effettivi fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, billi kkunsidrat li “jirriżulta kemm mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema u kemm mill-post li jokkupaw ir-regoli relevanti fit-totalità tas-sistema tat-Trattat, li dawn ir-regoli ma jiggarantixxux li l-moviment liberu tal-persuni li jwettqu, jew li jixtiequ jwettqu attività ekonomika, u li, konsegwentement, dawn ikopru biss it-twettiq ta’ attività reali u effettiva” (39). F’dawn iċ-ċirkustanzi, niddubita li din il-kundizzjoni tkun daqshekk determinanti ħlief fir-rigward tad-definizzjoni tal-ħaddiem mhux fil-kuntest tal-moviment liberu tagħhom, iżda f’dak tal-protezzjoni tax-xogħol tagħhom.

39.      Fit-tieni lok, skont il-prinċipju li jipprovdi li l-kunċett ta’ ħaddiem irid ikun ta’ interpretazzjoni wiesgħa, il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreċiżat mill-inqas darbtejn fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha li l-każ Bettray ma jistax jiġi spjegat ħlief skont il-partikolaritajiet tal-kawża preżenti (40).

40.      Anki jekk ikun il-każ li trid tingħata deċiżjoni fuq in-natura reali u effettiva tal-attivitajiet imwettqa minn G. Fenoll, għandu jitfakkar li ċ-ĊGĦT huma intiżi sabiex jilqgħu persuni li ma humiex f’pożizzjoni li jaħdmu f’impriżi ordinarji u lanqas f’workshops protetti u li nħolqu għal persuni b’diżabbilitajiet serji.

41.      B’dan premess, il-kapaċità għax-xogħol hija evalwata minn kummissjoni fil-mument meta din tiddeċiedi jekk tammetti persuna f’ĊGĦT u huma biss persuni li jistgħu jaħdmu – jiġifieri li għandhom kapaċità inqas minn jew daqs terz ta’ kapaċità normali li jiġu ammessi. Ċertament, din tirrigwarda l-kapaċità għax-xogħol u l-persuni b’diżabbiltà definittivament ma humiex milqugħa fil-konfront tal-kwalifikazzjonijiet u kompetenzi professjonali preċiżi. Xorta jibqa’ l-fatt li l-kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha billi tqis li l-persuna kkonċernata ser tkun kapaċi twettaq attivitajiet prattiċi fi ħdan iċ-ĊGĦT. Hawnhekk nara l-ewwel differenza mill-kawża Bettray (EU:C:1989:226), peress li s-Sinjur Bettray ma ntgħażilx minħabba l-kapaċità tiegħu sabiex iwettaq ċerta attività iżda kienu l-attivitajiet li kellhom jitwettqu li nħolqu fil-konfront tal-kapaċitajiet tiegħu (41).

42.      Sussegwentement, fir-rigward tal-attivitajiet fihom infushom, ma għandniex informazzjoni dwar dawk imwettqa minn G. Fenoll. Madankollu, mill-fajl jirriżulta, u b’mod partikolari mill-kitbiet tal-Gvern Franċiż u tal-APEI, li jista’ jkun li dawn jirrigwardaw subkuntratt industrijali, ta’ tipi ta’ servizzi diversi (42), tal-produzzjoni ta’ prodotti agro-alimentari, jew il-bejgħ tal-prodotti taċ-ĊGĦT stess. Dawn l-attivitajiet huma adattati għall-kapaċitajiet tal-persuni iżda jissodisfaw, mill-inqas fl-ewwel żewġ każijiet, bżonnijiet reali tal-impriżi kuntratturi jew tal-individwi li jużaw is-servizzi taċ-ĊGĦT. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħu, dawn jaqgħu normalment fis-suq tax-xogħol. Hawnhekk ukoll, hija differenza li tikkaratterizza l-kawża preżenti fil-konfront tal-każ Bettray li għalih, l-attivitajiet proposti kienu nħolqu artifiċjalment (43). Ir-rabta mas-suq normali tax-xogħol tidher ikkonfermata mill-fatt li l-attivitajiet mhux mediko-soċjali mwettqa fiċ-ĊGĦT jagħtu dritt għall-validazzjoni ta’ kisba ta’ esperjenza u għat-taħriġ professjonali minn Frar 2005.

