Language of document : ECLI:EU:C:2011:561

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawża C‑327/10

Hypoteční banka, a.s.

vs

Udo Mike Lindner

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresní Soud, Cheb (ir-Repubblika Ċeka)]

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ħatra ta’ kuratur għal konsumatur li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf – Regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali – Applikabbiltà – Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 – Dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur maħtur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut – Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 – Ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali li jinkludi ftehim impliċitu li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali – Artikolu 3(1) u Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13/KEE – Effetti tan-natura abbużiva ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali – Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001 – Eżami tal-kwistjoni dwar jekk konsumatur għandux id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru – Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-każ fejn il-konvenut ma għandux domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru – Drittijiet tad-difiża tal-konvenut – Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001 – Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal decizjoni preliminari preżenti tal-Okresni soud v Cheb (ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”) tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materja ċivili u kummerċjali (2).

2.        Il-qorti tar-rinviju fis-sustanza essenzjalment tistaqsi jekk id-disposizzjonijiet tal-Regolament Nru 44/2001 jipprekludux l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li skontha, meta jiġi ppreżentat rikors kontra l-konvenut li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf, jista jinħatar kuratur li jirrappreżenta lill-konvenut fil-kuntest tal-proċedura. Din il-kawża tippreżenta, mill-perspettiva ta’ kontenut, rabta mal-kawża G. (C‑292/10) (3) fejn ġew indirizzati domandi parzjalment analogi.

3.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, fir-rigward tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, għandhiex ġurisdizzjoni meta jissejjaħ kuratur fir-rigward tal-mertu tal-kawża mingħajr oġġezzjoni rigward in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (iktar ’il quddiem id-“dehra quddiem il-qorti mingħajr oġġezzjoni”).

4.        Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali jistax ukoll jinvolvi b’mod impliċitu l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u jekk il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali minħabba n-natura abbużiva tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 3 (1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (4) għandhiex impatt fuq il-validità tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali.

II – Il-liġi applikabbli

A –    Id-dritt tal-Unjoni (5)

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

5.        L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali. Il-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

2.      Ir-Regolament Nru 44/2001

6.        Ir-Regolament Nru 44/2001 jinkludi regoli dwar il-ġurisdizzjoni, ir- rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (6). Il-Premessi 2, 3, 11 u 13 tiegħu jipprovdu:

“(2) Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta' sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta' kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

(3) Din iż-żona tinsab fil-qasam ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 65 tat-Trattat

[...]

(11) Ir-regoli ta' ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal‑litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta' ġurisdizzjoni.

[...]

(13) B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

7.        Il-Kapitolu II tar-Regolament jinkludi regoli dwar il-ġurisdizzjoni. Is-Sezzjoni 1 ta’ dan il-kapitolu tinkludi disposizzjonijiet ġenerali. L-Artikoli 2, 3, u 4 tar-regolament, li jidhru f’din is-Sezzjoni, jipprovdu:

“Artikolu 2

(1) Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

(2) Persuni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta' ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.

Artikolu 3

(1) Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu

(2) B’mod partikolari r-regoli ta' ġurisdizzjoni nazzjonali mniżżla fl-Anness I ma japplikawx kontra tagħhom.

Artikolu 4

(1) Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta' kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(2) Kontra tali konvenut, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista', independentament min-nazzjonalità tagħha, tapprofitta ruħha f'dak l-Istat mir-regoli ta' ġurisdizzjoni applikabbli hemmhekk, u b'mod partikolari dawk speċifikati fl-Anness I, bl-istess metodu bħal ċittadini ta' dak l-Istat.”

8.        It-taqsima 4 tirregola l-ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi. Hija tinkludi l-Artikoli 15, 16 u 17. L-Artikolu 15 jipprovdi:

“(1) F’materji li għandhom x'jaqsmu ma' kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[...]

b) ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

c) fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi mezzi, [t]mexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”

L-Artikolu 16(2) tar-Regolament jaqra kif gej:

“Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta' l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

L-Artikolu 17 (3) ta’ dan ir-Regolament jistipula:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

[...]

3) li jkun sar mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li t-tnejn li fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, sakemm ftehim bħal dak ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

9.        Is-Sezzjoni 7 tar-Regolament Nru 44/2001 tikkonċerna ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni u tinkludi l-Artikoli 23 u 24.

10.      L-Artikolu 23(5) tar-Regolament jipprovdi:

“Ftehim dwar disposizzjonijiet ta’ strument ta’ fiduċja li jagħti ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali jekk dawn ikunu kuntrarji għall-Artikoli 13, 17 jew 21, jew jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis‑saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

11.      L-Artikolu 24 tar-Regolament jipprovdi kif ġej:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex [t]kun ikkontestat[a] il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

12.      L-Artikolu 26(1) u (2) tal-istess Regolament jipprovdi:

“(1) Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

(2) Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sakemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.”

13.      Il-Kapitolu V tar-Regolament jinkludi disposizzjonijiet ġenerali. L-Artikolu 59 tar-Regolament, inkluż f’dan il-kapitolu, jipprovdi:

“(1) Sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-materja, il-qorti għandha tapplika il-liġi interna tagħha.

(2) Jekk parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-materja, allura, sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkolliex id-domiċilju fi Stat membru ieħor, il-qorti għandha tapplika il-liġi ta' dak l-Istat Membru.”

14.      Il-Kapitolu VII tar-Regolament jirregola r-relazzjoni tiegħu mal-bqija tal-instrumenti legali. L-Artikolu 67, inkluż f’dan il-kapitolu, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza f’materji speċifiċi li jinstabu fi strumenti tal-Komunità jew f’leġislazzjoni nazzjonali armoniżżata bis-saħħa ta’ strumenti bħal dawn.”

3.      Id-Direttiva 93/13

15.      Id-Direttiva 93/13 tistabbilixxi l-klawżoli abbużivi f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

16.      L-Artikolu 3 tagħha jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbliġi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[...]

3. L-Anness fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati abbużivi.”

17.      Il-punt q) tal-Anness jittratta klawżoli fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija Direttiva li għandhom bħala għan jew effett li jħassru jew li jostakolaw l-eżerċizzju tal-azzjonijiet quddiem il-qorti jew rimedji ġudizzjarji mill-konsumatur, b’mod partikolari billi jobbligaw lill-konsumatur jinterpella esklużivament tribunal ta’ arbitraġġ li ma huwiex koperta b’disposizzjonijiet legali, u billi jillimitaw inġustament il-provi għad-disposizzjoni tal-konsumatur jew billi jimponu fuq il-konsumatur oneru tal-prova li, fid-dawl tal-liġi applikabbli, jappartjeni normalment għal parti oħra fil-kuntratt.

18.      L-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 5 jipprovdu:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur.”

19.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli abbużivi.”

B –    Id-dritt nazzjonali

20.      L-Artikolu 173(1), tal-Občanský soudní řád (Kodici tal-Proċedura Ċivili; iktar ’il quddiem “l-OSŘ”) jipprovdi li l-ordnijiet għal ħlas għandhom jiġu nnotifikati personalment lill-konvenut.

21.      Fid-dawl tal-Artikolu 29(3) tal-OSŘ, jista’ jiġi nnominat kuratur għal parti fil-kawża li d-domiċilju tagħha ma jkunx magħruf u li ma setgħetx tkun innotifikata f’indirizz magħruf f’pajjiż ieħor, li tbati minn marda mentali jew li għal xi raġuni oħra medika, ma tistax tidher fil-proċeduri, anki jekk temporanjament, jew li ma tistax tesprimi ruħha b’mod ċar.

III – Il-fatti, il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali u d-domandi preliminari

A –    Il-fatti

22.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt Ċek, li għandha l-uffiċju rreġistrat tagħha fir-Repubblika Ċeka. Il-konvenut fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Ġermaniż.

23.      Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali kkonkludew, fid-19 ta’ Awwissu 2005, kuntratt ta’ self ipotekarju. Dan is-self kellu jiffinanzja l-akkwist ta’ proprjetà immobbli. Fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-konvenut prinċipali kien domiċiljat fir-Repubblika Ċeka.

24.      Fl-Artikolu 8(8) ta’ dan il-kuntratt ta’ self, ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali kienu qablu li f’każ ta’ kontroversja jkollha ġurisdizzjoni l-qorti li fiha tkun tinsab is-sede tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif irreġistrat fir-reġistru kummerċjali fid-data tal-preżentata tar-rikors.

B –    Il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali

25.      Fis-16 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, kontra l-konvenut fil-kawża prinċipali bl-iskop li tirċievi l-ħlas ta’ CZK 4 383 584.60, bl-interessi moratorji, għal ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ self. Fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-qorti tar-rinviju ħarġet ordni ta’ ħlas rilevanti.

