Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (Ir-Renju Unit) fis-26 ta’ Frar 2019 – Pfizer Consumer Healthcare Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-182/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

First-tier Tribunal (Tax Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pfizer Consumer Healthcare Ltd

Konvenuti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domanda preliminari

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1140 1 tat-8 ta’ Lulju 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, huwa invalidu sa fejn huwa jikklassifika taħt il-Kodiċi NM 3824, u b’mod iktar speċifiku, taħt il-Kodiċi 3824 90 96, prodotti li:

huma komposti minn materjal li qisu faxxa, li jinkludi “ċelloli tas-sħana” b’kimiċi;

jaħdmu b’mod simili għal ġbara, għalkemm jipprovdu iktar benefiċċji;

permezz ta’ reazzjoni kimika esotermika jtaffu l-uġiegħ, inaqqsu l-għebusija u jippromwovu l-fejqan tat-tessut (kif ivverifikat f’diversi provi kliniċi);

jitpoġġew f’forom jew f’ippakkjar għal bejgħ bl-imnut, u

huma espliċitament ippreżentati u kkummerċjalizzati bħala li għandhom skopijiet mediċi u li jipproduċu l-effetti identifikati fil-punt (iii) iktar ’il fuq,

għar-raġuni li l-materjal jew il-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom huma prodotti kimiċi, minflok jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 3005 (abbażi tal-formulazzjoni tas-subintestaturi, tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitoli u tan-noti ta’ spjega tar-Regola Ġenerali ta’ Interpretazzjoni I applikabbli, għaliex il-loġika tar-Regola Ġenerali ta’ Interpretazzjoni 3(a) teżiġi klassifikazzjoni konformement mad-deskrizzjoni l-iktar speċifika, jew fuq kwalunkwe bażi oħra)?

____________

1 ĠU 2016, L 189, p. 1.