Language of document : ECLI:EU:F:2011:102

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Lulju 2011

Kawża F-73/10

Angel Coedo Suárez

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għad-danni, segwita minn deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-imsemmija talba — Tardività tal-ilment li għandu jitressaq qabel kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda — Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Coedo Suárez jitlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2009, li tiċħad it-talba tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2009 intiża sabiex jikseb kumpens għad-danni li allegatament ikkawżatlu din l-istituzzjoni, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2010, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni msemmija, it-tielet nett, li l-Kunsill jiġi kkundannat jikkumpensa d-danni materjali u morali li allegatament ġarrab.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba mhux ikkontestata fit-termini — Deċiżjoni espliċita ulterjuri — Att konfermattiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Proċedura — Spejjeż — Oneru — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità — Kundanna tal-parti li tirbaħ għall-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(2) u 88; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

1.      Iċ-ċaħda espliċita ta’ talba, wara l-intervent ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-istess talba, għandha n-natura ta’ att purament konfermattiv li ma jistax jippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat jiftaħ il-proċedura prekontenzjuża billi jagħtih terminu ġdid għat-tressiq ta’ lment. Barra minn hekk, għalkemm it-tieni inċiż tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li d-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda, mogħtija wara d-deċiżjoni impliċita iżda fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors, tiftaħ mill-ġdid it-terminu, din ir-regola tikkonċerna biss it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment u ma tapplikax għat-terminu għat-tressiq ta’ lment kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba. Fil-fatt, it-tieni inċiż tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-modalitajiet għall-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, u għandu jiġi interpretat b’mod litterali u strett.

(ara l-punti 37 u 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Novembru 2000, Martinelli vs Il‑Kummissjoni, T‑200/99, punt 11, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Lulju 2010, Sevenier vs Il‑Kummissjoni, T‑368/09 P, punti 28 sa 30

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Lulju 2009, Sevenier vs Il‑Kummissjoni, F‑62/08, punti 33 sa 40; 10 ta’ Mejju 2011, Barthel et vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, F‑59/10, punti 25 sa 27

2.      It-termini previsti fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, stabbiliti sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tar-relazzjonijiet ġuridiċi u sabiex jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarji fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, huma termini ta’ ordni pubbliku u ma humiex element li jaqgħu fid-diskrezzjoni tal-partijiet jew tal-qorti, li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dawn it-termini kinux osservati.

Għalkemm huwa rikonoxxut li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar it-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors jista’ ma jwassalx għaċ-ċaħda tar-rikors minħabba inammissibbiltà fil-każijiet fejn dan in-nuqqas ta’ osservanza jkun dovut għal żball skużabbli min-naħa tal-uffiċjal, il-kunċett ta’ żball skużabbli madankollu jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari dawk fejn l-istituzzjoni tkun adottat aġir ta’ natura li, fih innifsu jew b’mod determinanti, jipprovoka konfużjoni ammissibbli f’moħħ l-individwu li jkun qiegħed jaġixxi in bona fide u li juri li eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata.

F’dan id-dawl, il-komunikazzjoni li tindika li talba mressqa skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal qiegħda tiġi eżaminata u li d-dipartimenti tal-istituzzjoni kkonċernata għadhom ma waslux għal konklużjoni definittiva ma għandha ebda effett legali u ma hijiex ta’ natura, b’mod partikolari, li testendi t-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-partijiet ma jistax ikollhom il-possibbiltà li jtawlu skont id-diskrezzjoni tagħhom it-termini stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għaliex dawn it-termini huma ta’ ordni pubbliku u l-osservanza rigoruża tagħhom hija ta’ natura li tiżgura ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali.

Barra minn hekk, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’ebda mod ma jkun affettwat mill-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkonċerna t-termini proċedurali, liema leġiżlazzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarji fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fil-fatt, id-dritt għal proċess ġust, rikonoxxut fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jipprekludix li jiġi stabbilit terminu għall-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju.

(ara l-punti 34, 40, 41 u 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-ġustizzja: 17 ta’ Ġunju 1965, Müller vs Il‑Kunsill, 43/64; 17 ta’ Frar 1972, Richez‑Parise vs Il‑Kummissjoni, 40/71, punti 8 u 9; 1 ta’ April 1987, Dufay vs Il‑Parlament, 257/85, punt 10; 29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Fondation européenne pour la formation, C‑154/99 P, punt 15; 17 ta’ Mejju 2002, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑406/01, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata; 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, punt 101

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ April 2003, Robert vs Il‑Parlament, T‑186/01, punt 54; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, punt 40; 15 ta’ Jannar 2009, Braun-Neumann vs Il‑Parlament, T‑306/08 P, punt 36

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Ġunju 2009, Ketselidis vs Il‑Kummissjoni, F‑72/08, punt 52; 12 ta’ Mejju 2010, Peláez Jimeno vs Il‑Parlament, F‑13/09, punt 18

3.      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 88 tal-istess Regoli tal-Proċedura, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza.

B’mod partikolari, il-kundanna tal-istituzzjoni, anki jekk rebbieħa, għall-ispejjeż tista’ tkun iġġustifikata min-nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tagħha matul il-proċedura prekontenzjuża meta, minn naħa, tkun ħalliet li jiskadi t-terminu ta’ erba’ xhur, previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel ma adottat deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tat-talba mressqa mill-uffiċjal ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, ma tkunx ġibdet l-attenzjoni tal-persuna kkonċernata, fid-deċiżjoni inkwistjoni, għall-fatt li deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda kienet diġà daħlet fis-seħħ u li t-terminu għat-tressiq ta’ lment ta’ tliet xhur kien beda jiddekorri minn din id-deċiżjoni tal-aħħar.

(ara l-punti 45, 47 u 48)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Le Maire vs Il‑Kummissjoni, F‑27/05, punt 53; Barthel et vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34