Language of document : ECLI:EU:C:2016:527

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Lulju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 98/6/KE u 2005/29/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Reklamar b’indikazzjoni tal-prezz — Kunċetti ta’ ‘offerta’ u ta’ ‘prezz inklużi t-taxxi’ — Obbligu li jiġu inklużi fil-prezz tal-bejgħ tal-vettura bil-mutur l-ispejjeż supplimentari obbligatorji marbuta mat-trasferiment ta’ din il-vettura”

Fil-Kawża C‑476/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-Ġermanja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

Citroën Commerce GmbH

vs

Zentralvereinigung des Kraftfahrzeuggewerbes zur Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerbs eV (ZLW),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Citroën Commerce GmbH, minn L. Pechan u J. Croll, Avukati,

–        għal Zentralvereinigung des Kraffahrzeuggewerbes zur Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerbs eV (ZLW), minn B. Ackermann, Avukat,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, G. Szima u M. Bóra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 3(1) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32), kif ukoll tal-Artikolu 7(4)(c) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Citroën Commerce GmbH u Zentralvereinigung des Kraftfahrzeuggewerbes zur Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerbs eV (ZLW) (grupp għad-difiża tal-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-karozzi) dwar reklamar għal vetturi bil-mutur magħmul minn Citroën Commerce.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/6

3        Skont il-premessi 6 u 12 tad-Direttiva 98/6:

“(6)      [...] l-obbligu li jkun indikat il-prezz tal-bejgħ [...] jikkontribwixxi sostanzjalment sabiex titjieb l-informazzjoni tal-konsumatur, peress li dan huwa l-eħfef mod li jgħin lill-konsumaturi sabiex jevalwaw u jikkomparaw il-prezz ta’ prodotti fl-aħjar manjiera u b’hekk jagħmlu għażliet informati abbażi ta’ paraguni sempliċi;

[...]

(12)      [...] r-regoli fil-livell tal-Komunità jistgħu jiżguraw informazzjoni ta’ l-istess xorta u trasparenti li tibbenefika lill-konsumaturi kollha fil-kuntest tas-suq intern [...]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      il-prezz tal-bejgħ għandu jfisser il-prezz finali għal unità tal-prodott, jew kwantità mogħtija tal‑prodott, li jinkludi [t-taxxa fuq il-valur miżjud] u t-taxxi l-oħra kollha.

(b)      prezz ta’ unità għandu jfisser il-prezz finali, li jinkludi [t-taxxa fuq il-valur miżjud] u t-taxxi l-oħra kollha, għal kilogramma, litru, metru, metru kwadru jew metru kubu tal-prodott jew unità ta’ kwantità waħda differenti li jintuża ħafna u li s-soltu jintuża fl-Istat Membru konċernat fil-kummerċ ta’ prodotti speċifiċi;

[...]

(d)      negozjant għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li jbiegħ jew li joffri għall-bejgħ prodotti li huma fl-ambitu ta’ attività kummerċjali jew professjonali tiegħu;

(e)      konsumatur għandha tfisser kull persuna naturali li jixtri prodott għall-għanijiet li ma ma humiex fl-isfera ta’ l-attività kummerċjali jew professjonali tiegħu.”

6        L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Il-prezz tal-bejgħ u l-prezz ta’ unità għandhom ikunu indikati għall-prodotti kollha li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1, l-indikazzjoni tal-prezz ta’ unità tkun soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5. Il-prezz tal-unità m’għandux għalfejn ikun indikat jekk huwa identiku għall-prezz tal-bejgħ.

[...]

4.      Kull riklam li jsemmi l-prezz tal-bejgħ ta’ prodotti li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom jindikaw il-prezz ta’ unità soġġett għall-Artikolu 5.”

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/6 jaqra kif ġej:

“Il-prezz tal-bejgħ u l-prezz ta’ unità m’għandhomx ikunu ambigwi, għandhom ikunu identifikabbli faċilment u jinqraw b’mod ċar. [...]”

8        Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw l-obbligu li jindikaw il-prezz ta’ unità ta’ prodotti li għalihom din l-indikazzjoni ma tkunx bżonnjuża minħabba n-natura jew l-għan tal-prodott jew li jkunu jistgħu joħolqu konfużjoni.”