26.      Ma kienx possibbli li din id-deċiżjoni tkun innotifikata personalment lill-konvenut fil-kawża prinċipali, kif previst fl-Artikolu 173(1) tal-OSŘ. Il-konvenut ma kienx jirrisjedi iktar fl-indirizz ipprovdut mir-rikorrenti bħala domiċlju tiegħu, notament Velká Hled’sebs (CZ), Žižkova 356. Ir-reġistru ċentrali tal-popolazzjoni jipprovdi, bħala residenza permanenti tal-konvenut prinċipali, l-indirizz Mariánské Láznĕ (Marienbad), Třida Vitĕzstvi 30/30. Madanakollu, komunikazzjoni tas-servizz tal-barranin tal-pulizija tar-Repubblika Ċeka tal-20 ta’ Frar 2009 tindika li l-konvenut lanqas ma kien jirrisjedi f’dan l-indirizz. Skont l-informazzjoni tal-pulizija tat-2 ta’ Gunju 2009, matul is-soġġorn tiegħu fir-Repubblika Ċeka, il-konvenut fil-kawża prinċipali kien qed jirrisjedi unikament f’pensjonijiet jew f’appartamenti privati. Skont l-informazzjoni pprovduta mis-servizzi penitenzjarji tar-Repubblika Ċeka fl-20 ta’ Frar 2009, il-konvenut prinċipali ma kienx qed jiskonta piena ta’ kustodja u ma kienx qed jinżamm fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fit-18 ta’ Frar 2009. Il-qorti tar-rinviju lanqas waslet li tiddetermina jekk il-konvenut kellux qraba fit-territorju tar-Repubblika Ċeka li setgħu jinfurmawha bil-post fejn kien qed jirrisjedi l-konvenut. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-ebda mill-indirizzi msemmija qabel ma setgħu jikkwalifikaw bħala domiċilju fit-termini tal-liġi nazzjonali. Bħala konsegwenza ta’ dan, il-konvenut prinċipali ma għandux domiċilju fit-territoju tar-Repubblika Ċeka.

27.      L-ordni ta’ ħlas ġiet annullata fit-8 ta’ Settembru 2009 minħabba l-impossibbiltà li tiġi nnotifikata. Sabiex titkompla l-proċedura, fit-3 ta’ Ġunju 2009 l-qorti tar-rinviju nnominat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 29(3) tal-OSR, lil Josef Hayduk bħala kuratur tal-konvenut fil-kawża prinċipali, li kien persuna b’domiċilju mhux magħruf. B’nota tas-26 ta’ Ottubru 2009, J. Hayduk qajjem oġġezzjonijiet fundamentali kontra t-talbiet imressqa, rigward l-kwistjonijiet anċillari.

C –    Id-domandi preliminari

28.      F’talba għal deċiżjoni preliminari, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Lulju 2010, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi li gejjin:

“1)      Jekk waħda mill-partijiet fi proċeduri ġudizzjarji tkun ċittadina ta’ Stat differenti minn dak li fih ikunu qegħdin jiżvolġu dawn il-proċeduri, dan il-fatt jipprovdi bażi għall-implikazzjoni transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 81 (li qabel kien l-Artikolu 65) tat-Trattat, li hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem “ir-Regolament Brussell I”)?

2)      Ir-Regolament Brussell I jipprekludi l-użu ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu t-tressiq ta’ proċeduri kontra persuni li l-indirizz tagħhom ma jkunx magħruf?

3)      Jekk it-tieni domanda tingħata risposta negattiva, il-fatt li jsiru sottomissjonijiet minn kuratur tal-konvenut fil-kawża, li jkun maħtur mill-qorti, jista’ jitqies, waħdu, bħala sottomissjoni mill-konvenut għall-ġurisdizzjoni tal-qorti lokali għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussels I, anki meta s-suġġett tal-kawża jkun pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt mal-konsumatur u l-qrati tar-Repubblika Ċeka ma jkollhomx ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament sabiex jiddeċiedu din il-kawża?

4)      Ftehim dwar il-ġurisdizzjoni lokali ta’ qorti partikolari jista’ jitqies li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti magħżula għall-finijiet tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament [44/2001], u, jekk dan ikun il-każ, dan japplika anki jekk il-ftehim dwar ġurisdizzjoni lokali jkun invalidu minħabba li jmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13], tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur?

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, ta’ Franza, tal-Ungerija u tal-Olanda, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub.

30.      Fit-25 ta’ Mejju 2011 inżammet seduta li fiha pparteċipaw il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u tad-Danimarka, kif ukoll il-Kummissjoni, u li matulha dawn tal-aħħar ikkompletaw is-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub u wieġbu għal mistoqsijiet.

V –    L-argumenti ewlenin tal-partijiet fil-proċedura

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

31.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 humiex applikabbli. Hija titlaq mill-prinċipju li l-kundizzjoni għall-applikabbilità tiegħu hija l-eżistenza ta’ rabta estranja, madankollu tistaqsi jekk din ir-rabta hijiex diġà preżenti fil-fatt li l-konvenut prinċipali għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor.

32.      Fil-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-Gvern tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, ta’ Franza u tal-Ungerija, kif ukoll tal-Kummissjoni, il-kundizzjoni għall-applikabbilità tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 hija l-eżistenza ta’ rabta estranja, bil-Kummissjoni tiddefendi l-pożizzjoni li din ir-rabta għandha tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ dan il-każ partikolari.

33.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni, sabiex tkun teżisti tali rabta estranja, huwa suffiċjenti li l-kwistjoni tqajjem dubji rigward l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti, li jista’ jkun il-każ jekk il-konvenut fil-kawża prinċipali jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, f’dan il-każ, ma hemmx għarfien ċert dwar id-domiċilju tal-konvenut.

34.      Min-naħa l-oħra, fil-fehma tal-Gvern tal-Ungerija, tad-Danimarka u tal-Olanda, il-fatt li konvenut jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi, fiha nnifisha, l-applikabbilità tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, in-nazzjonalità ma għandha l-ebda rwol fir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

35.      Permezz tat-tieni domanda premliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-disposizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludux l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kif previsti fl-Artikolu 29(3) tal-OSŘ. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-organizzazzjoni ta’ proċeduri kontra persuni li d-domiċilju tagħhom ma huwiex magħruf issir possibbli bil-ħatra ta’ kuratur. Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali dispożizzjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 2 tar-Regolament.

36.      Il-partijiet kollha fil-proċedura li esprimew ruħhom f’dan il-qafas jsostnu li tali regola nazzjonali hija kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-dritt proċedurali ma jistax ikun armonizzat bis-sħiħ bir-Regolament u għadu rregolat bil-liġi nazzjonali. Sa fejn l-Istati Membri josservaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 44/2001, l-applikazzjoni ta’ tali regoli nazzjonali taqa’ taħt id-diskrezzjoni tagħhom.

37.      F’dak li jirrigwarda r-regoli tar-Regolament li għandhom jiġu osservati, dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u tad-Danimarka jsostnu li l-ġurisdizzjoni tiddependi bħala prinċipju mid-domiċilju tal-konvenut. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel nett teżamina jekk il-konvenut għandux d-domiċilju tiegħu fir-Repubblika Ċeka jew fi Stat Membru ieħor, f’liema każ l-Artikolu 59 tar-Regolament jipprovdi li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Kieku l-qorti tar-rinviju waslet għall-konklużjoni li konvenut ma għandux domiċilju fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001, skont id-dritt nazzjonali. Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka jipproponi approċċ fejn f’każ bħal dan, il-qorti nazzjonali jista’ tadotta finzjoni li l-konvenut ma għandux domiċilju fi Stat Membru, iżda tirrikonoxxi li tali approċċ huwa soluzzjoni de lega ferenda. Ir-rikorrenti tinnota, f’dan ir-rigward, li l-konvenut fil-kawża prinċipali, li ma huwiex konsumatur fis-sens tar-Regolament, ma għandux id-domiċilju tiegħu fir-Repubblika Ċeka. Fuq il-bazi ta’ kuntratt għal terminu twil konkluż mal-konvenut fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti seta’ jikkonkludi li l-konvenut kellu soġġorn ta’ perijodu twil fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

38.      F'dak li jirrigwarda id-drittijiet tad-difiża tal-konvenut, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Ungerija, tal-Olanda, ta’ Franza u tad-Danimarka jsostnu li, fl-applikazzjoni ta’ tali regola nazzjonali, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut, kif stabbilit fir-Regolament. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa li jippermettu li l-konvenut jkollu difiża. Jekk dawn il-miżuri jiġu adottati, id-drittijiet tad-difiża tal-konvenut fis-sens tal-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jkunu suffiċjentement protetti. Madanakollu, ir-Regolament ma jistax jiġi interpretat fuq dawn il-linji peress li jkun impossibbli għal rikorrenti li jieħu azzjoni kontra parti li d-domiċilju tagħha mhux magħruf. Għalhekk jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġuridika effettiva fis-sens tal-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

39.      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern ta’ Franza jsostnu li l-ħatra ta’ kuratur skont l-Artikolu 29(3) tal-OSŘ ma tillimitax id-drittijiet tad-difiża tal-konvenut. Anzi, din il-ħatra hija intiża li tipproteġi d-drittijiet tad-difiża. Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka jsostni li, fl-eventwalità li l-ġurisdizzjoni tkun iddeterminata skont id-dritt nazzjonali, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jkunx applikabbli f’kull każ.

40.       Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, il-Gvern tal-Olanda u tal-Ungerija jsostnu li sentenza li tirrizulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ, ma tistax tiġi rikonoxxuta jew eżegwita fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 34(2) tar-Regolament jista’ japplika f’ċerti każijiet.

