Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2019 minn Ja zum Nürburgring eV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fid-19 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-373/15, Ja zum Nürburgring eV vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-647/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Ja zum Nürburgring eV (rappreżentanti: Prof. Dr. D. Frey u Dr. M. Rudolph, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-373/15.

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 3634 final tal-1 ta’ Ottubru 2014, sa fejn huwa stabbilit fiha li:

la x-xerrejja, tal-assi mibjugħin skont il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri capricorn Nürburgring Besitzgesellschaft GmbH, u lanqas is-sussidjarji tagħha, ,ma huma kkonċernati minn eventwali rkupru tal-għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern, kif ukoll

il-bejgħ tal-assi ta’ Nürburgring GmbH, ta’ Motorsport Resort Nürburgring GmbH u ta’ Congress- und Motorsport Hotel Nürburgring GmbH ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur capricorn Nürburgring Besitzgesellschaft GmbH jew tas-sussidjarji tagħha.

sussidjarjament, tannulla s-sentenza ċċitata fil-punt 1 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka ħames aggravji.

Żbatt ta’ liġi meta ċaħdet l-inċidenza tal-appellanti bħala kompetituri:

Il-Qorti Ġenerali injorat il-motivi u l-argumenti rilevanti tal-appellanti, meta dawn kienu jirriżultaw b’mod ċar mill-annessi tal-proċess, u għalhekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni żbaljata, u fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti. Minbarra dan qed jiġi allegat ksur tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-appellanti (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”). Minbarra dan il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’mod żbaljat.

Żball ta’ liġi fiċ-ċaħda tal-inċidenza tal-appellanti bħala assoċjazzjoni professjonali:

Il-Qorti Ġenerali injorat ukoll il-motivi u argumenti rilevanti tal-appellanti, meta dawn kienu jirriżultaw b’mod ċar mill-annessi tal-proċess, u għalhekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni żbaljata, u fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti. Minbarra dan qed jiġi allegat ksur tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-appellanti (Artikolu 47 tal-Karta). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-fatti u tal-provi. Minbarra dan il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’mod żbaljat.

Żball proċedurali u sostantiv meta ċaħdet locus standi tal-appellanti bħala kompetitur u bħala assoċjazzjoni professjonali fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

Minbħabba l-motivi esposti fl-ewwel u fit-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ loġi meta ċaħdet il-locus standi tal-appellanti fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

Żball ta’ liġi meta ċaħdet l-obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna ġdida permezz tal-bejgħ tal-assi lil capricorn.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li kienet twettqet proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata, bi ksur tal-Artikoli 107, 108(2) TFUE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll permezz ta’ distorsjoni tal-fatti u tal-provi. Għalhekk il-prezz tas-suq ma kienx ġie stabbilit. Kien hemm għalhekk dubji serji, tant li l-Kummissjoni kellha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Motivazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali minħabba l-assenza ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

Il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tirrikonoxxi li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tad-deċiżjonijiet kkontestati.

____________