43.      Ċertament, il-missjoni taċ-ĊGĦT hija doppja: tirrigwarda t-tfittxija ta’ inklużjoni professjonali u soċjali adattata fl-istess ħin għall-provvista ta’ sostenn neċessarju għall-kisba tal-awtonomija professjonali u soċjali, u dan anki jekk din l-inklużjoni u din l-awtonomija ma jkunu jistgħu jinkisbu qatt. Huwa minnu wkoll li l-attività professjonali timxi b’rabta mal-attivitajiet ta’ sostenn mediko-soċjali u edukattivi, tat-tip li wieħed ma jeżistix mingħajr l-oħrajn. Għaldaqstant, u bla ħsara għall-verifiki supplimentari li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, l-elementi preċedenti pjuttost jimmilitaw favur it-teżi li tipprovdi li l-attivitajiet tat-tip professjonali mwettqa ma humiex imnaqqsa sal-punt li jidhru “purament marġinali u anċillari” (44) għall-għan soċjali taċ-ĊGĦT.

44.      Għaldaqstant, tali evalwazzjoni tidher li tgawdi koerenza perfetta, minn naħa, mal-prinċipju li jipprovdi li l-ġurisprudenza Bettray (EU:C:1989:226) għandha tkun limitata b’mod strett mal-kawża preżenti u b’mod partikolari, mal-idea difiża iktar ʼil fuq li tipprovdi li l-kundizzjoni dwar ir-realtà u l-effettività tal-attivitajiet tista’ ssir inqas deċiża f’kuntest ta’ żvantaġġ soċjali milli marbuta mal-moviment liberu tal-ħaddiema u għaldaqstant trid tiġi applikata b’mod mhux strett.

45.      Ser inżid li hawnhekk, bħalma jista’ jsir fil-ħajja professjonali ordinarja wkoll, qed nitkellmu dwar relazzjoni “fejn kulħadd jirbaħ”. Billi jaħdmu fi ħdan iċ-ĊGĦT, il-persuni b’diżabbiltà jibbenefikaw minn superviżjoni u jaħdmu lejn l-inklużjoni professjonali u soċjali fil-futur billi jiksbu sentiment ta’ utilità soċjali. Min-naħa l-oħra, billi jibbenefikaw mill-kompiti mwettqa mill-imsemmija persuni, iċ-ĊGĦT ikompli jissodisfa l-kundizzjonijiet li għandhom neċessarjament jiġu sodisfatti sabiex ikomplu jgawdu r-rikonoxximent tal-Istat, u b’hekk, jibbenefikaw mill-għajnuna li dan tal-aħħar itihom sabiex jissodisfaw l-missjoni tagħhom. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-attività żviluppata mill-persuni b’diżabbiltà fi ħdan iċ-ĊGĦT huwa wkoll, jew mill-inqas parzjalment, favur dawn iċ-ĊGĦT, anki jekk huwa minnu li, hija l-missjoni soċjo-terapewtika ta’ dawn iċ-ċentri li hija prevalenti, u għaldaqstant, il-benefiċċju b’hekk offrut lill-persuni b’diżabbiltà.

46.      Fl-aħħar, minkejja li għandi konoxxenza tal-fatt li t-tqegħid ta’ piż kbir wisq ta’ obbligazzjonijiet soċjali fuq iċ-ĊGĦT jista’ joħloq dannu għall-funzjonament tagħhom jew anki jipperikola l-eżistenza tagħhom, ir-rikonoxximent ta’ persuni b’diżabbiltà bħala ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 31(2) tal-Karta jikkontribwixxi sabiex jivvalida u jipproteġi dinjità soċjali li l-imsemmija persuni jistgħu jaħsbu li tilfu.

47.      Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 flimkien mal-Artikolu 31 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ammessa f’ĊGĦT tista’, bħala prinċipju, tikkwalifika bħala “ħaddiem”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

C –    Fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk G. Fenoll jistax jinvoka l-Artikolu 31 tal-Karta fil-kuntest tal-kawża prinċipali

48.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk G. Fenoll jistax jinvoka direttament l-Artikolu 31(2) tal-Karta fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

49.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali hija kawża orizzontali. L-imsemmija qorti ma staqsitniex dwar il-fatt sabiex isir magħruf jekk iċ-ĊGĦT jistgħux eventwalment jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “korp li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika li jwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollu, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi” (45). Fi kwalunkwe każ, jien ma naħsibx li ċ-ĊGĦT jista’ jitqies bħala tali, jekk jinftiehem b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li assoċjazzjoni ta’ dritt privat, anki ta’ vokazzjoni soċjali, trid titqies li hija individwu (46).

