Language of document : ECLI:EU:C:2018:877

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Novembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 12 – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur wara l-għoti ta’ protezzjoni internzazzjonali – Benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Ċaħda ta’ applikazzjoni għal viża”

Fil-Kawża C‑380/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

K,

B

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K u B, minn C. J. Ullersma u L. van Leer, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, K u B, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, is-“Segretarju tal-Istat”) rigward iċ-ċaħda ta’ dan tal-aħħar ta’ applikazzjoni għal viża għal residenza ta’ iktar minn tliet xhur għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/86

3        Il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86 hija redatta kif ġej:

“Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.”

4        L-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma tapplikax fejn l-isponsor ikun [ċittadin ta’ pajjiż terz]:

[…]

ċ)      awtorizzat li joqgħod fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni skond obbligi internazzjonali, leġislazzjoni nazzjonali jew prattika ta’ l-Istati Membri jew qiegħed japplika għal awtorizzazzjoni biex joqgħod fuq dik il-bażi u qiegħed jistenna deċiżjoni dwar l-istatus tiegħu.”

5        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jelenka l-membri tal-familja tal-isponsor li għalihom l-Istati Membri jawtorizzaw id-dħul u r-residenza skont l-istess direttiva.

6        L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi:

“Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

7        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

a)      akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

b)      assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

ċ)      riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. […]”

8        L-Artikoli 10 u 11 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu regoli li l-Istati Membri għandhom japplikaw għar-refuġjati li huma jirrikonoxxu bħala tali.

9        L-Artikolu 12 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.      Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membri tal-familja jipprovdu, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1), ix-xiehda li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 7.

[…]

Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx issottomessa fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-għoti ta’ l-istatus ta’ refuġjat.

2.      Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 8, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat li kellu jkun joqgħod fit-territorju tagħhom għal ċertu perjodu ta’ żmien, qabel ma l-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħaqdu miegħu/magħha.”

10      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

 Id-Direttiva 2004/83/KE

11      Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), tistabbilixxi, fil-premessa 25 tagħha:

“Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji li fuq il-bażi tagħhom applikanti għal protezzjoni internazzjonali jridu jintgħarfu bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Dawk il-kriterji għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skond strumenti u prattiċi tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri.”

 Id-Direttiva 2011/95/UE

12      Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), tistabbilixxi, fil-premessa 34 tagħha:

“Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni li fuq il-bażi tagħhom applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rikonoxxuti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Dawk il-kriterji għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skont strumenti u prattiki tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri.”

 Id-dritt Olandiż

13      L-Artikolu 29(1), (2) u (4) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tas-sena 2000 fuq il-Barranin) jipprevedi:

“1.      Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat […] jista’ jingħata liċ-ċittadin barrani li:

a)      għandu l-istatus ta’ refuġjat; jew

b)      jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li huwa għandu raġunijiet validi sabiex jippreżumi li, fil-każ ta’ tkeċċija, huwa jkun qiegħed f’riskju reali li jiġi suġġett għal:

1°.      il-piena tal-mewt jew eżekuzzjoni; jew

2°.      it-tortura jew it-trattamenti jew sanzjonijiet inumani jew degradanti; jew

3°.      theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ ċivili minħabba vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt bl-armi internazzjonali.

2.      Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat imsemmi fl-Artikolu 28 jista’, barra minn hekk, jingħata lill-membri tal-familja elenkati hawn isfel jekk, fil-mument tal-wasla taċ-ċittadin barrani kkonċernat, huma kienu jagħmlu parti mill-familja tiegħu u jekk huma jkunu daħlu fl-istess ħin bħalu fil-Pajjiżi l-Baxxi, jew ingħaqdu miegħu fi żmien tliet xhur wara li nħariġlu permess ta’ residenza għal żmien limitat […]

[…]

4.      Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat […] jista’ jingħata wkoll lil membru tal-familja fis-sens tal-paragrafu 2 li sempliċement ma ngħaqadx maċ-ċittadin barrani msemmi fil-paragrafu 1 fit-tliet xhur wara l-ħruġ lil dan tal-aħħar ta’ permess ta’ residenza […] jekk, f’dan il-perijodu ta’ tliet xhur, applikazzjoni għal viża għal residenza ta’ iktar minn tliet xhur tkun ġiet ippreżentata minn jew għall-benefiċċju ta’ dan il-membru tal-familja.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      F. G., ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu, mit-23 ta’ Settembru 2014, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja.