C –    Dwar it-tielet domanda preliminari

41.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dehra tal-kuratur maħtur skont l-Artikolu 29(3) tal-OSŘ, mingħajr ma l-kuratur joġġezzjona tinvolvix il-ġurisdizzjoni tal-qorti interpellata skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-kuntratt ta’ self konkluż bejn ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali huwa kuntratt konkluż ma’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament, għandhom ġurisdizzjoni l-qrati tal-Istati Membri fejn jinsab domiċiljat il-konsumatur.

42.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, tal-Gvern tal-Ungerija, ta’ Franza u tar-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għall-kuntratti tal-konsumatur.

43.      Fil-fehma tal-Gvern tar-Repubblika Ċeka, tal-Olanda u ta’ Franza, kif ukoll tal-Kummissjoni, id-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur ma hijiex ugwali għal dehra quddiem il-qorti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tafferma li l-kunċett ta’ dehra quddiem il-qorti tal-konvenut skont l-Artikolu 24 tar-Regolament għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu. Il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut f’każ bħal dan tirrikjedi li ebda dehra tal-konvenut skont l-Artikolu 24 tar-Regolament ma tkun preżunta, indipendentement mill-pożizzjoni tal-kuratur skont id-dritt nazzjonali.

44.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern tal-Ungerija u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma tal-fehma li d-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur timplika l-ġuridizzjoni tal-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. Is-setgħat tal-kuratur għandhom jiġu ddeterminati skont id-dritt nazzjonali.

45.      Fil-fehma tal-Gvern tad-Danimarka, il-kwistjoni dwar jekk id-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur tistabbilixxix l-ġurisdizzjoni tal-qorti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi determinata skont il-każ.

D –    Dwar ir-raba’ domanda preliminari

46.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ftehim dwar il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ qorti stabbilita jistax ukoll jikkwalifika bħala ftehim taċitu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn dan, hija tistaqsi jekk l-infurzabbiltà tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territiorjali, minħabba n-natura abbużiva tiegħu skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, jistax ukoll ikollu impatt fuq tali ftehim taċitu li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali.

47.      Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu li tali ftehim huwa ftehim impliċitu li jattribwixxi ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fehma tal‑Gvern tal-Ungerija, f’dan ir-rigward jeħtieġ li ssir id-distinzjoni li ġejja: sa fejn teżisti rabta estranja, tali klawżola tista’ tkun klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament. Jekk ma jeżisti l-ebda element ta’ estranjetà, tali klawżola ma tistax titqies bħala klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali sakemm din ma tmurx kontra r-rieda tal-partijiet.

48.      Barra minn dan, il-Gvern ta’ Franza u l-Kummissjoni jsostnu li l-qorti nazzjonali hija obbligata teżamina jekk il-klawżola hijiex abbużiva skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13.

49.      Fil-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tali klawżola ma tistax titqies bħala klawżola abbużiva skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 meta l-ewwel nett jittieħed kont li ma hemm l-ebda kuntratt konkluż ma’ konsumatur u t-tieni nett, id-distanza bejn l-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fi Praga, u d-domiċilju tal-konvenut fil-kawża prinċipali ma humiex ser ikollhom wisq rilevanza.

50.      Fl-aħħar nett, il-gvern tar-Repubblika Ċeka u tal-Ungerija huma tal-fehma li tali ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali jibqa’ validu anke jekk il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali ma għandux effett skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jitqies bħala lex specialis fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13. Min-naħa l-oħra, il-Gvern tad-Darnimarka, ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni, jsostnu li klawżola invalida skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 lanqas ma tikkostitwixxi ftehim validu li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

VI – Evalwazzjoni fid-dritt

51.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li r-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-konvenut li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf. Fid-dawl tal-Artikolu 29(3) tal-OSŘ, il-qorti tar-rinviju tista’, f’każ bħal dan, taħtar kuratur għall-konvenut. Madanakollu, hija għandha dubji dwar jekk huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-Regolament Nru 44/2001, il-fatt li li hija tissokta bil-proċedura kontra l-konvenut f’dawn iċ-ċirkustanzi.

52.      Peress li l-erba’ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju f’dan il-każ huma marbutin mill-qrib, ser neżaminahom flimkien. L-ewwel nett jeħtieġ li tigi eżaminata d-domanda dwar jekk l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ, hijiex bħala prinċipju konċiljabbli mar-Regolament Nru 44/2001 (A). Għandha tingħata risposta fl-affermattiv f’dan ir-rigward. Madankollu, qorti nazzjonali għandha tiżgura, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jiġu osservati, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-Regolament. Dawn jinkludu r-regoli dwar il‑ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolament (B), u, sussegwentement, ir-rekwiżiti minimi relatati mad-dritt li l-konvenut jkollu difiża (C).

A –    Kompatibbiltà bħala prinċipju ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ mad-dritt tal-Unjoni

53.      Hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-ħatra ta’ kuratur skont l-Artikolu 29(3) tal-OSŘ tippermetti li tittieħed azzjoni kontra l-konvenut fil-kawża prinċipali anki meta d-domiċilju tal-konvenut ma jkunx magħruf u meta ma jkunx gie nnotifikat bl-istess rikors.

54.      Bħala prinċipju, ir-regoli tar-Regolament Nru 44/2001 ma jmorrux kontra l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż għall-unifikazzjoni tar-regoli relatati mad-distribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji f’materji ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Istati kontraenti kif ukoll sabiex jiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ġudizzjarji, iżda ma huwiex intiż għall-unifikazzjoni tal-kumplament tad-dritt proċedurali tal-Istati Membri (7). Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom bħala prinċipju d-diskrezzjoni li jadottaw dispożizzjoni proċedurali bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ, li skontu jista’ jinħatar kuratur għal konvenut li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf, u li jippermetti wkoll li titkompla l-proċedura kontrih (8).

55.      Madankollu, meta qorti nazzjonali tapplika d-dritt nazzjonali, għandha tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. F’każ bħal dan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Nru 44/2001 u tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dritt tal-konvenut li jkollu difiża (9)

B –    Dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001

56.      Il-ħatra ta’ kuratur għall-konvenut fil-kawża prinċipali ma teliminax l-obbligu tal-qorti ta’ rinviju li tosserva r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Nru 44/2001. Dawn ir-regoli japplikaw f’każ bħal dan (1). Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni taħt dawn ir-regoli (2).

1.      Dwar l-applikabbiltà ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001

57.      Hekk kif jirriżulta mill-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk, f’każ bħal dan, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001 għandhomx japplikaw.

58.      Hija ssostni li r-risposta għandha tkun fl-affermattiv.

59.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (10) li tikkonċerna r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, iżda li tapplika wkoll għar-Regolament Nru 44/2001 (11), l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tippresupponi rabta estranja (12). Sabiex tali element ta’ estranjetà jeżisti, ikun suffiċjenti li qorti ta’ Stat Membru tqajjem domandi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha (13).

60.      Każ bħal dan inkwistjoni jqajjem tali domani.

61.      Fil-fatt, tali domandi jistgħu jitqajmu mhux biss meta Stati oħra jkunu involuti minħabba d-domiċilju tal-partijiet, is-suġġett tal-kontroversja jew is-sit tal-fatti li wasslu għall-kontroversja. Il-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor (14) jew li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf mill-qorti tar-rinviju, huwa wkoll suxxettibbli li jqajjem domandi bħal dawn rigward il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti.

62.      Barra minn dan, is-suġġett u l-finalità tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li f’każ bħal dan jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiffavorixxu l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament f’każ bħal dan. Skont dawn ir-regoli, konsumatur ma jistax, bħala prinċipju, jitressaq quddiem qorti li ma hijiex dik tal-Istati fejn huwa domiċiljat. Jekk dawn id-disposizzjonijet jibqgħu ma jiġux applikati f’każ bħal dan fejn il-qorti nazzjonali rat li l-konvenut ma kellux domiċilju fl-Istati Membru tiegħu, ikun hemm ir-riskju li konvenut jitressaq quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru, bil-possibbiltà li jkun domiċiljat fi Stat Membru ieħor. Dan imur kontra l-iskop ta’ protezzjoni tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament.

63.      Kontra l-applikabbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, f’każ bħal dan, il-Gvern tal-Ungerija l-ewwel nett jopponi l-fatt li skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament, l-istess regoli għandhom japplikaw għall-barrannin kif ukoll għaċ-ċittadini li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat Membru. It-tieni nett, il-Gvern tal-Olanda jsostni li r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali previsti mir-Regolament huma marbuta, bħala prinċipju, mad-domiċilju iżda min-naħa l-oħra ma jieħdux inkunsiderazzjoni n-nazzjonalità.

64.      Dawn l-oġġezzjonijiet ma humiex konvincenti.

65.      Fil-fatt, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-domanda dwar liema kundizzjonijiet ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom japlikaw, min-naħa waħda, u d-domanda dwar liema kriterji jirregolaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli min-naħa l-oħra. Id-dispożizzjonijiet li qed jinvokaw dawn il-gvernijiet fihom il-kriterji li jirregolaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali, sa fejn japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament. Min-naħa l-oħra, minn dawn il-kriterji ma jistax jiġi dedott meta japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizizjoni tar-Regolament.