50.      It-talba ta’ G. Fenoll fir-rigward tal-leave mħallas tikkonċerna l-perijodu mix-xahar ta’ Ġunju 2004 sax-xahar ta’ Mejju 2005. Issa, l-Karta ma saritx obbligatorja ħlief meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2009.

51.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi rrikonoxxut li G. Fenoll għandu l-possibbiltà li jinvoka, bħala sors primarju għall-ħolqien tad-dritt għal-leave tiegħu lill-Artikolu 31(2) tal-Karta – possibbiltà li tista’ tiġi ammessa bħala prinċipju – twassal, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, sabiex din id-dispożizzjoni tingħata effett dirett orizzontali retroattiv.

52.      Jien ninnota li, f’kawża reċenti li tirrigwarda l-applikazzjoni u l-invokabbiltà tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 fuq fatti li seħħew bejn is-sena 2005 u s-sena 2007, f’kawża a priori orizzontali, f’kuntest li fih l-Istat Membru ma kienx issodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas biss semmiet lill-Karta (47). Għaldaqstant, ikun sorprendenti kieku hija ssemmiha hawn. L-imsemmi Artikolu 31 jista’ jservi biss, jekk ikun il-każ, bħala bażi ta’ interpretazzjoni (48).

53.      Qabel kollox, qabel ma nfittxu l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 31 tal-Karta, irid jiġi stabbilit li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma huwiex suffiċjenti sabiex isolvi, fih innifsu, il-kawża prinċipali. Issa dan ma jidhirlix li huwa neċessarjament il-każ.

54.      Il-Qorti diġà aċċettat li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarju sabiex jiġi rrikonoxxut bħala li għandu effett dirett (49). Jibqa’ l-fatt li, bħalma fakkart iktar ʼil fuq, il-kawża prinċipali hija kawża bejn individwi u li l-effett orrizzontali tad-Direttivi għadu ma huwiex irrikonoxxut (50).

55.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha. Dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali ma jistax iwassal għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (51). Issa, il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni għandhiex tibqa’ mhux applikata ma titqajjimx ħlief jekk interpretazzjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni ma tkunx possibbli (52).

56.      Jien ninnota li l-qorti tar-rinviju ma indikatx lill-Qorti tal-Ġustizzja li tali interpretazzjoni ma kinitx possibbli. Peress li l-problema hija prinċipalment dik tal-kwalifikazzjoni ta’ G. Fenoll – jiġifieri dik ta’ kull persuna b’diżabbiltà residenti f’ĊGĦT – bħala ħaddiem fis-sens tad-Direttiva 2003/88, sabiex jingħata dritt għal-leave, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali li jimplementaw id-dritt għal-leave annwali mħallas, fis-sens li għandha tara jekk huwiex possibbli li tali dritt għandux jiġi rrikonoxxut lil G. Fenoll (53).

57.      Issa, f’dan ir-rigward, infakkar li l-leġiżlazzjoni Franċiża hija suffiċjentement flessibbli, mhux preċiża, u mill-inqas suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet sabiex tagħti lok għal prattiki diverġenti skont iċ-ĊGĦT ikkonċernati (54). Dak li kien residenti fih G. Fenoll kien, min-naħa tiegħu, qies ruħu marbut sabiex iħallaslu l-leave annwali waqt il-perijodu ta’ residenza tiegħu kollu – jiġifieri disa’ snin. Il-qorti tar-rinviju ma indikatx li din il-prattika kienet contra legem. Għaldaqstant, minn dan jista’ jitqies li kien jeżisti, fil-mument meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, spazju interpretattiv suffiċjenti sabiex il-leġiżlazzjoni Franċiża tinftiehem bħala li ma topponix neċessarjament l-għoti ta’ dritt għal-leave annwali mħallas għal persuni b’diżabbiltà residenti fiċ-ĊGĦT.

58.      Madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ, jiġifieri jekk interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, ma jkunx hemm possibbiltà oħra għal G. Fenoll, li huwa l-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, għajr dik li jinvoka l-ġurisprudenza Francovich et (55), jiġifieri li jfittex ir-responsabbiltà tal-Istat Membru quddiem il-qrati nazzjonali fid-dawl li jikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu subit (56).

