Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Mejju 2020 – Bayer Intellectual Property GmbH vs kohlpharma GmbH

(Kawża C-204/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bayer Intellectual Property GmbH

Konvenuta: kohlpharma GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 47a tad-Direttiva 2001/83/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ importazzjoni parallela, jista’ jitqies li hemm miżuri ekwivalenti waqt it-tneħħija u t-twaħħil tal-karatteristiċi ta’ sigurtà previsti fl-Artikolu 54(o) tad-Direttiva 2001/83, li l-importatur parallel iwettaq permezz ta’ “relabelling” [ittikkettjar mill-ġdid] (użu ta’ tikketti li jeħlu fuq l-imballaġġ sekondarju oriġinali) jew ta’ “reboxing” [imballaġġ mill-ġdid] (produzzjoni ta’ imballaġġ sekondarju ġdid għall-prodotti mediċinali), peress li ż-żewġ miżuri huma barra minn hekk konformi mar-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2011/62/UE 2 u tar-Regolament Delegat (UE) 2016/161 3 u li dawn jippermettu li tiġi vverifikata l-awtentiċità u li jiġu identifikati l-prodotti mediċinali, bl-istess effikaċja, u li tiġi prodotta l-prova ta’ tbagħbis tal-prodotti mediċinali?

Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jopponi imballaġġ mill-ġdid tal-prodott mill-importatur parallel f’imballaġġ estern ġdid (“reboxing”), fid-dawl ta’ regoli ġodda dwar il-protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni, meta l-importatur parallel ikollu wkoll il-possibbiltà li jwettaq imballaġġ li jista’ jiġi kkummerċjalizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni billi sempliċement iwaħħal it-tikketti li jeħlu ġodda fuq l-imballaġġ sekondarju oriġinali (“relabelling”)?

Fl-ipoteżi fejn it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: Il-fatt li, fil-każ tar-“relabelling”, għall-pubbliku intiż ikun ċar li jkun ġie kkawżat dannu lil karatteristika ta’ sigurtà tal-fornitur oriġinali, ma joħloqx preġudizzju sa fejn huwa żgurat li l-importatur parallel huwa responsabbli għal dan u li dan waħħal karatteristika ta’ sigurtà ġdida fuq l-imballaġġ sekondarju oriġinali? F’dan ir-rigward, il-fatt li l-marki tal-ftuħ huma viżibbli biss meta l-imballaġġ sekondarju tal-prodott mediċinali huwa miftuħ jagħmel differenza?

Jekk it-tieni u/jew it-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv: in-neċessità oġġettiva ta’ imballaġġ mill-ġdid permezz ta’ “reboxing” fis-sens tal-ħames kundizzjonijiet ta’ eżawriment sabiex isir imballaġġ mill-ġdid (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C-427/93, C-429/93 u C-436/93, EU:C:1996:282, punt 79), kif ukoll tas-26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C-348/04, EU:C:2007:249, punt 21)) għandha madankollu tiġi aċċettata meta l-awtoritajiet nazzjonali jindikaw fil-linji gwida attwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-protezzjoni minn falsifikazzjoni jew f’komunikazzjonijiet amministrattivi analogi oħra, li, normalment, l-issiġillar mill-ġdid tal-imballaġġi miftuħa ma huwiex aċċettat, jew tal-inqas huwa aċċettat biss eċċezzjonalment u taħt kundizzjonijiet stretti?

____________

1     Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).

2     Direttiva 2011/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 li temenda d-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, rigward il-prevenzjoni tad-dħul fil-katina legali tal-provvista ta’ prodotti mediċinali falsifikati (ĠU 2011, L 174, p. 74, rettifika fil-ĠU 2018, L 29,p. 50).

3     Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/161 tat-2 ta' Ottubru 2015 li jissupplimenta lid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-karatteristiki tas-sigurtà li jkunu jidhru fuq il-pakketti tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU 2016, L 32, p. 1).