66.      Konsegwentement, bħala konklużjoni intermedjarja, jeħtieġ ninnutaw li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huma applikabbli f’każ bħal dan u għandhom jiġu osservati mill-qorti tar-rinviju.

2.      Dwar il-gurisidzzjoni tal-qorti tar-rinviju

67.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tar-regoli tar-Regolament Nru 44/2001.

68.      Hekk kif jirriżulta mit-tielet domanda preliminari, l-ewwel nett hija titlob risposta dwar jekk id-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur, maħtur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut, mingħajr oġġezzjoni min-naħa tal-kuratur, tistaax tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 (a). Barra minn dan, fir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tfittex risposta dwar jekk għandhiex ġurisdizzjoni abbażi ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (b).

69.      Jekk il-qorti tar-rinviju ma tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq waħda mid-disposizzjoniijiet msemmija, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont din id-dispożizzjoni, il-procedimenti mibdija kontra l-konsumatur mill-parti l-oħra fil-kuntratt jistgħu biss isiru quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa domiċiljat il-konsumatur (c). Jekk lanqas din id-dispożizzjoni ma tapplika, jiena tal-fehma li huwa applikabbli l-Artikolu 4 tar-Regolament, li skontu il-ġurisdizzjoni internazzjonali hija rregolata mid-dritt nazzjonali tal-qorti tar-rinviju (d).

a)      Dwar id-dehra quddiem il-qorti mingħajr oġġezzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001

70.      Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, qorti għandha ġurisdizzjoni meta l-konvenut jidher quddiemha. Din ir-regola ma tapplikax meta d-dehra tkun saret biex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 22.

71.      Il-qorti tar-rinviju tfittex risposta dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex ukoll applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi. Hija ssostni li r-risposta għandha tkun fl-affermattiv (i). Madanakollu, tibqa’ d-domanda dwar jekk id-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur maħtur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut tistax tikkostitwixxi dehra quddiem il-qorti tal-konvenut fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ii).

i)      Applikabbiltà għal kuntratti konklużi mill-konsumaturi

72.      L-ewwel nett, jeħtieġ li jingħad li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għal kuntratti konklużi mill-konsumaturi fis-sens tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tiegħu.

73.      Fis-sentenza tagħha ČPP Vienna Insurance Group, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 24 tar-Regolament japplika fil-qasam tal-assigurazzjoni fis-sens tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tiegħu (15). Din il-gurisprudenza tapplika għal kuntratti konklużi mill-konsumaturi, fis-sens tas-Sezzjoni 4 tal-istess kapitolu. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament tapplika f’każ ta’ kontroversja fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti interpellata, ma tirriżultax minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn il-kawża titressaq quddiem il-qorti bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dan jimplika li d-dehra quddiem il-qorti tal-konvenut tista’ titqies bħala aċċettazzjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti interpellata u għaldaqstant bħala estensjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha (16). Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament fil-fatt jipprovedi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ dehra quddiem il-qorti mingħajr oġġezzjoni, imma li dawn l-eċċezzjonijiet, li għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, ma japplikawx ħlief fil-każijiet espressement indikati (17). Madankollu, ma hemm ebda riferiment la għal ksur ta’ regoli fil-qasam tal-assigurazzjoni fis-sens tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament, u lanqas għal ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi fis-sens tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament.

74.      Konsegwentement, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa wkoll applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi fis-sens tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament (18).

ii)    Dwar il-kunċett tad-dehra tal-konvenut quddiem il-qorti

75.      Madankollu, tibqa’ domanda oħra dwar jekk f’każ bħal dan, jeżistix il-kunċett ta’ dehra tal-konvenut quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. Il-qorti tar-rinviju ma qajmitx espressament din id-domanda. Madankollu, fil-qafas ta’ proċedura preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha li hija tqis utli għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali (19).

76.      Il-kunċett ta’ dehra tal-konvenut quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li ma għandux jiġi interpretat b’mod uniformi. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom bħala prinċipju jiġu interpretati b’mod awtonomu, abbażi tas-sistema u l-iskopijiet tal-istess Regolament (20). Pereżempju, il-kunċett huwa differenti meta nirreferu espressament għad-dritt nazzjonali jew meta jirriżulta minn dispożizzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli din il-kwistjoni taħt id-dritt tal-Istati Membri. Dan ma japplikax għall-kunċett ta’ dehra tal-konvenut quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament.

77.      Għaldaqstant, mill-kunċett autonomu tad-dehra tal-konveut quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżultaw rekwiżiti minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, li l-Istati Membri għandhom josservaw (21). Dan madanakollu ma jfissirx li d-dritt proċedurali nazzjonali jigi totalment skartat. Pjuttost, dan japplika b’mod supplimentari (22).

78.      F’każ bħal dan, id-domanda hija jekk huwiex kompatibbli ma’ dawn ir-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li wieħed jassumi dehra tal-konveut quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 anki f’każ ta’ dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur li nħatar għall-konsumatur konvenut mingħajr il-kunsens u l-għarfien tiegħu.

79.      Fis-sentenza Hendrikman u Feyen (23), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur li ma ġiex awtorizzat mill-konvenut ma tistax titqies bħala dehra tal-konvenut quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell I, id-dispożizzjoni li ġiet sostitwita mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (24).

80.      B’kunsiderazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, jidher li l-kunċett ta’ dehra quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’tali mod li kuratur maħtur għal konsumatur konvenut mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut ma jitqiesx li qed jidher f’ismu. F’dan il-każ, il-kuratur inħatar mill-qorti u mhux minn avukat bla awtorizzazzjoni, kif kien il-każ fil-kawża Hendrikman u Feyen. Barra minn dan, il-kwistjoni f’dan il-każ hija l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 li japplika fi proċedura primarja, u mhux l-Artikolu 34(2) tar-Regolament li japplika fil-kuntest ta’ proċedura eżekutorja. Madankollu, jidher li r-ratio ta’ din il-ġurisprudenza huwa applikabbli f’każ bħal dan.

81.      Għan importanti tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fil-fatt il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut (25), rikonoxxut fid-dritt primarju, fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fehma tiegħi, dan l-għan ma huwiex kompatibbli mal-fatt li, f’każ bħal dan, id-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur maħtur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konveut hija imputabbli lill-konvenut. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-konvenut fl-ebda sitwazzjoni ma jkun jista’ jieħu deċiżjoni rigward l-organizzazzjoni tal-proċedura. It-tieni nett, kuratur li ma għandux kuntatt mal-konveut ġeneralment ma jkollux l-informazzjoni neċessarja sabiex jiddetermina jekk id-dehra tiegħu quddiem il-qorti hijiex ta’ benefiċċju għall-konvenut. Fit-tielet lok, dan in-nuqqas ta’ informazzjoni jista’ jirrendi l-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti kkonċernata iktar diffiċli għall-kuratur.

82.      Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jħares lill-konsumatur mill-possibbiltà li jitressaq quddiem qrati oħra differenti minn dawk tal-Istat Membru tiegħu. Jekk id-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur maħtur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konsumatur tiġi imputata fuq il-konsumatur, u li bl-istess mod tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-qorti li ħatret il-kuratur, tkun qiegħda tiġi mminata l-effikaċja tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament.

83.      Barra minn dan, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dehra quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddetermina l-post, u għaldaqstant il-lex fori, li jista’ jkollu konsegwenzi importanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża.

84.      Għar-raġunijiet imsemmija preċedentement, id-dehra quddiem il-qorti tal-kuratur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut ma tistax bħala prinċipju tkun imputata lill-konvenut, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament, bħala dehra quddiem il-qorti proprja tiegħu.

iii) Konklużjoni

85.      Bħala konklużjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 24 tar-Regolament japplika fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mal-konsumaturi, li d-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur maħtur minn konsumatur konvenut mingħajr il-kunsens u l-għarfien tiegħu ma tistax tiġi imputata lill-konvenut bħala dehra quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ma tistax tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha (26).

b)      Dwar il-ftehim li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament

86.      Kif jirriżulta mir-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, f’każ bħal dan, tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq ftehim li jattribwixxi ġurisidzzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

87.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju., f’dan il-każ hemm inkwistjoni kawża fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi skont l-Artikolu 15 (1)(c) tar-Regolament Nru 44/2001, li għaliha japplikaw d-dispożizzjonijiet speċjali tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitoli II tar-Regolament Nru 44/2001. Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament, il-konsumatur ma jistax jitressaq quddiem qrati li ma humiex tal-Istat Membru li fih huwa domiċiljat. Madankollu, qorti oħra tista’ tkun ammessa bil-kundizzjoni li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament. Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din id-disposizzjoni, konsumatur u l-parti kontraenti jistgħu jaqblu li ikollhom bħala ġurisdizzjoni l-qrati ta’ Stat Membru fejn kellhom id-domiċilju tagħhom jew kienu jirrisjedu abitwalment meta ġie konkluż il-kuntratt, sa fejn tali ftehim ma jkunx ipprojbit mid-dritt ta’ dak l-Istat Membru.

i)      Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001

88.      F’każ bħal dan, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jistax japplika wkoll meta l-konvenut fil-kawża prinċipali seta’ ma kienx iżjed domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru meta saret il-preżentata tar-rikors.