59.      Fil-fatt, id-dritt għal-leave annwali mħallas lanqas ma jista’ jiġi invokat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li, fil-linja tal-ġurisprudenzi Mangold (57) u Kukdeveci (58), jistgħu jibbażaw l-obbligu, fuq il-qorti nazzjonali, li tħalli inapplikabbli kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

60.      Tali perspettiva diġà ġiet prevista mill-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha mogħtija fil-kawża Dominguez (EU:C:2011:559) fejn hija kkonstatat li anki jekk, bħala prinċipju, id-dritt għal-leave annwali mħallas jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni diretta ta’ tali prinċipju ma hijiex possibbli fejn l-interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali ma tistax issir, hekk kif seħħ fis-sentenza ċċitata iktar ʼil fuq, Kücükdeveci (EU:C:2010:21) (59). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Dominguez (60), il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx id-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju ġenerali tad-dritt minkejja l-fatt li evidentement, kellha l-okkażjoni sabiex tagħmel dan.

61.      Minn dak kollu li ntqal qabel, jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni t-totalità tad-dritt intern u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, jekk hijiex f’pożizzjoni sabiex tasal għal interpretazzjoni konformi ma’ din tal-aħħar tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża quddiemha. Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju ma tistax tipprovdi tali interpretazzjoni mingħajr ma din tirriżulta contra legem, u wkoll insodisfaċenti, fuq il-livell tal-prinċipji (61), G. Fenoll jista’ dejjem ifittex ir-responsabbiltà tal-Istat Membru quddiem il-qrati nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

V –    Konklużjoni

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Cour de cassation:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna ammessa f’ċentru ta’ għajnuna għax-xogħol tista’, bħala prinċipju, tikkwalifika bħala “ħaddiem” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni t-totalità tad-dritt intern u billi tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuta minnu, sabiex tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, jekk hijiex f’pożizzjoni sabiex tagħti interpretazzjoni konformi ma’ din tal-aħħar tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża quddiemha. Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju ma tistax tipprovdi tali interpretazzjoni mingħajr ma din tirriżulta contra legem, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tista’ dejjem tfittex ir-responsabbiltà tal-Istat Membru quddiem il-qrati nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.


3 –      ĠU 2007, C 303, p. 1.


4 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349.


5 –      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 huwa kodifikazzjoni tal-liġi stabbilita tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197).


6 –      L-Artikoli L. 313-1, L. 313-13 u L. 313-5 tal-Kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji fil-verżjonijiet tagħhom fis-seħħ sat-2 ta’ Diċembru 2005, sas-7 ta’ Marzu 2007 u sal-11 ta’ Frar 2005 rispettivament.


7 –      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli R. 314-34 u R. 314-56 tal-Kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji li daħlu fis-seħħ fis-26 ta’ Ottubru 2004.


8 –      Artikolu 1 u 5 tad-Digriet Nru 77-1546, tal-31 ta’ Diċembru 1977 (JORF 12 ta’ Jannar 1978, p. 333).


9 –      L-Artikolu L. 243-4 tal-Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u l-familji fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fit-23 ta’ Diċembru 2000 sal-11 ta’ Frar 2005. Mill-2007, persuna b’diżabbiltà li tqiegħdet f’tali struttura rċeviet, abbażi tal-attività tagħha ta’ natura professjonali full time, ħlas iggarantit li l-ammont tiegħu kien ta’ bejn 55 % u 110 % tal-paga minima nazzjonali (ara l-Artikolu R. 243-5 tal-Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u tal-familji li daħal fis-seħħ fil-1 ta’ Jannar 2007). Dan il-ħlas iggarantit kien imħallas mill-istruttura ta’ akkoljiment u sostanzjalment ikkumpensat mill-Istat.


10 –      Kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta mir-rappreżentant tal-association de parents et d’amis de personnes handicapées mentales (APEI), li ma ġiex kontradett mill-partijiet l-oħra.


11 –      L-Artikolu L. 243-5 tal-Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u l-familji fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ bejn it-23 ta’ Diċembru 2000 sal-11 ta’ Frar 2005.


12 –      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 9 tad-Digriet Nru 77-1546.


