Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2018 minn Duferco Long Products SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-18 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-93/17, Duferco Long Products vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-738/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Duferco Long Products SA (rappreżentanti: J.-F. Bellis, R. Luff, M. Favart, Q. Declève, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata (T-93/17, EU:T:2018:558);

tannulla l-Artikolu 1(f) u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22926 2013/C (ex 2013/NN, 2011/CP) implimentata mill-Belġju favur Duferco;

tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ din il-kawża kif ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rrifjutat li teżamina żewġ żbalji ta’ kalkolu mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura pari passu tas-sitt miżura msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal 20 ta’ Jannar 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22926 2013/C (ex 2013/NN, 2011/CP), kif ukoll fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq.

L-appellanti tesponi b’mod iktar partikolari li:

Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx stħarriġ ġudizzjarju adegwat tal-mod kif il-Kummissjoni applikat il-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq;

Il-Qorti Ġenerali jmissha eżaminat, bi prijorità, il-motiv ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura pari passu ta’ din is-sitt miżura minflok ipprivileġġjat l-analiżi tad-dokumenti pprovduti mill-Belġju.

____________