89.      Ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv.

90.      Sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi applikata, huwa suffiċjenti li l-partijiet jkollhom iż-żewġ domiċilji rispettivi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim (27). Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan ta’ din id-disposizzjoni, li tfittex li tħares lill-parti kontraenti tal-konsumatur (28). Dan l-għan ma jistax jinkiseb effettivament sakemm tali ftehim ma jkunx affettwat minn bidla sussegwenti fid-domiċilju u tali bidla ma sseħħx f’pajjiż terz (29).

ii)    Domiċilju tal-konsumatur u tal-parti kontraenti tiegħu fl-istess Stat Membru

91.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, peress li kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-konvenut fil-kawża prinċipali kellhom, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, id-domiċilju tagħhom fir-Repubblika Ċeka, jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija sodisfatta.

iii) Ftehim taċitu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tar-Repubblika Ċeka

92.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali li jipprevedi li l-ġurisdizzjoni fl-eventwalità ta’ kontroversja tkun tal-qorti li tinsab fil-ġurisdizzjoni li fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fid-data tal-preżentata tar-rikors, jistax ikun ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

93.      Il-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel nett tivverifika jekk ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali kinux qablu li, fil-kontroversji li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ self, il-qrati tar-Repubblika Ċeka kellu jkollhom ġurisdizzjoni fuq livell internazzjonali. Fl-assenza ta’ regoli bħal dawn fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tagħha, li għandha tivverifika jekk jistax jiġi preżunt ftehim taċitu rigward ġurisdizzjoni internazzjonali mill-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dan jista’ jkun possibbli fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tar-Repubblika Ċeka. Fil-fatt, żewġ partijiet li t-tnejn għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat Membru normalment jistgħu, permezz ta’ ftehim, jiddeterminaw il-qorti li fil-fatt għandha ġurisdizzjoni fil-kontroversja, mhux biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali, iżda b’mod taċitu wkoll il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fuq livell internazzjonali.

94.      Barra minn dan, għandu jiġi kkunsidrat jekk tali ftehim taċitu skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. Ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. Il-formulazzjoni ta’ din id-disposizzjoni ma tipprevedix li hija tapplika biss għal ftehim espressament ifformulat. Barra minn dan, limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal ftehim espressament ifformulat inaqqas ħafna mill-utilità tagħha. Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament japplika fil-każ fejn, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, ikun għad ma hemmx element ta’ estranjetà li joħroġ biss sussegwentement meta l-konsumatur jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor. Ġeneralment f’tali sitwazzjoni, il-partijiet kuntrattwali ma jqisux neċessarju li jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru fejn it-tnejn li huma għandhom id-domiċilju tagħhom. Limitazzjoni għal ftehim espressament ifformulat tkun ftit li xejn kompatibbli mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa l-ħarsien tal-parti kontraenti tal‑konsumatur kontra trasferiment tal-ġurisdizzjoni li tista’ sseħħ meta l-konsumatur jitlaq barra mill-Istat Membru (30).

iv)    Dwar il-validità tal-ftehim taħt id-dritt nazzjonali

95.      Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li r-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali kkonkludew ftehim li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tar-Repubblika Ċeka, hija għandha teżamina wkoll, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jekk tali klawżola hijiex valida fid-dawl tad-dritt tar-Repubblika Ċeka.

96.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-infurzabbiltà ta’ tali ftehim. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali, li skontha għandha ġurisidzzjoni l-qorti ta’ fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrenti, tista’ tkun inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 u għalhekk mhux infurzabbli taħt l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Praga u l-konvenut fil-kawża prinċipali kien domiċiljat f’Marienbad.

97.      F’dan il-kuntest, l-ewwel domanda hija jekk u sa liema punt il-ftehim taċitu li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali għandux jiġi eżaminat fl-isfond tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13. It-tieni nett, jeħtieġ nikkunsidraw jekk il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali jistax iħalli effett fuq il-ftehim taċitu li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali. Fit-tielet lok, ser jiġu eżaminati l-kriterji li permezz tagħhom għandha tiġi ddeterminata n-natura abbużiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali.

–       Dwar l-eżami tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali fid-dawl tad-Direttiva 93/13

98.      Bis-saħħa tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali għandu jkun validu fir-rigward tad-dritt nazzjonali. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Istati Membri, waqt l-abbozzar tad-dritt nazzjonali tagħhom għandhom josservaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 93/13 (31). Konsegwentement, il-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni internazzjonali li jaqgħu taħt din id-Direttiva u li għalhekk jintużaw fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejjiegħa u tax-xerrejja huma bħala prinċipju suġġetti għal kontroll ta’ abbuż skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, kif ukoll għar-rekwiżiti ta’ kjarezza u komprensibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 tagħha.

99.      Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tan-natura abbużiva ta’ tali klawżola, ma huwiex possibbli li jiġi injorat il-fatt li l-leġislatur tal-Unjoni, meta adotta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ried jagħti lill-parti kontraenti mal-konsumatur il-possibbiltà li jostakola trasferiment ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fl-eventwalità li konsumatur joħroġ barra mill-Istat Membru komuni. B’kunsiderazzjoni għall-intenzjoni tal-leġiżlatur, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni mid-Direttiva 93/13 ma tistax tiġi kklassifikata bħala abbużiva fis-sens tal-Artikolu 3(1), sempliċement minħabba l-fatt li hija tipprovdi li, f’kawża bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ, għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali l-qrati tal-Istat Membru fejn iż-żewġ partijiet kellhom id-domiċilju fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament jiġi limitat għal ftehim li ma humiex kundizzjonijiet ġenerali fis-sens tad-Direttiva 93/13, l-utilità tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 titnaqqas kunsiderevolment.

100. L-istess konklużjoni tapplika għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 93/13 fil-qasam ta’ kjarezza u komprensibbiltà ta’ tali klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali, konkluża b’mod taċitu permezz tal-konklużjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali. Anki f’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħsieb tal-leġislatur hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Approċċ li jwassal sabiex ir-rekwiżit ta’ kjarezza u komprensibbiltà jkun f’kunflitt mal-introduzzjoni ta’ tali klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali konkluża b’mod taċitu, jillimita eċċessivament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (32).

–       Fuq l-impatt tal-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali fuq il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali

101. Barra minn dan, tqum il-kwistjoni f’dan il-każ dwar jekk il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jistax ikollha impatt fuq il-ftehim taċitu li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali konkluż fl-istess waqt.

102. Fid-dawl tal-Artikolu 6 (1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli abbużivi inklużi f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur u bejjiegħ jew fornitur ma jorbtux lill-konsumaturi. Madankollu, il-kumplament tal-kuntratt jibqa’ vinkolanti fuq il-konsumatur jekk jista’ jkun vijabbli mingħajr il-klawżoli abbużivi. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, meta klawżola li tattribwixxi kompetenza territorjali ma tkunx vinkolanti, jeħtieġ li wieħed ikun jaf jekk il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali u l-klawżola taċita li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali konkluża fl-istess waqt għandhomx jitqiesu, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, bħala klawżola waħda, jew jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali tistax titqies dejjem parti mill-kuntratt u għalhekk, minkejja n-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali, tkompli jkollha effett bejn il-konsumatur u l-parti kontraenti l-oħra.

103. Il-kwistjoni dwar jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali u l-klawżola taċita li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali konkluża fl-istess waqt għandhomx jitqiesu ħaġa waħda mill-perspettiva tal-kontenut, fl-aħħar tiddependi mir-rieda tal-partijiet. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet korrispondenti fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina din ir-rieda billi tapplika r-regoli nazzjonali kkonċernati. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’każ bħal dan, il-fatt li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali tirriżulta mill-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex iż-żewġ klawżoli jitqiesu unità waħda mill-perspettiva ta’ kontenut. Fil-fatt, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali u klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali għandhom funzjonijiet differenti. Fil-fatt klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali għandha l-effett li tiddetermina il-qrati kompetenti b’riferiment għal fruntieri territorjali ta’ Stat. Madankollu, bħala regola ġenerali, il-partijiet ifittxu wkoll għanijiet oħra bi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali. Fil-fatt, l-għażla tal-qrati b’ġurisdizzjoni internazzjonali għandha ħafna konsegwenzi fil-liġi u fil-fatt, li jista’ jkollhom impatt fuq it-trattament tal-ilment u r-riżultat tal-proċedura. Id-determinazzjoni tal-lex fori, tar-regoli ta’ kunflitt fis-seħħ fil-ġurisdizzjoni u tal-lingwa tal-proċedura jiddependu b’mod partikolari fuq dawn il-konsegwenzi. (33)

104. Jekk il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tikkonkludi li l-ftehim rigward il-ġurisdizzjoni territorjali u l-ftehim rigward il-ġurisdizzjoni internazzjonali ma humiex unità waħda mill-perspettiva ta’ kontenut kif intenzjonat mill-partijiet, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali ma għandux ikollha impatt fuq il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali (34).