13 –      Għall-kumdità, ser nuża, fir-raġunament tiegħu d-deskrizzjoni unika ta’ “ĊGĦT”.


14 –      B’hekk, persuna b’diżabbiltà li taħdem f’SGĦX tikkonkludi ma’ dan tal-aħħar, wara l-konstatazzjoni tal-possibbiltà ta’ dħul tiegħu f’SGĦX tkun ġiet ikkonstatata mill-kummissjoni kompetenti, kuntratt ta’ sostenn u tal-għajnuna fix-xogħol. Għalkemm il-ħlas riċevut jibqa’ jiġi ddefinit bħala ħlas għax-xogħol, madankollu, dan ma jistax jiġi ddefinit bħala salarju fis-sens tal-Kodiċi dwar ix-xogħol Franċiż (ara l-Artikolu L. 243-5 tal-Kodiċi dwar l-azzjoni soċjali u l-familji fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit-12 ta’ Frar 2005).


15 –      Mill-fajl jirriżulta li G. Fenoll kien f’pożizzjoni li jieħu, fis-sena 2004, 18-il ġurnata leave mħallas u li bbenefika regolarment, sal-2004, minn ħames ġimgħat ta’ leave annwali mħallas.


16 –      Hawnhekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761).


17 –      Dan jispjega l-ġurisdizzjoni tat-tribunal d’instance ta’ Avignon sabiex jieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali fl-ewwel istanza, u mhux dak tal-conseil des Prud’hommes.


18 –      F’dan ir-rigward, il-Cour de cassation isemmi sentenza mogħtija mill-Conseil d’État fit-22 ta’ Frar 2007 (ECLI:FR:CESEC:2007:264541.20070222) li eskluda li l-missjoni żgurata mill-korpi privati li jimmaniġjaw liċ-ĊGĦT tgawdi n-natura ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku.


19 –      Ara wkoll is-sentenza Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 27).


20 – Sentenzi Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX II, EU:C:2013:570, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Sentenzi KHS (EU:C:2011:761, punt 34).


22 – Ara, fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104 fi kliem identiku, is-sentenza BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 34).


23 – Sentenza KHS (EU:C:2011:761, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Sentenza Heimann (C-229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); Réexamen Commissionvs Strack (RX II, EU:C:2013:570, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata); u d-Digriet Brandes (C‑415/12, EU:C:2013:398, punt 29).


25 –      Sentenza O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-punt 25 tal-Konklużjonijiet O’Brien tal-Avukat Ġenerali Kokott (C‑393/10, EU:C:2011:746).


26 –      U bil-kontra ta’ dak li tat x’jinftiehem il-qorti tar-rinviju: ara s-sentenza Union syndicale Solidaires Isère (EU:C:2010:612, punt 27).


27 –      Sentenza Union syndicale Solidaires Isère (EU:C:2010:612, punt 28).


28 –      Ara s-sentenza Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 23).


29 –      Sentenza Union syndicale Solidaires Isère (EU:C:2010:612, punt 29).


30 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza Union syndicale Solidaires Isère (EU:C:2010:612, punt 30).


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488, punt 15).


32 – Sentenza Trojani (EU:C:2004:488, punt 17).


33 – Sentenza Trojani (EU:C:2004:488, punt 24).


34 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bettray (344/87, EU:C:1989:226, punt 15); Bernini (C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 16); Kurz (C‑188/00, EU:C:2002:694, punt 33); u Trojani (EU:C:2004:488, punt 16).


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bettray (EU:C:1989:226, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Sentenza Bettray (EU:C:1989:226, punti 17 u 20).


37 – Sentenza Bettray (EU:C:1989:226, punt 18).


38 – Sentenza Bettray (EU:C:1989:226, punt 19).


39 – Sentenza Bettray (EU:C:1989:226, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fuq ir-rabta bejn il-ħtieġa ta’ attivitajiet reali u effettivi u l-moviment liberu tal-ħaddiema, ara wkoll Levin (53/81, EU:C:1982:105, punti 16 u 17).


40 – Sentenzi Birden (C‑1/97, EU:C:1998:568, punt 31) u Trojani (EU:C:2004:488, punt 19).


41 – Ara s-sentenza Bettray (EU:C:1989:226, punt 19).


42 – Bħat-tindif, manteniment ta’ spazji ħodor, catering.