9        L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew imantnu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli b’rigward l-informazzjoni u paragrun tal-prezz lill-konsumatur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fit-Trattat.”

 Id-Direttiva 2005/29

10      Il-premessi 6 u 10 tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxu:

“(6)      Din id-Direttiva [...] għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. [...]

[...]

(10)      [...] din id-Direttiva tapplika biss fejn m’hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ liġi Komunitarja li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Tipprovdi wkoll ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell Komunitarju u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tal-prodotti. [...]”

11      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva:

a)      ‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

b)      ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

[...]

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

e)      ‘il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;

[...]

i)      ‘stedina għax-xiri’ tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

[...]

k)      ‘deċiżjoni transazzjonali’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni;

[...]”

12      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

[...]

4.      Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.

[...]”

13      Skont l-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, jipprovdi:

“1.      1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl‑imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

[...]”

14      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

“1.      Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

[...]

4.      F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

[...]

ċ)      il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

15      Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (liġi kontra l-kompetizzjoni ġusta), tat-3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1414, iktar il quddiem l-“UWG”), ittrasponiet fid-dritt Ġermaniż id-Direttiva 2005/29.

16      Konformement mat-tieni każ tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Preisangabenverordnung (regolament dwar l-indikazzjonijiet tal-prezz, BGBl. 1985 I, p. 580, iktar ’il quddiem il-“PAngV”), min, bħala bejjiegħ ta’ prodotti, jagħmel reklamar mal-konsumaturi billi jindika l-prezz għandu jindika l-prezz definittiv li għandu jitħallas inkluż it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u l-komponenti l-oħra tal-prezz.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Citroën Commerce ppubblikat fl-edizzjoni tal-ġurnal Nürnberger Nachrichten tat-30 ta’ Marzu 2011 reklamar dwar vettura bil-mutur tal-marka Citroën, li kellu l-istqarrijiet li ġejjin: “pereżempju Citroën C4 VTI 120 Exclusive: 21 800 [euros]1” u “tnaqqis fil-prezz massimu 6 170 [euros]1”. L-esponent “1” jirreferi għall-indikazzjonijiet li ġejjin, li jinsabu n-naħa ta’ taħt f’dan ir-reklamar: “Minbarra EUR 790 ta’ spejjeż ta’ trasferiment. Offerta ddestinata lill-individwi valida għas-Citroën C 4 [...] kollha ordnati sal-10 ta’ April 2011 [...]”. Il-prezz totali, inkluż dawn l-ispejjeż ta’ trasferiment tal-vettura mill-produttur lill-bejjiegħ li l-klijent kellu jħallas għall-akkwist ta’ tali vettura, ma kienx indikat fl-imsemmi reklamar.

18      ZLW adixxa l-Landgericht Köln (qorti reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) b’talba għal waqfien minn Citroën Commerce tal-imsemmi reklamar peress li ma kellux il-press definittiv li jinkludi l-ispejjeż ta’ trasferiment.

19      Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Jannar 2012, il-Landgericht Köln (qorti reġjonali ta’ Köln) laqgħet din it-talba.

20      Citroën Commerce appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2012, din l-aħħar qorti ċaħdet l-appell.

21      Kemm il-Landgericht Köln (qorti reġjonali ta’ Köln) kif ukoll l-Oberlandesgericht Köln (qorti reġjonali superjuri ta’ Köln) qiesu li r-reklamar inkwistjoni kien, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-prezz indikattiv, kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-UWG u tal-PAngV.

22      Citroën Commerce ressqet talba għal “Reviżjoni” tas-sentenza mogħtija mill-Oberlandesgericht Köln (qorti reġjonali superjuri ta’ Köln) quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja).

23      Il-qorti nazzjonali tirrileva li l-pubbliku jipperċepixxi l-ispejjeż ta’ trasferiment mill-bejjiegħ tal-manifattur tal-vettura mhux bħala spiża supplimentari ta’ trasport, iżda bħala parti integrali tal-prezz finali tal-vettura. L-indikazzjoni separata ta’ dawn l-ispejjeż ikun iġġustifikat biss meta l-klijent għandu l-għażla bejn l-irkupru personali tal-vettura mingħand il-manifattur u t-trasferiment tiegħu lill-bejjiegħ jew meta d-determinazzjoni tal-ispejjeż ma tkunx possibbli, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jvarjaw każ b’każ. Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Reklam għal prodott li jindika l-prezz li għandu jitħallas għalih jikkostitwixxi offerta fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [98/6]?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2)      Fil-każ ta’ offerta fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [98/6], il-prezz tal-bejgħ li għandu jiġi indikat skont l-Artikolu 1 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) għandu jinkludi wkoll l-ispejjeż neċessarjament sostnuti li huma marbuta mat-trasferiment ta’ vettura bil-mutur mill‑manifattur lin-negozjant [bejjiegħ]?

