Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2020 minn Christoph Klein mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-2 ta’ Lulju 2020 fil-Kawża T-562/19, Christoph Klein vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-430/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Christoph Klein (rappreżentant: H.-J. Ahlt, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Lulju 2020 fil-Kawża T-562/19;

tiddikjara li r-rikors huwa ammissibbli u li l-Kummissjoni Ewropea wettqet ksur tat-Trattat billi naqset milli taġixxi fil-proċedura tal-klawżola ta’ salvagwardja mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-7 ta’ Jannar 1998 fir-rigward tad-dispożittiv mediku li jinkludi t-trade mark CE “Inhaler Broncho-Air” u billi naqset milli tadotta deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42/KEE 1 ;

sussidjarjament, tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tadotta deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi, ma kkwalifikatx korrettament il-fatti u kisret id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 265 TFUE u d-dritt għal smigħ xieraq, sa fejn din qieset li r-rikors kien preskritt u sa fejn ċaħdet il-locus standi tal-appellant ex officio.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni u kisret l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42.

Finalment, id-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82, rettifiki fil-ĠU L 323, 26.11.1997, p. 39, ĠU L 61, 10.3.1999, p. 55, ĠU L 125, 19.5.1999, p. 42, ĠU L 72, 14.3.2001, p. 8).