Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland (l-Irlanda) fit-13 ta' April 2011 - HID, BA vs Refugee Applications Commissioner, Refugee Appeals Tribunal, Minister for Justice, Equality and Law Reform, Ireland, Attorney General

(Kawża C-175/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HID, BA.

Konvenuti: Refugee Applications Commissioner, Refugee Appeals Tribunal, Minister for Justice, Equality and Law Reform, Ireland, Attorney General.

Domandi preliminari

Stat Membru huwa prekluż mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta' Diċembru 2005 1, jew mill-prinċipji ġenerali tad-Dirtt tal-Unjoni Ewropea, milli jadotta miżuri amministrattivi li jeħtieġu li klassi ta' applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta' oriġini tal-applikant għall-ażil jiġu eżaminati u deċiżi skont proċedura aċċellerata jew ta' prijorità?

L-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill imsemmija iktar 'il fuq, meta moqri flimkien mal-premessa 27 tagħha u mal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv meħtieġ minn dan l-artikolu jkun previst fil-liġi nazzjonali meta l-funzjoni ta' stħarriġ jew appell fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-ewwel istanza dwar l-applikazzjonijiet hija assenjata mil-liġi lill-appell quddiem it-Tribunal stabbilit minn Att tal-Parlament u li huwa kompetenti sabiex jagħti deċiżjonijiet li jorbtu favur l-applikant għall-ażil fuq il-punti kollha ta' dritt u ta' fatt rilevanti għall-applikazzjoni minkejja l-eżistenza ta' arranġamenti amministrattivi jew organizzattivi li jinvolvu xi wħud jew kollha minn dawn li ġejjin:

-     Iż-żamma minn Ministru fil-Gvern ta' diskrezzjoni residwali sabiex jegħleb deċiżjoni negattiva dwar applikazzjoni;

-     L-eżistenza ta' konnessjonijiet organizzattivi jew amministrattivi bejn il-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-ewwel istanza u meta jiġu deċiżi l-appelli;

-     Il-fatt li l-membri li jieħdu deċiżjonijiet fit-Tribunal huma maħtura mill-Ministru u jaħdmu fuq bażi part-time għal perijodu ta' tliet snin u huma mħallsa każ b'każ;

-     Iż-żamma mill-Ministru tas-setgħa li jagħti ordnijiet tat-tip speċifikati fl-Artikoli 12, 16(2B)(b) u 16(11) tal-Att imsemmi iktar 'il fuq?

____________

1 - ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168