43 –      L-Avukat Ġenerali Jacobs b’hekk innota: “il-merkanzija prodotta u x-xogħol imwettaq jidher li huwa ddefinit b’ħafna kura, b’mod li tiġi evitata kwalunkwe kompetizzjoni indebita mal-produzzjoni u l-attivitajiet tas-suq normali. Is-sistema tal-impjieg soċjali tista’ titqabbel mas-sistema, ta’ spiss immexxija minn organizzazzjonijiet tal-karità, li fil-kuntest tagħhom, nies b’diżabbiltà jiffabbrikaw jew jippakkjaw prodotti żgħar ta’ użu ta’ kuljum. Dawn il-prodotti jistgħu wkoll sussegwentement jinbiegħu; madankollu, il-persuna li tixtriha, ġeneralment ma jkollhiex bżonnha, iżda tixtriha sabiex tagħti kontribut lill-karità. B’dan il-mod, il-karità tista’ tassumi funzjoni doppja. Hija tippermetti li jinġabru l-fondi u wkoll li tingħata attività lill-benefiċċjarji – u tippermetti wkoll li jiġu offerti l-opportunità li jħossuhom li qed jikkontribwixxu għall-manteniment tagħhom. Madankollu, ix-xogħol imwettaq minn dawn tal-aħħar ma għandux bħala għan li jikkontribwixxi lill-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità, u lanqas li jgħolli l-istandard tal-għejxien; huwa jgawdi natura purament soċjali u jitwarrab b’mod deliberat mis-suq normali” [Konklużjonijiet Bettray (344/87, EU:C:1989:113, punt 33)].


44 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Trojani (EU:C:2004:488, punt 15).


45 – Sentenzi Farrell (C‑356/05, EU:C:2007:229, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46 – Sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2).


47 – Ara s-sentenza Dominguez (EU:C:2012:33, punt 22 et seq) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’din il-kawża (C‑282/10, EU:C:2011:559, punti 72 sa 74 u 88).


48 – Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet Association belge des Consommateurs Test-Achats et tal-Avukat Ġenerali Kokott (C‑236/09, EU:C:2010:564, punt 28).


49 – Sentenza Dominguez (EU:C:2012:33, punti 33 sa 36).


50 – Sentenza Dominguez (EU:C:2012:33, punti 36 sa 37 u 42).


51 – Sentenzi Dominguez (EU:C:2012:33, punt 24 u 25) kif ukoll Association de médiation sociale (EU:C:2014:2, punti 38 u 39).


52 – Sentenza Dominguez (EU:C:2012:33, punt 23). Fis-sentenza Association de médiation sociale (EU:C:2014:2), il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet metodu differenti billi l-ewwel eżaminat jekk dispożizzjoni tal-Unjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta bħala li għandha effett dirett qabel ma eżaminat jekk interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjoni nazzjonali kinitx possibbli (ara l-punti 35 sa 40 tas-sentenza inkwistjoni).


53 – Fit-tieni lok, għalkemm nirreferi għad-dispożizzjonijiet li jidhru li servew ta’ bażi għaċ-ċaħda tat-talba ta’ G. Fenoll fl-ewwel istanza, jiġifieri għall-Artikolu L. 3141-3 u L. 3141-5 tal-Kodiċi dwar ix-xogħol, huwa bla ħsara għall-verifika tal-qorti tar-rinviju tal-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kawża prinċipali, li minn din jirriżulta li l-perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba mard mhux professjonali ma humiex parti mid-diversi każijiet elenkati fl-Artikolu L. 3141-5 ikkunsidrati bħala perijodi ta’ xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dewmien tal-leave. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika jekk iż-żieda eventwali ta’ każ ieħor ma’ din id-dispożizzjoni ma taqbiżx il-limiti tal-interpretazzjoni konformi mfakkra iktar ʼil fuq.


54 –      Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 – C-6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428.


56 – Huwa dan li ssuġġerixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Dominguez, fil-każ fejn interpretazzjoni skont id-dritt nazzjonali kienet tkun impossibbli [ara s-sentenza Dominguez (EU:C:2012:33, punt 43)].


57 – Sentenza Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709).


58 – Sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21).


59 – EU:C:2011:559, punti 89 sa 169.


60 – EU:C:2012:33.


61 – Ara l-punt 69 tal-konklużjonijiet Kücükdeveci tal-Avukat Ġenerali Bot (C‑555/07, EU:C:2009:429).