15      Fit-22 ta’ Jannar 2015, huwa ppreżenta applikazzjoni intiża għall-ksib ta’ viża għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għal K u B, li huma, rispettivament, il-konjuġi tiegħu u t-tifla minuri tiegħu.

16      Fl-20 ta’ April 2015, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni għaliex kienet ġiet ippreżentata iktar minn tliet xhur wara l-ksib minn F. G. ta’ permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, mingħajr ma dan id-dewmien kien skużabbli.

17      Wara lment imressaq minn K u B, is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2015, żamm id-deċiżjoni inizjali tiegħu.

18      K u B ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2016, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

19      K u B appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Din il-qorti tqis li, skont l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, sa fejn l-isponsor huwa benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja.

21      Ir-regoli tal-imsemmija direttiva japplikaw, madankollu, b’mod dirett u inkundizzjonat, għall-benefiċjarji tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, ladarba l-leġiżlatur Olandiż għażel li japplika għalihom dawn ir-regoli sabiex jiżguralhom trattament identiku għal dak li huwa ggarantit lir-refuġjati.

22      Minkejja li, minħabba f’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 hija deċiżiva għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija tistaqsi madankollu, fid-dawl tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni tar-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni Olandiża.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva [2003/86] u tas- sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari tal-qrati Olandiżi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva f’kawża li tirrigwarda d-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ benefiċjaru [tal-istatus mogħti permezz] tal-protezzjoni sussidjarja jekk, fid-dritt Olandiż, din id-direttiva ġiet iddikjarata direttament u inkundizzjonalment applikabbli għall-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja?

2)      Is-sistema tad-Direttiva [2003/86] […] tipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont din talba għal teħid inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ riunifikazzjoni tal-familja abbażi tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli tal-Kapitolu V ta’ din id-direttiva tista’ tiġi miċħuda unikament għaliex ma tressqitx fit-terminu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tagħha?

Għal risposta għal din id-domanda, huwa importanti li jkun possibbli, f’każ ta’ qbiż ta’ dan it-terminu, li jiġi introdott, irrispettivament jekk wara ċaħda jew mhux, applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, li fil-kuntest tagħha l-osservanza tal-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86/KE hija evalwata u l-interessi u ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 5(5) kif ukoll fl-Artikolu 17 [tal-imsemmija direttiva] jittieħdu inkunsiderazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha din il-qorti hija mitluba tiddeċiedi dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali.

26      L-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jispeċifika, b’mod partikolari, li din id-direttiva ma tapplikax meta l-isponsor ikun ċittadin ta’ pajjiż terz awtorizzat li jirrisjedi fi Stat Membru bis-saħħa ta’ forom sussidjarji ta’ protezzjoni, b’mod konformi mal-obbligi internazzjonali, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-prattiki tal-Istati Membri.

27      Huwa minnu li mill-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tirreferi għall-forom sussidjarji ta’ protezzjoni mogħtija fuq bażi internazzjonali jew nazzjonali, mingħajr ma tirreferi direttament għall-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja previst mid-dritt tal-Unjoni.

28      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li d-Direttiva 2003/86 hija applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-isponsor għandu dan l-istatus.

29      Fil-fatt, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja previst mid-dritt tal-Unjoni ġie stabbilit permezz tad-Direttiva 2004/83, li ġiet adottata wara d-Direttiva 2003/86. L-assenza ta’ referenza diretta għal dan l-istatus f’din id-direttiva ma tistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, titqies bħala determinanti.

