Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2019 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-883/16, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-848/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller, D. Klebs, sostnut minn H. Haller, Rechtsanwalt, T. Heitling, Rechtsanwalt, L. Reiser, Rechtsanwältin, V. Vacha, Rechtsanwältin)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-10 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-883/16;

tibgħat lura l-Kawża T-883/16 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu ħames aggravji:

1. L-ewwel aggravju: Il-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija ma huwiex kriterju legali; il-korpi eżekuttivi ma għandhomx obbligu li jaġixxu

Il-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija fl-Artikolu 194 TFUE huwa, inkwantu prinċipju ġenerali ta’ gwida, kunċett purament politiku u mhux kriterju legali.

Il-prinċipju legali primarju ta’ solidarjetà tal-enerġija ma jistax jagħti lok għal drittijiet u obbligi konkreti għall-Unjoni u/jew għall-Istati Membri. B’mod partikolari, minn dan il-prinċipju astratt ta’ gwida ma jirriżultawx obbligi għall-korpi eżekuttivi, bħalma huwa l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni Ewropea li teżamina d-deċiżjonijiet tagħha.

Minħabba n-natura astratta u mhux determinata tiegħu, il-kunċett ta’ solidarjetà tal-enerġija ma jistax jiġi invokat quddiem qorti.

2. It-tieni aggravju: Il-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija ma kienx applikabbli f’dan il-każ

Il-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija huwa mekkaniżmu purament ta’ emerġenza, li huwa applikabbli esklużivament f’każijiet eċċezzjonali u biss taħt kundizzjonijiet stretti, u ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni f’kull deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ emerġenza għad-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni Ewropea 2016 C(2016)6950 ma humiex issodisfatti.

3. It-tielet aggravju: Il-Kummissjoni Ewropea osservat il-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija

Sa fejn il-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija huwa applikabbli għall-intier tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni Ewropea 2016 C(2016)6950 (quod non), il-Kummissjoni Ewropea osservat dan il-prinċipju fit-teħid ta’ deċiżjoni:

Fit-teħid ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt globali kemm fuq is-suq Pollakk tal-gass kif ukoll fuq is-suq Ewropew tal-gass.

Fl-eżami tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, kellha biss tittieħed inkunsiderazzjoni l-konformità mas-sigurtà tal-provvista bħala riżultat tal-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija.

Is-sigurtà tal-provvista mill-Polonja ma kinitx u ma hijiex mhedda.

4. Ir-raba’ aggravju: Il-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija ma kienx imsemmi b’mod espliċitu fid-deċiżjoni

Ma kienx neċessarju li jissemmew b’mod espliċitu l-motivi kollha għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fid-deċiżjoni kontenzjuża 2016 C(2016)6950. Ma hemmx rekwiżiti proċedurali legali dwar sa fejn l-amministrazzjoni Ewropea għandha tiġġustifika d-deċiżjonijiet tagħha.

Il-motivazzjoni tal-miżuri amministrattivi għandha tindika biss l-għan segwit permezz tal-miżura, iżda ma għandhiex issemmi l-aspetti fattwali u legali rilevanti kollha.

Il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea ma tistax, għaldaqstant, tiddependi fuq jekk ċerti termini humiex inklużi fid-deċiżjoni.

5. Il-ħames aggravju: l-ebda annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża 2016 C(2016)6950 sempliċement minħabba l-allegat żball proċedurali

Anki kieku d-deċiżjoni kontenzjuża 2016 C(2016)6950 kienet illegali mil-lat proċedurali (quod non), dan ma għandux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni, għaliex deċiżjonijiet li huma korretti mil-lat sostantiv ma għandhomx, fil-prinċipju, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiġu annullati biss minħabba eventwali żbalji proċedurali.

____________