Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (Il-Belġju) fit-2 ta’ Settembru 2020 – L-Istat Belġjan vs LO, OG, SH, MB, JD, OP, Bluetail Flight School SA (BFS)

(Kawża C-413/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance francophone de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: L-Istat Belġjan

Konvenuti: LO, OG, SH, MB, JD, OP, Bluetail Flight School SA (BFS)

Domandi preliminari

Il-punt 9 tal-Appendiċi 3 tas-Subparti A tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , jippermetti, għall-kalkolu ta’ 115-il siegħa ta’ ħin ta’ titjir bl-istrumenti msemmija fil-punt 9(e), li jittieħdu inkunsiderazzjoni sigħat ta’ taħriġ li jkunu saru fuq simulatur tat-titjir FNPT II (ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art) apparti n-numru ta’ 15-il siegħa MCC imsemmi fil-punt 9(e)(2) u apparti l-massimu ta’ 40 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti mwettqa f’FNPT II, imsemmi fil-punt 9(e)(3)(ii), jiġifieri iktar minn 55 siegħa ta’ ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art?

Ir-risposta għall-ewwel domanda tvarja skont jekk is-sigħat mwettqa flimkien mal-15 u l-40 siegħa ċċitati iktar ’il fuq, ikunux ikkostitwiti minn sigħat MCC jew sigħat ta’ tip ieħor ta’ taħriġ fuq simulatur?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għaż-żewġ domandi iktar ’il fuq, il-punt 10 tal-Appendiċi 3 tas-Subparti A tal-Anness I tal-istess regolament jippermetti li l-liċenzja CPL(A) tingħata wara li l-kandidati piloti jkunu lestew it-taħriġ tagħhom permezz ta’ numru ta’ sigħat suffiċjenti mwettqa f’inġenju tal-ajru, mingħajr ma jerġa jiġi ripetut it-test tal-ħiliet (“skill test”) dwar titjira bl-istrumenti?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tliet domandi iktar ’il fuq, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jimponi li tiġi limitata ratione temporis l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-regola tad-dritt inkwistjoni, pereżempju sabiex tiġi applikata biss għall-kandidati piloti li jitolbu l-għoti ta’ liċenzja CPL(A), jew anki għal dawk li jkunu bdew it-taħriġ tagħhom sabiex jiksbu tali liċenzja, wara d-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

____________

1 ĠU 2011, L 311, p. 1.