30      Fit-tieni lok, mill-proposta emendata għal direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja [COM(2000) 624 final], ippreżentata mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Ottubru 2000 (ĠU 2001, C 62 E, p. 99), jirriżulta li l-każ ta’ esklużjoni li jinsab fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 ġie introdott fiha preċiżament bl-għan tal-istabbiliment fil-futur ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja komuni għall-Istati Membri, li fl-okkażjoni tagħha l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tipproponi li jiġu introdotti dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja adattati għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn tali status, li donnu jindika li dan il-każ ta’ esklużjoni effettivament ġie previst bl-għan li jiġu esklużi dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

31      Fit-tielet lok, kemm mill-premessa 25 tad-Direttiva 2004/83 kif ukoll mill-premessa 34 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-applikanti għal protezzjoni sussidjarja sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu ddefiniti abbażi tal-obbligi internazzjonali kif ukoll abbażi tal-prattiki diġà eżistenti fl-Istati Membri.

32      Peress li l-kriterji komuni għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja ġew għalhekk ispirati mis-sistemi eżistenti fl-Istati Membri li huma intiżi li jarmonizzaw, jekk ikun il-każ billi jissostitwixxuhom, l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 titneħħilu essenzjalment l-effettività tiegħu jekk jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-benefiċjarji tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja previst mid-dritt tal-Unjoni.

33      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li d-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi membri tal-famiilja ta’ benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, bħalma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

34      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar domanda preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjonijiet li fihom, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt ikunu ġew reżi applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 17; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45, u tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53).

35      Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 46, u tat-22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus, C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punt 34).

36      B’dan il-mod, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tkun ġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 19; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 47, u tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 33).

37      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fis-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur‑Bloem, C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 33, u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 45), speċifikat li l-leġiżlatur Olandiż kien għażel li jiżgura lill-benefiċjarji tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja trattament iktar favorevoli minn dak previst mid-Direttiva 2003/86 billi japplika għalihom ir-regoli dwar ir-refuġjati previsti minn din id-direttiva. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li hija kienet marbuta, taħt id-dritt Olandiż, li tapplika l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, kif josserva wkoll il-Gvern Olandiż, din id-dispożizzjoni ġiet reża applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt Olandiż, għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jeżisti għaldaqstant interess ċert tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq id-domanda preliminari.

39      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jeskludi b’mod espliċitu s-sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

40      Fil-fatt, mill-punti 36 sa 43 tas-sentenza tal-lum, C u A (C‑257/17), jirriżulta li tali fatt ma huwiex tali li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest iddefinit mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza.

41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali.

 Fuq it-tieni domanda

42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata għal membru tal-familja ta’ refuġjat, abbażi tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli għar-refuġjati li jinsabu fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, għar-raġuni li din l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata iktar minn tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-isponsor, filwaqt li tiġi offruta l-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida fil-kuntest ta’ regoli oħra.

43      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li, b’deroga mill-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq ir-refuġjat jew fuq il-membri tal-familja tiegħu l-obbligu li jipprovdu, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet marbuta mal-membri tal-familja msemmija fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, provi li juru li l-isponsor jissodisfa l-kundizzjonjiet previsti fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva.

44      Madankollu, minkejja li, kif tindika l-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86, din tipprevedi, għar-refuġjati, kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, fosthom ir-regoli stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jissuġġettaw il-benefiċċju ta’ dawn ir-regoli għall-kundizzjoni li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata f’ċertu terminu.

45      B’dan il-mod, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li r-refuġjat jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tiġix ippreżentata f’perijodu ta’ tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

46      Mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza lill-Istati Membri japplikaw, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, ir-regoli ordinarji minflok ir-regoli iktar favorevoli normalment applikabbli għar-refuġjati meta l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tkun ġiet ippreżentata wara ċertu perijodu wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

47      Għaldaqstant l-Istati Membri jistgħu, jekk iqisu li huwa xieraq, ma jittrattawx l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati mir-refuġjati skont ir-regoli iktar favorevoli prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86, iżda skont ir-regoli ordinarji applikabbli għall-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja meta dawn l-applikazzjonijet jiġu ppreżentati wara t-terminu stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva.