Fil-każ li għall-ewwel jew għat-tieni domanda tingħata risposta negattiva:

3)      Fil-każ ta’ stedina għax-xiri fis-sens tal-Artikolu2(i) tad-Direttiva 2005/29/KE, il-‘prezz inklużi t-taxxi’ li għandu jiġi indikat skont id-dispożizzjoni li tirregola l-ewwel xenarju previst fl-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29/KE għandu jinkludi wkoll, fil-każ ta’ vettura bil-mutur, l-ispejjeż neċessarjament sostnuti li huma marbuta mat-trasferiment tal-vettura bil-mutur mill-manifattur lin-negozjant?”

 Fuq id-domandi preliminari

25      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/6 u l-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ispejjeż ta’ trasferiment ta’ vettura bil-mutur mill-manifattur lill-bejjiegħ, dovuti mill-konsumatur, għandhomx jiġu inklużi fil-prezz tal-bejgħ ta’ din il-vettura indikata f’reklamar minn negozjant.

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 98/6 għandha l-għan li tistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill‑konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet.

27      F’dan ir-rigward, kif tistipula l-premessa 12 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar hija ntiża li tiżgura informazzjoni tal-istess xorta u trasparenti li tibbenefika lill-konsumaturi kollha fil-kuntest tas-suq intern.

28      Sabiex tiġi żgurata din il-konsistenza u din it-trasparenza tal-informazzjoni dwar il-prezzijiet, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jirrikjedi li jkun indikat il-prezz tal-bejgħ għall-prodotti kollha offruti minn negozjanti lill-konsumaturi, filwaqt li dan tal-aħħar huwa ddefinit, konformement mal-Artikolu 2(a) ta’ din l-istess direttiva, bħala l-prezz finali għal unità tal-prodott, jew kwantità mogħtija tal-prodott, li jinkludi l-VAT u t-taxxi l-oħra kollha.

29      L-applikabbiltà tad-Direttiva 98/6 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-reklamar li jsemmi l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti jirriżulta mill-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni ma tipprevedix obbligu ġenerali li jkun indikat il-prezz tal-bejgħ, madankollu, reklamar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża, li jsemmi kemm l-ispeċifiċitajiet tal-prodott promoss kif ukoll prezz li jixbah, f’għajnejn konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, il-prezz tal-bejgħ ta’ dan il-prodott, kif ukoll data sa meta l-“offerta” magħmula fir-rigward ta’ individwi tibqa’ valida, jista’ jitqies, minn tali konsumatur, bħala li juri offerta tan-negozjant sabiex ibigħ l-imsemmi prodott għall-kundizzjonijiet imsemmija f’dan ir-reklam. F’tali każ, il-prezz indikat għandu josserva r-rekwiżiti tad-Direttiva 98/6.

31      B’mod partikolari, dan il-prezz għandu jkun il-prezz tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-prezz finali tagħha, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6. Il-prezz finali jippermetti lill-konsumaturi sabiex jevalwaw u jikkomparaw il-prezz indikat f’reklamar ma’ prodotti oħra simili, u b’hekk jistgħu jagħmlu għażla informata abbażi ta’ paragun sempliċi, konformement mal-premessa 6 tad-Direttiva 98/6.

32      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk l-elementi kollha msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti.

33      Ċertament, fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-għan tad‑Direttiva 98/6 huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi mhux fil-qasam tal-indikazzjoni tal-prezzijiet, b’mod ġenerali, jew fir-rigward tar-realtà ekonomika tat-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezz, iżda fil-qasam tal-indikazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti b’riferiment għal diversi tipi ta’ unitajiet tal-kejl.

34      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx tali tfakkira fir-risposta għall-argument tar-Renju tal-Belġju intiża li turi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/6 il-leġiżlazzjoni Belġjana li skontha l-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezz kellhom josservaw ċerti rekwiżiti temporali.

