Language of document : ECLI:EU:F:2016:125

 DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tas-7 ta’ Ġunju 2016

Kawża F‑108/12

Marco Verile

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni ta’ drittijiet tal-pensjoni miksuba fi skema ta’ pensjoni nazzjonali – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Rikorsi – Annullament – Appell – Riklassifikazzjoni tat-talbiet għal annullament tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Interpretazzjoni tat-talbiet għal annullament bħala intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li tirrokonoxxi akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz wara t-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni – Ċaħda tat-talbiet – Sentenza tal-appell li kisbet l-awtorità ta’ res judicata – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Marco Verile jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-9 ta’ Diċembru 2011, li tirrokonoxxi fir-rigward tiegħu akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz għall-pensjoni wara t-trasferiment, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni applikabbli tagħhom (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tal-pensjoni li huwa kien akkwista fil-kuntest tal-iskema nazzjonali tiegħu lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll, safejn dan ikun neċessarju, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża F‑108/12, Verile vs Il-Kummissjoni. Marco Verile u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż proprji tagħhom.

Sommarju

Rikors għal annullament – Rikors li tilef l-iskop tiegħu wara l-għoti ta’ sentenza definittiva tal-qorti tal-Unjoni f’kawża oħra li tirrigwarda, wara riklassifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors, l-istess għan – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 85(1))

Rikors għal annullament tilef l-iskop tiegħu u ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, peress li s-suġġett ta’ sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni f’kawża oħra sar, wara riklassifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża f’din il-kawża, l-istess bħal dak tar-rikors inkwistjoni, peress li l-identità tal-partijiet fiż-żewġ kawżi hija identika u s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq kisbet l-awtorità ta’ res judicata u b’hekk saret definittiva.

Fil-fatt, peress li l-prinċipju tal-osservanza tal-awtorità ta’ res judicata huwa ta’ importanza fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jsiru definittivi wara l-eżawriment tar-rimedji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn il-kawżi ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar.

(ara l-punti 36 sa 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata