Language of document : ECLI:EU:F:2012:130

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Settembru 2012

Kawża F‑58/10

Timo Allgeier

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

“Servizz pubbliku — Dmir ta’ assistenza — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku — Investigazzjoni amministrattiva”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu T. Allgeier jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem l-“FRA” jew l-“Aġenzija”) li tiċħad it-talba tiegħu għal assistenza, kif ukoll li l-FRA tiġi kkundannata tħallsu d-danni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni hija annullata. L-FRA hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 5 000. Hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni — Implementazzjoni fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku — Tressiq ta’ talba għal assistenza — Investigazzjoni fi ħdan aġenzija — Investigatur li huwa l-president tal-Bord ta’ istitut li għandu relazzjoni ta’ negozju importanti ma’ din l-aġenzija — Imparzjalità oġġettiva — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

Fil-kuntest ta’ investigazzjoni amministrattiva marbuta ma’ talba għal assistenza, imressqa minħabba fastidju psikoloġiku allegat, l-investigatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-imparzjalità oġġettiva tiegħu ma tiġix iddubitata meta teżisti relazzjoni ta’ xogħol importanti bejn l-istitut li l-Bord tiegħu huwa ppreċedut minnu u l-aġenzija li fi ħdan tagħha huwa jwettaq l-investigazzjoni. Il-persuni kkonċernati b’din l-investigazzjoni jistgħu jkollhom biża’ leġittima li l-investigatur, peress li jkun jixtieq iżomm din ir-relazzjoni ta’ xogħol, ikun iggwidat mix-xewqa li jipproteġi r-reputazzjoni ta’ din l-aġenzija.

(ara l-punti 62 u 64)