35      Issa, tali kwistjoni hija manifestament differenti minn dik li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6.

36      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li dan il-prezz tal-bejgħ għandu jinkludi l-VAT u t-taxxi aċċessorji kollha l-oħra, huwa għandu, b’mod ġenerali, jikkostitwixxu l-prezz definittiv validu għal unità tal-prodott jew kwantità tal-prodott partikolari.

37      Bħala prezz finali, il-prezz tal-bejgħ għandu neċessarjament jinkludi l-elementi inevitabbli u prevedibbli tal-prezzijiet, l-elementi li huma neċessarjament imħallsa mill-konsumatur u li jikkostitwixxu l-korrispettiv finanzjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 36).

38      Konsegwentement, jekk in-negozjant li jbigħ il-prodott jirrikjedi li l-konsumatur ibati l-ispejjeż għat-trasferiment ta’ dan il-prodott mill-manifattur għal dan in-negozjant-bejjiegħ, bil-konsegwenza li dawn l-ispejjeż, barra minn hekk invarjabbli, huma neċessarjament dovuti mill-konsumatur, l-imsemmija spejjeż jikkostitwixxu element tal-prezz tal-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6.

39      Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-konsumatur imur fi stabbiliment kummerċjali tan-negozjant sabiex jieħu pussess ta’ vettura bil-mutur mixtrija mingħand dan tal-aħħar u manifattura fi stabbiliment ieħor. F’sitwazzjoni bħal din, l-ispejjeż ta’ trasferiment ta’ din il-vettura mill-manifattur għan-negozjant-bejjiegħ huma normalment dovuti minn dan l-konsumatur.

40      Dawn l-ispejjeż ta’ trasferiment obbligatorji għall-konsumatur għandhom jiġu distinti mill-ispejjeż supplimentari ta’ trasport jew ta’ kunsinna tal-prodott mixtri għall-post magħżul minn dan il-konsumatur, peress li din l-ispiża ma tistax tiġi kkwalifikata bħala element inevitabbli u prevedibbli tal-prezz.

41      Għaldaqstant, meta sseħħ is-sitwazzjoni msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-prezz ta’ prodott offrut għall-bejgħ minn negozjant lill-konsumaturi għandu, fir-reklamar relatat ma’ dan il-prodott, jifhmu l-ispejjeż għat-trasferiment ta’ dan il‑prodott għal dan in-negozjant meta dawn huma neċessarjament dovuti mill-konsumatur.

42      Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali, dawn ir-regoli l-oħra għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.

43      Ċertament, id-Direttiva 2005/29 tapplika, konformement mal-Artikoli 3(1) għall-prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. L-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi tali prattiki bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur, C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 73).

44      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 98/6 tirregola aspetti speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, ta’ prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu deskritti bħala inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozjanti u l-konsumaturi, jiġifieri b’mod partikolari dawk relatati mal-indikazzjoni, fl-offerti tal-bejgħ u fir-reklamar, tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-aspett relatat mal-prezz tal-bejgħ imsemmi f’reklamar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa rregolat mid-Direttiva 98/6, id-Direttiva 2005/29 ma tistax tapplika fir-rigward ta’ dan l-aspett.

46      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi interpretat l-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/6, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż għat-trasferiment ta’ vettura mill-manifattur lill-bejjiegħ, li huma dovuti mill-konsumatur, għandhom jiġu inkluża fil-prezz tal-bejgħ ta’ din il-vettura bil-mutur muri f’reklamar magħmul minn negozjant meta, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha ta’ dan ir-reklamar, huwa jirreferi, fl-għajnejn tal-konsumatur, għal offerta li tirrigwarda l-istess vettura. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-elementi kollha humiex issodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż għat-trasferiment ta’ vettura mill-manifattur lill-bejjiegħ, li huma dovuti mill-konsumatur, għandhom jiġu inklużi fil-prezz tal-bejgħ ta’ din il-vettura bil-mutur muri f’reklamar magħmul minn negozjant meta, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha ta’ dan ir-reklamar, huwa jirreferi, fl-għajnejn tal-konsumatur, għal offerta li tirrigwarda l-istess vettura. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-elementi kollha humiex issodisfatti.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.