–       Dwar in-natura abbużiva tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, f’każ bħal dan, il-possibbiltà li l-ftehim rigward il-ġurisdizzjoni territorjali ikun ta’ natura abbużiva ma għandhiex ikollha impatt fuq il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali. Dan iżda ma jistax jiġi totalment eskluż. B’kunsiderazzjoni għall-fatt li huwa loġiku li l-qorti tar-riviju, f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni territorjali, teżamina n-natura abbużiva tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali, nixtieq niddiskuti fil-qosor il-kwistjoni tal-eżami tan-natura abbużiva tal-ftehim rigward il-ġurisdizzjoni territorjali.

106. Bis-saħħa tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra r-rekwiżit ta’ bona fede, toħloq żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbliġi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura abbuża lil klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjar individwali (35). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jirreferi għal anness li jinkludi lista ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati bħala abbużivi. Il-punt 1(q) ta’ din il-lista jsemmi l-klawżoli li għandhom bħala għan jew effett li jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jobbliga lill-konsumatur jinterpella esklużivament qorti ta’ arbitraġġ li ma hijiex koperta b’dispożizzjonijiet legali, filwaqt li jillimita indebitament l-motivi ta’ prova disponibbli għall-konsumatur jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skont id-dritt applikabbli, għandu jkun responsabbiltà tal-parti l-oħra fil-kuntratt. Madankollu, din il-lista hija biss indikattiva u mhux eżawrjenti (36). Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali partikolari għandhiex jew le natura inġusta, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jindika li r-risposta għandha tingħata fid-dawl tan-natura tal-beni u tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u b’riferiment, fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta ġie konkluż l-imsemmi kuntratt. F’dan il-kuntest, għandhom ukoll jiġu evalwati l-konsegwenzi li jista’ jkollha klawżola fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, li jimplika eżami tas-sistema legali nazzjonali (37).

107. Fid-dawl tal-kuntest deskritt mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tillimita ruħha, fir-rigward tad-domandi preliminari, li tinterpreta l-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiddefinixxi il-kunċett ta’ klawżoli abbużivi. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw in-natura abbużiva ta’ klawżola b’kunsiderazzjoni għal dawn il-kriterji. Kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, din is-separazzjoni ta’ kompiti tapplika wkoll għall-eżami ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni territorjali esklużiva(38).

108. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżami tan-natura abbużiva ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni territorjali esklużiva, qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dehra quddiem il-qorti tal-konsumatur tista’ tinvolvi spejjeż eċċessivi jekk il-qorti kkonċernata hija mbiegħda mid-domiċilju tal-konsumatur u l-kawża tinvolvi ammont zgħir ta’ flus. F’dawn iċ-ċirkustanzi, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva tista’ fil-fatt tirrendi iktar diffiċli d-dehra quddiem il-qorti tal-konsumatur u tista’ wkoll twassal sabiex konsumatur jirrinunzja għal kollox li jinterpella kawża quddiem qorti jew li jkollu difiża (39).

109. F’każ bħal dan, ma hemmx inkwistjoni kawża li tinvolvi somma żgħira, iżda kawża li tinvolvi somma sostanzjali ta’ CZK 4 383 584.60, flimkien mal-interessi. Konsegwentement, mir-rapport biss bejn l-ammont ta’ flus involuti fil-kontroversja u l-ispejjeż li l-konsumatur ġarrab abbażi tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali għad-dehra tiegħu quddiem il-qorti, ma jistax jiġi konkluż li r-rimedji legali huma fil-fatt esklużi.

110. Madankollu, fl-eżami tan-natura abbużiva ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali, bħalma fil-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li tali klawżola tippermetti lill-bejjiegħ jew lill-fornitur jiġbor l-kontenzjuż kollu marbut mall-attività professjonali tiegħu quddiem qorti waħda li ma hijiex dik fil-ġurisdizzjoni fejn huwa domiċiljat il-konsumatur. Anki jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, dan ma jinvolvix esklużjoni effettiva tar-rikors, xorta waħda jista’ jirrendi diffiċli d-dehra quddiem il-qorti tal‑konsumatur kif ukoll li jkollu iżjed spejjeż. Barra minn dan, tali klawżola tista’ tiffaċilita l-organizzazzjoni tad-dehra quddiem il-qorti tal-bejjiegħ jew tal-fornitur b’inqas spejjeż (40).

v)      Konklużjoni

111. Bħala konklużjoni intermedjarja, l-ewwel nett jeħtieġ li jiġi kkonstatat, li ftehim rigward ġurisdizzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jirriżulta b’mod taċitu minn ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali, sa fejn jikkorrispondi mar-rieda tal-partijiet, li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.

112. It-tieni nett, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ ftehim rigward ġurisdizzjoni territorjali minħabba n-natura abbużiva tiegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 ma għandux impatt fuq il-validità ta’ tali ftehim li jattribiwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali konkluż b’mod taċitu fl-istess waqt jekk dan jirriżulta mir-rieda tal-partijiet, liema rieda ma għandhiex tiġi preżunta.

c)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-lok ta’ domiċilju tal-konsumatur skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 4/2001

113. Sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni konkluż bejn ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, hija għandha tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont din id-dispożizzjoni, l-azzjoni kontra l-konsumatur tista’ biss tiġi interpellata quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih huwa domiċiljat il-konsumatur. Huma meħtieġa żewġ rekwiżiti sabiex tiġi stabbiliti ġurisdizzjoni nazzjonali, waħda li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha u l-oħra li teskludieha.

114. L-ewwel nett, minn din id-disposizzjoni jirriżulta li qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni internazzjonali meta l-konsumatur huwa domiċiljat fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti. Konsegwentement, qorti nazzjonali għandha l-ewwel nett tivverifika jekk il-konvenut huwiex domiċiljat fit-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti. Għal dan il-għan, u skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 44/2001, hija tapplika d-dritt tagħha.

115. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk jistax jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tal-kuntratt, u b’mod partikolari mill-klawżola li permezz tagħha l-konvenut intrabat jikkomunika bidla fid-domiċilju lir-rikorrenti, li l-partijiet qablu li d-domiċilju ser ikun id-domiċilju tal-konvenut fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament, id-domiċilju tal-konvenut għandu jiġi ddeterminat skont id-dritt nazzjonali u, konsegwentement, għandu bħala prinċipju jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju skont id-dritt nazzjonali. Fid-digriet tagħha ta’ rinviju, il-qorti tar-rinviju diġà ddikjarat li l-konvenut fil-kawża prinċipali ma kellux domiċilju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Fi kwalunwke każ, approċċ fejn jiġi dedott ftehim dwar bidla fid-domiċilju minn obbligu li tiġi nnotifikata bidla fid-domiċilju jidher li huwa diffiċilment konċiljabbli mar-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Sa fejn dan jinvolvi klawżola li tirriżulta mid-Direttiva 93/13, tali approċċ ma jistax ikun kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ kjarezza u komprensibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13.

116. It-tieni nett, mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-qorti ta’ Stat Membru ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonali jekk il-konsumatur ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tivverifika jekk il-konvenut fil-kawża prinċipali huwiex domiċiljat fi Stat Membru ieħor.

117. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti għandha tapplika d-dritt ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 59(2) tar-Regolament.

118. Mill-Artikolu 26(1) tar-Regolament jirrizulta wkoll li l-qorti tar-rinviju hija obbligata twettaq dan l-eżami. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix l-obbligu li jsir eżami ħlief fis-sitwazzjoni fejn il-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, l-għan ta’ protezzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jeżiġi li tali obbligu jkun preżunt sakemm il-qorti tar-rinviju ma tkunx konvinta li l-konvenut mhux domiċiljat fi Stat Membru ieħor.

119. Ir-Regolament Nru 44/2001 ma jinkludix rekwiżiti oħra espressi rigward kif għandu jsir dan l-eżami. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twieġeb, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli, għall-kwistjoni dwar jekk jeħtieġx li jigu stabbiliti l-fatti importanti f’dan ir-rigward, jekk l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti jistax ikun eħfef għar-raġuni li l-konveut ma huwiex domiċiljat fi Stat Membru, u f’liema grad il-livell tal-prova jitqies li nkiseb sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tqis bħala prova li l-konsumatur ma għandux id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor (41).

120. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jkollu l-effikaċja meħtieġa. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex il-konsumatur ikun protett milli jitressaq quddiem qrati ta’ Stat Membru ieħor li ma humiex dawk tad-domiċilju tiegħu. Barra minn dan, f’każ bħal dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konvenut ma awtorizzax lill-kuratur u li dan lanqas ma huwa ser jikseb informazzjoni mill-konvenut. F’tali każ, il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta bl‑informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti. Il-qorti ma tistax terġa’ tibda tisma’ l-kawża bla ma teżamina l-informazzjoni fir-rikors u jkollha tevalwa sew il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha (42).

121. Jekk il-qorti ta’ rinviju ma tistax tippresuponi, biċ-ċertezza mitluba mid-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, li konsumatur mhux domiċiljat fi Stat Membru ieħor, hija jkollha l-obbligu li tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Dan japplika wkoll meta l-qorti taħtar kuratur għall-konvenut skont disposizzjoni bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ.

d)      Fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001

122. Jekk il-qorti tkun konvinta li l-konvenut fil-kawża prinċipali la huwa domiċiljat fir-Repubblika Ċeka u lanqas fi Stat Membru ieħor, il-kwistjoni tqum dwar liema huma l-kriterji li jirregolaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali f’tali każ.