48      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jqisu li l-qbiż, mingħajr raġuni valida, tat-terminu għall-preżentata ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata taħt ir-regoli iktar favorevoli prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi biss element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fost oħrajn fl-evalwazzjoni globali tal-fondatezza ta’ din l-applikazzjoni u li tista’ tiġi kontrobbilanċjata b’kunsiderazzjonijiet oħrajn.

49      Fil-fatt, minn naħa, jekk tiġi adottata din l-interpretazzjoni, li ma tistax tiġi bbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, jitneħħew l-effikaċja u ċ-ċarezza tar-regola ta’ delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tas-sistemi applikabbli għall-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati mir-refuġjati li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jistabbilixxu abbażi tat-terminu ffissat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva.

50      Min-naħa l-oħra, il-qbiż tat-terminu għall-preżentata ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 ma għandux implikazzjoni diretta fuq l-awtorizzazzjoni tad-dħul jew tar-residenza tal-membri tal-familja tal-isponsor, iżda jippermetti sempliċement li jiġi stabbilit il-qafas li fih din l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata. Peress li l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ tali applikazzjoni tista’, fil-prattika, ssir biss ladarba jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal din, il-konstatazzjoni tal-qbiż ta’ dan it-terminu ma tistax titqies li tibbilanċja kunsiderazzjonijiet marbuta mal-fondatezza ta’ din l-applikazzjoni.

51      L-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 ma jistgħux jiġġustifikaw soluzzjoni differenti.

52      Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jiġu ssodisfatti ma tipprekludix li l-fondatezza tar-riunifikazzjoni tal-familja mitluba tiġi, sussegwentement, eżaminata billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, l-aħjar interessi tat-tifel minuri, in-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul ta’ żmien ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru, kif ukoll l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali jew soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

53      F’dan il-kuntest, l-Istat Membru kkonċernat ikun f’pożizzjoni li jirrispetta r-rekwiżit ta’ individwalizzazzjoni tal-eżami tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja li jirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 60), li jeżiġi b’mod partikolari li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi marbuta mal-kwalità ta’ refuġjat tal-isponsor. B’dan il-mod, kif tfakkar il-premessa 8 ta’ din id-direttiva, is-sitwazzjoni tar-refuġjati titlob attenzjoni partikolari, għaliex huma ma jistgħux jipprevedu li jkollhom ħajja tal-familja normali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, huma setgħu ġew mifruda mill-familja tagħhom matul perijodu twil qabel ma ngħatalhom l-istatus ta’ refuġjat u għaliex il-ksib tal-kundizzjonijiet sostantivi mitluba fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jista’ jkun, għalihom, ta’ diffikultà ogħla meta mqabbla ma’ ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi.

54      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1), tad-Direttiva 2003/86, esposta fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja mitluba, tal-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 5(5) u fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

55      Madankollu, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza lill-Istati Membri sabiex jeżiġu l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva fil-każ kopert fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din, huwa ma stabbilixxiex kif, fuq il-livell proċedurali, kellha tiġi ttrattata applikazzjoni ppreżentata b’mod tardiv taħt ir-regoli iktar favorevoli previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward, huwa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola dawn il-modalitajiet bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, sakemm, madankollu, huma ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, ma jirriżulta mill-ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u bl-ebda mod ma ġie allegat fil-kuntest ta’ din il-proċedura li sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna jiġu ttrattati b’mod differenti fid-dritt Olandiż.

58      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-aspetti partikolari ta’ din, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata għal membru tal-familja ta’ refuġjat, abbażi tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jinsabu fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2003/86, għar-raġuni li din l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata iktar minn tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-isponsor, filwaqt li tiġi offruta l-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida fil-kuntest ta’ regoli oħra, ma hijiex, inkwantu tali, tali li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti permezz tad-Direttiva 2003/86.

