Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bihor (Ir-Rumanija) fl-14 ta’ Mejju 2019 – Proċeduri kriminali fil-konfront ta’ IG, JH, KI, LJ

(Kawża C-379/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bihor

Partijiet fil-kawża prinċipali

IG, JH, KI, LJ

Domandi preliminari

Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 1 , u r-rekwiżiti fformulati fir-rapporti elaborati konformement mal-imsemmi mekkaniżmu huma vinkolanti għar-Rumanija?

L-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għar-Rumanija, li tosserva r-rekwiżiti imposti mir-rapporti elaborati konformement mal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, jagħmel parti mill-obbligu tal-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-istat tad-dritt, anki fir-rigward tal-astensjoni ta’ qorti kostituzzjonali, istituzzjoni politiko-ġudizzjarja, milli tintervjeni bil-għan li tinterpreta l-liġi u li tistabbilixxi l-modalitajiet konkreti u obbligatorji li skonthom il-liġi għandha tiġi applikata min-naħa tal-organi ġudizzjarji, li hija kompetenza esklużiva attribwita lill-awtorità ġudizzjarja, u bil-għan li tintroduċi dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda, li hija kompetenza esklużiva attribwita lill-awtorità leġżlattiva? Id-dritt tal-Unjoni jeżiġi t-tneħħija tal-effetti ta’ tali deċiżjoni adottata minn qorti kostituzzjonali? Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-responsabbiltà dixxiplinari tal-membru tal-ġudikatura li ma japplikax id-deċiżjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), fil-kuntest tal-kwistjoni mqajma?

Il-prinċipju tal-indipendenza tal-qrati, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja, sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117), jipprekludi li l-kompetenzi tal-qrati jiġu ssostitwiti bid-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (deċiżjoni Nru 51 tas-16 ta’ Frar 2016, deċiżjoni Nru 302 tal-4 ta’ Mejju 2017 u deċiżjoni Nru 26 tas-16 ta’ Jannar 2019), bil-konsegwenza li l-proċeduri kriminali jsiru imprevedibbli (applikazzjoni retroattiva) u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi għall-każ speċifiku jsiru impossibbli? Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-responsabbiltà dixxiplinari tal-membru tal-ġudikatura li ma japplikax id-deċiżjoni tal-Curtea Constituțională fil-kuntest tal-kwistjoni mqajma?

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2006, L 142M, p. 825)