123. De lege ferenda jeżistu diversi possibbiltajiet f’dan il-kuntest. Ikun konċepibbli li minflok id-domiċilju, tittieħed bħala bażi r-residenza abitwali tal-konvenut jew ġurisdizzjoni ta’ emerġenza tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat (43). De lege lata każ bħal dan jidher madankollu li huwa previst fl-Artikolu 4 (1) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont din id-dispożizzjoni, il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti, f’każ fejn il-konvenut ma huwiex domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru, hija rregolata bil-liġijiet tagħha stess.

124. Jekk japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001, ikun kompatibbli mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament li l-qorti tar-rinviju taħtar kuratur għall-konvenut skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ u li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali.

3.      Konklużjoni

125. F’każ bħal dan, il-kontinwazzjoni tal-proċedura kontra l-konvenut hija kompatibbli mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 meta l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni, jew abbażi ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament, jew abbażi tal-liġijiet tagħha stess bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament. L-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament tippressuponi li li l-qorti tar-rinviju, permezz ta’ eżami li għandha l-obbligu li twettaq skont l-Artikolu 26(1) tar‑Regolament, waslet sabiex tikkonkludi li l-konvenut la huwa domiċiljat fl-Istat Membru tiegħu stess u lanqas fi Stat Membru ieħor.

C –    Rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut

126. Fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ, flimkien mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tad-difiża tal-konvenut. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

127. Fl-ewwel sitwazzjoni, il-qorti, fil-kuntest tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha ma tasalx għall-konklużjoni li l-konvenut huwa domiċiljat fi Stat Membru ieħor. Din tkun is-sitwazzjoni meta l-qorti tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq ftehim fis-sens tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001 mingħajr ma tivverifika fejn huwa domiċiljat il-konvenut. F’din is-sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 26(2) tar-Regolament. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti għandha tissospendi l-proċeduri sakemm jiġi stabbilit li l-konvenut ġie nnotifikat bir-rikors fi żmien debitu sabiex ikollu difiża jew li ttieħdu l-miżuri kollha ta’ diliġenza għal dan il-għan. Fil-fatt, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament ma japplikax ħlief meta l-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, għar-raġunijiet diġà ċċitati (44), din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpetata b’kunsiderazzjoni għall-għan tagħha ta’ protezzjoni, fis-sens li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tagħha sakemm tkun konvinta li l-konvenut mhux domiċiljat fi Stat Membru ieħor.

128. Fid-dawl tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tista’ tissokta bil-proċedura meta l-konvenut jircievi l-petizzjoni fi żmien debitu li fih jista’ jkollu difiża. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex il-konveut ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsi b’mod xieraq.

129. Bħala prinċipju, in-notifika ta’ rikors lil kuratur maħtur minn qorti mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut ma tosservax dawn il-kundizzjonijiet (45). Għar-raġunijiet diġà esposti hawn fuq (46), f’sitwazzjoni bħal din il-konvenut ġeneralment ma jingħatax garanzija ta’ difiża xierqa.

130. Barra minn dan, fid-dawl tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tissokta bil-proċedura meta jkunu ttieħdu l-mizuri kollha neċessarji sabiex il-konvenut ikollu difiża. Konsegwentement, ma huwiex mandatorju li l-konvenut ikun effettivament irċieva r-rikors sabiex dan ikun jista’ jiddefendi ruħu b’mod xieraq. Konsegwentement, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Bħala prinċipju ma jmurx kontra dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 29(3) tal-OSŘ li jipprovdi ħatra ta’ kuratur għal konvenut li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li, l-ewwel u qabel kollox, ikun saru r-riċerki kollha meħtieġa mill-prinċipji ta’ diliġenza u bona fide biex jinstab il-konvenut. (47) F’dan il-kuntest, għandhom jiġu applikati rekwiżiti simili għal dawk li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament jimponi għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-konvenut huwiex domiċiljat fi Stat Membru ieħor. Konsegwentement, nixtieq nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 116 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari fil-punt 120.

131. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001 hija wkoll kompatibbli mad-dritt tal-konvenut li jkollu difiża, rikonoxxut fid-dritt primarju, fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, in-notifika ta’ rikors lil kuratur maħtur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut taffettwa d-dritt tal-konvenut kif rikonoxxut fl-Artikolu 47(2) tal-Karta, Dan il-ksur madankollu ġġustifikat fir-rigward tad-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni effettiva iggarantita fl-Artikolu 47(1) tal-Karta (48). Jekk rikorrent ma jirnexxilux jinterpella appell kontra l-konvenut li ma setax jinstab minkejja r-riċerki kollha li saru, kif rikjest mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide, id-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni xierqa jiġi mminat. Barra minn hekk, dan jista’ jintuża b’mod abbużiv meta persuna li tkun s-suġġett ta’ rikors tabbanduna intenzjonalment id-domiċilju tagħha jew tbiddel id-domiċilju tagħha fuq bażi regolari (49).

132. Min-naħa l-oħra, fit-tieni sitwazzjoni, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament ma japplikax awtomatikament. Dan huwa l-każ meta l-qorti tar-rinviju ma tibbażax il-ġurisdizzjoni tagħha fuq ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda fuq id-dritt intern tagħha skont l-Artikolu 4 tar-Regolament. L-Artikolu 4 tar-Regolament jippressupponi li l-konvenut ma huwiex domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament ma japplikax, skont il-formulazzjoni tiegħu, ħlief meta l-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 26(2) tar-Regolament għandux jigi applikat b’analogija fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża skont l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jew jekk l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandux japplika awtomatikament (50).

133. Għall-finijiet tal-kawża preżenti, ma huwiex neċessarju li dawn il-kwistjonijiet jiġu kkunsidrati fid-dettall. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax ħlief meta l-qorti tar-rinviju tkun l-ewwel u qabel kollox waslet għall-konklużjoni li l-Artikolu 16(2) ma jipprekludix dan. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju jkollha tipproċedi għall-eżami diġà deskritt fil-punti 116 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari fil-punt 120. Dan l-eżami jistipula kundizzjonijiet simili għal dawk fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament jew l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tkun diġà ssodisfat ir-rekwiżiti stipulati minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-domiċilju.

VII – Konklużjoni

134. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari bil-mod li ġej:

1) L-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, tippressupponi sitwazzjoni fejn il-ġurisdizzjoni nazzjonali tista’ tqajjem domandi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali. Tali sitwazzjoni sseħħ, bħal f’dan il-każ, meta jitressaq rikors quddiem qorti ta’ Stat Membru kontra ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li, fil-passat, kien domiċiljat fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti, iżda li d-domiċilju preżent tiegħu ma huwiex magħruf mill-qorti tal-Istat Membru.

2) Ir-Regolament Nru 44/2001 bħala prinċipju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali bħall-Artikolu 29(3) tal-Obcansky soudni rad Tcheque, li jipprevedi l-possibbiltà li jinħatar kuratur għall-konvenut li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf. Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, li jirriżultaw b’mod partikolari mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u mid-drittijiet tad-difiża tal-konvenut.

3) L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jigi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mal-konsumaturi skont is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II. Id-dehra quddiem il-qorti ta’ kuratur maħtur mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-konvenut madankollu ma tikkostitwixxix dehra quddiem il-qorti tal-konvenut fis-sens ta’ din id-disposizzjoni u għaldaqstant ma tistax tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha jidher il-kuratur.

4) Sa fejn ftehim rigward il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ qorti jistabbilixxi wkoll li l-intenzjoni tal-partijiet li jikkonkludu ftehim taċitu rigward il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, tali ftehim taċitu jista’ jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001. In-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-ftehim rigward il-ġurisdizzjoni territorjali minħabba n-natura abbużiva tiegħu abbażi tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi generalment ma għandhiex impatt fuq il-ftehim rigward il-ġurisdizzjoni internazzjonali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż


2 _      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42


3 _      ĠU 2010, C 346, p. 23


4 _  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288


5  Skont id-deskrizzjonijiet użati mit-Trattat UE u mit-TFUE, il-kunċett “dritt tal-Unjoni” huwa użat bħala kunċett ġenerali li jiddeskrivi id-dritt Komunitarju u d-dritt tal-Unjoni. Sa fejn, iktar ’il quddiem, huma kkonċernati dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, ser jiġu ċċitati d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis.


6  Minn hawn ’il quddiem ser isir riferiment għad-dispożizzonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li huma applikabbli għal meta seħħew il-fatti.


7  Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline (C‑18/02, Ġabra p. I‑1417, punt 23). Fir-rigward tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1990, Hagen (C‑365/88, Ġabra p. I‑1845, punt 17), u tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et. (C‑68/93, Ġabra p. I‑415, punt 35).