60      Fil-fatt, iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata fil-kuntest ta’ regoli nazzjonali stabbiliti sabiex jagħtu effett lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, ma timplikax li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma jkunx jista’ jiġi ggarantit, peress li din ir-riunifikazzjoni tista’ tingħata fil-kuntest ta’ regoli oħra, wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal dan il-għan.

61      Minkejja li d-dewmien u l-piż amministrattiv li tippreżupponi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida jistgħu jikkostitwixxu inkonvenjent ċert għall-persuna kkonċernata, jibqa’ l-fatt li dan ma huwiex ta’ livell tali li jista’ jitqies, bħala prinċipju, li jipprekludi, fil-prattika, lil din il-persuna milli tinvoka b’mod effikaċi d-dritt tagħha għal riunifikazzjoni tal-familja.

62      Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti, qabel kollox, jekk iċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja setgħet isseħħ f’sitwazzjonijiet li fihom ċirkustanzi partikolari jirrendu oġġettivament skużabbli l-preżentazzjoni tardiva ta’ din l-applikazzjoni.

63      Sussegwentement, peress li leġiżlazzjoni nazzjonali tobbliga lir-refuġjati jinvokaw id-drittijiet tagħhom rapidament wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, f’mument li fih l-għarfien tagħhom tal-lingwa u tal-proċeduri tal-Istat Membru ospitanti jista’ jkun pjuttost dgħajjef, il-persuni kkonċernati għandhom, b’mod obbligatorju, jiġu informati b’mod sħiħ bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tagħhom u bil-miżuri li huma għandhom jieħu sabiex jinvokaw b’mod effikaċi d-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja.

64      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti biss lill-Istati Membri li jidderogaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, billi jeżiġu li r-refuġjat jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva.

65      Għaldaqstant, għal refuġjat li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal riunifikazzjoni tal-familja iktar minn tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat xorta għandhom jiġu applikati l-kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja applikabbli għar-refuġjati, stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 jew fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva.

66      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata għal membru tal-familja ta’ refuġjat, abbażi tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli għar-refuġjati li jinsabu fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, għar-raġuni li din l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata iktar minn tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-isponsor, filwaqt li tiġi offruta l-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida fil-kuntest ta’ regoli oħra, sakemm din il-leġiżlazzjoni:

–        tipprevedi li tali motiv ta’ rifjut ma jistax jintuża f’sitwazzjonijiet li fihom ċirkustanzi partikolari jirrendu oġġettivament skużabbli l-preżentazzjoni tardiva tal-ewwel applikazzjoni;

–        tipprevedi li l-persuni kkonċernati jiġu informati b’mod sħiħ bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tagħhom u bil-miżuri li huma għandhom jieħu sabiex jinvokaw b’mod effikaċi d-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja, u

–        tiggarantixxi li l-isponsors irrikonoxxuti bħala refuġjati jkomplu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja applikabbli għar-refuġjati, stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 jew fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali.

2)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata għal membru tal-familja ta’ refuġjat, abbażi tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli għar-refuġjati li jinsabu fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, għar-raġuni li din l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata iktar minn tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-isponsor, filwaqt li tiġi offruta l-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida fil-kuntest ta’ regoli oħra, sakemm din il-leġiżlazzjoni:

–        tipprevedi li tali motiv ta’ rifjut ma jistax jintuża f’sitwazzjonijiet li fihom ċirkustanzi partikolari jirrendu oġġettivament skużabbli l-preżentazzjoni tardiva tal-ewwel applikazzjoni;

–        tipprevedi li l-persuni kkonċernati jiġu informati b’mod sħiħ bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tagħhom u bil-miżuri li huma għandhom jieħu sabiex jinvokaw b’mod effikaċi d-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja, u

–        tiggarantixxi li l-isponsors irrikonoxxuti bħala refuġjati jkomplu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja applikabbli għar-refuġjati, stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 jew fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.