8  F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1985, Debaecker u Plouvier (49/84, Ġabra p. 1779, punti 10 et seq.), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali regoli u ma kkunsidrathomx bħala li bħala prinċipju kienu inkompatibbli mas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


9  Ara s-sentenzi, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, Hagen (punt 20) u Shevill et. (punt 36).


10  Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C‑281/02, Ġabra p. I‑1383, punti 25 et seq.).


11  Dwar il-kwistjoni ta’ trasferibbiltà tal-prinċipju ta’ din il-ġurisprudenza, ara s-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger (C‑180/06, Ġabra p. I‑3961, punt 41), u tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie (C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 18).


12  Sentenza Owusu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 25).


13  Ibidem (punt 26).


14  Jidhirli li dan ikun ukoll konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet fil-paġna 8 tar-rapport Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1), li skonthom hemm element ta’ estranjetà fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Brussell meta l-konvenut huwa barrani.


15  Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010 (C‑111/09, Ġabra p. I‑4545, punti 19 sa 33).


16  Ibidem, punt 21.


17  Ibidem, punti 23 sa 26.


18  Fl-istess sens, Geimer, R., f’Geimer, R., u Schütze, R., Europäisches Zivilverfahrensrecht, Beck, 2. Aufl. 2004, Artikolu 24, punt 36, u Staudinger, A., f’Rauscher, T., Europäisches Zivilprozess- und Kollisionsrecht, Sellier, 2011, Artikolu 24, punt 11. Għal stampa ġenerali tal-opinjonijiet differenti, b’maġġoranza ta’ opinjonijiet ekwiparabbli, ara Mankowski, P., “Besteht der Europäische Gerichtsstand der rügelosen Einlassung auch gegen von Schutzregimes besonders geschützte Personen?”, Recht der Internationalen Wirtschaft, 2010, p. 667 et seq., li madankollu jikkritika huwa stess it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa.


19  Sentenzi tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger (294/82, Ġabra p. 1177, punt 6), u tas-16 ta’ Lulju 1992, Belovo (C‑187/31, Ġabra p. I‑4937, punt 13).


20  Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, Ġabra p. I‑7403, punt 17); tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et. (C‑167/08, Ġabra p. I‑3477, punt 19), u tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-chemie (C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 17).


21  Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh (150/80, Ġabra p. 1671, punt 16). F’dan is-sens, ara wkoll Geimer, R. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 24, punt 30.


22  Calvo Caravaca, A. L., u Carrascosa Gonzalez, J., f’Mangus, U., u Mankowski, P., Brussels I Regulation, Sellier, 2007, Artikolu 24, punt 10, kif ukoll Kropholler, J., Europäisches Zivilprozessrecht, Verlag Recht und Wirtschaft, 8. Aufl. 2005, Artikolu 24, punt 7. Jidhirli li lanqas ma jimmilitaw kontra din id-dikjarazzjoni l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-paġna 38 tar-rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14), li jipprovdu li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dehra hija rregolata bid-dritt nazzjonali. Fil-fehma tiegħi, dan ma jfissirx li l-kwistjoni dwar jekk hemmx jew le dehra hija rregolata biss bid-dritt nazzjonali. Dan għandu pjuttost jinftiehem fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet fir-rigward tal-kunċett ta’ dehra, li jistgħu madankollu jiġu kkompletati b’regoli proċedurali nazzjonali korrispondenti.


23  Sentenza tal-10 ta’ Ottubru 1996 (C‑78/95, Ġabra p. I‑4943).


24  Ibidem, punt 18. F’dan il-kuntest, ma għandux ma jsirx riferiment għas-sentenza ČPP Vienna Insurance Group (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 33). Skont din is-sentenza, qorti nazzjonali ċertament ma tistax tivverifika ex officio jekk konvenut, li huwa l-parti l-iktar dgħajfa fis-sens tas-Sezzjonijiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, jistax jirrikonoxxi b’mod sħiħ l-effetti tad-difiża tiegħu fil-kawża. Huwa madankollu possibbli għall-qorti nazzjonali li tiggarantixxi protezzjoni msaħħa għall-parti kkunsidrata bħala l-iktar dgħajfa, filwaqt li tosserva l-għan espress f’dawn id-dispożizzjonijiet, u tiżgura li l-parti interpellata quddiemha f’dawn iċ-ċirkustanzi għandha għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tad-dehra tagħha.


25  Sentenza Hendrikman u Feyen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 18).


26  Konsegwentement, għall-finijiet tal-kawża preżenti, ma huwiex daqstant rilevanti jekk l-Artikolu 24 tar-Regolament japplikax meta l-konvenut ma għandux domiċilju fi Stat Membru. Dwar din il-kwistjoni, ara Geimer, R. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 24, punti 22 sa 25, kif ukoll Calvo Caravaca, A. L., u Carrascosa Gonzalez, J. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), Artikolu 24, punti 28 et seq.


27  F’dan is-sens, ara wkoll Geimer, R. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 17, punt 10


28  Ara p. 33 tar-rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14), u Geimer, R. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 17, punt 7


29  Konsegwentement, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi li l-ġurisdizzjoni ta’ qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi rregolata bil-liġijiet stess ta’ dan tal-aħħar fil-każ li l-konvenut ma jkollux domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika biss jekk ikun suġġett għal ftehim fis-sens tal-Artikolu 17(3).


30  Ara p. 33 tar-rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14).


31  F’dan is-sens: Heinig, J., Grenzen von Gerichtsstandsvereinbarungen im Europäischen Zivilprozessrecht, Jenaer Wissenschaftliche Verlagsgesellschaft 2010, p. 337 et seq.; Staudinger, A., f’Rauscher, T. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 17, punti 3 u 6, kif ukoll Nielsen, P. A., f’Magnus, U., u Mankowsky, P. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), Artikolu 17, punt 4. Fis-sens kuntrarju: Geimer, R. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 17, punt 3, b’riferiment għall-prinċipju ta’ lex posterior. Madankollu, dan il-prinċipju ma jiġġustifikax il-fatt li d-Direttiva 93/13 tiġi superata kompletament bir-Regolament Nru 44/2001, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 17(3) tar-regolament espliċitament jipprovdi r-riżerva li tali ftehim ma għandux imur kontra d-dritt nazzjonali.


32  F’dan ir-rigward, jista’ wkoll isir riferiment għall-motivi msemmija fil-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33  Fir-rigward ta’ dan is-suġġett, ara Heinig, J. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31), p. 62 u 69.


34  Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali u l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali jikkostitwixxu klawżola waħda, din il-klawżola ma tkunx vinkolanti fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13. F’dan il-każ tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-klawżola unika tistax titqassar b’mod konformi u b’mod li l-element internazzjonali jibqa’ validu. Il-fatt li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkunx suffiċjentement skoraġġut milli juża klawżoli inġusti bħala prinċipju jimmilita kontra l-kompatibbiltà ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija Direttiva.


35  Sentenza tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, Ġabra p. I‑3403, punt 19).


36  Ibidem, punt 20.


37  Ibidem, punt 21.


38  Ara sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon (C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punti 42 et seq.), u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, Ġabra p. I‑10847, punti 42 et seq.). F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet mod ieħor minn dak li kienet iddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 à C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punti 21 et seq.), li tipprovdi li l-evalwazzjoni finali ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha għandha tkun possibbli jekk hemm inkwistjoni klawżola li tagħti vantaġġ lill-bejjiegħ jew lill-fornitur mingħajr korrispettiv għall-konsumatur, fid-dawl tal-fatt li, indipendentement mit-tip ta’ kuntratt, hija tikkonfuta l-effikaċja tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li d-Direttiva 93/13 tirrikonoxxi lill-konsumatur.


39  Sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 22); Pannon (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 41) u VB Pénzügyi Lízing (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 54)


40  Sentenzi Océano Groupo Editorial u Salvat Editores (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 23) u VB Pénzügyi Lízing (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 55).


41  Queirolo, I., f’Mangus, U., u Mankowsky, P. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22); Mankowsky, P., f’Rauscher, T. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 26, punt 5.


42  Mankowsky, P., f’Rauscher, T. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 26, punt 6.


43  Fuq l-approċċi possibbli, ara Staudinger, A., f’Rauscher, T. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), Artikolu 59, punt 8, u Kropholler, J. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), Artikolu 59, punt 9.


44  Ara l-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45  Skont ir-rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, p. 40), il-kundizzjoni hija li n-notifika ta’ rikors tkun saret lill-konvenut personalment fid-domiċilju tiegħu. Min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li l-konvenut effettivament jiġi nnotifikat bir-rikors fi żmien xieraq.


46  Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47  Ara p. 40 tar-rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14).


48  Fuq il-kundizzjonijiet tal-ġustifikazzjoni ta’ tali ksur, ara l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, Ġabra p. I‑2563, punti 28 et seq.).


49  Queirolo, I., f’Magnus, U., u Mankowski, P. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), Artikolu 26, punt 20.


50  Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali tal-Unjoni għandu jkun applikabbli f’każ bħal dak inkwistjoni, li fih ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jeżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu. L-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jipprovdi li huma biss il-korpi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li huma marbuta bid-drittijiet fundamentali, lanqas ma jista jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 47(2) tal-Karta. Il-kawża inkwistjoni fil-fatt tikkonċerna dritt relatat mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u għalhekk ir-relazzjoni bejn ċittadin u l-qrati ta’ Stat Membru.