Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja) – Grüne Liga Sachsen e.V. et vs Freistaat Sachsen

(Kawża C-399/14) 1

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) sa (4) – Reġistrazzjoni ta’ sit fil-lista ta’ żoni ta’ importanza Komunitarja wara l-awtorizzazzjoni ta’ proġett, iżda qabel l-implementazzjoni tiegħu – Eżami tal-proġett a posteriori tar-reġistrazzjoni tas-sit fl-imsemmija lista – Rekwiżiti għal dan l-eżami – Konsegwenzi tat-twettiq tal-proġett għall-għażla ta’ alternattivi

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Grüne Liga Sachsen e.V. et

Konvenut: Freistaat Sachsen

fil-preżenza ta’: Landeshauptstadt Dresden, Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht

Dispożittiv

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit u li ma huwiex awtorizzat, wara studju li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, qabel ir-reġistrazzjoni tas-sit inkwistjoni fil-lista tas-siti ta’ interess Komunitarju, għandu jkun suġġett, mill-awtoritajiet kompetenti, għal eżami a posteriori tal-effetti tiegħu fuq dan is-sit jekk dan l-eżami jikkostitwixxi l-unika miżura xierqa sabiex jiġi evitat li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi pjan jew proġett ma joħloqx deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx issodisfatti.

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ikun meħtieġ eżami a posteriori tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ta’ pjan jew ta’ proġett li l-eżekuzzjoni tiegħu bdiet wara r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja, dan l-eżami għandu jitwettaq konformement għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Dan l-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi eżistenti kollha sad-data ta’ din ir-reġistrazzjoni kif ukoll kwalunkwe effett li jseħħ jew li jista’ jseħħ wara l-eżekuzzjoni parzjali jew totali ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq l-imsemmi sit wara din id-data.

Id-Direttiva 92/43 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta jitwettaq eżami ġdid tal-effetti fuq sit bil-għan li jiġu rrimedjati żbalji kkonstatati li jirrigwardaw l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-siti ta’ interess Komunitarju jew li jirrigwardaw l-eżami a posteriori skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, minkejja li l-pjan jew il-proġett ikun ġie diġà eżegwit, ir-rekwiżiti ta’ kontroll magħmul fil-kuntest ta’ eżami bħal dan ma jistgħux jiġu emendati minħabba l-fatt, li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett kienet direttament eżegwibbli, li t-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u li din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma kinitx iktar appellabbli. Barra dan, l-imsemmi eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv, skont l-imsemmi Artikolu 6(2) li eventwalment seħħew minħabba t-twettiq tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni.

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti tal-kontroll imwettaq fil-kuntest tal-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi ma jistgħux jinbidlu minħabba l-pjan jew il-proġett ikun diġà ġie eżegwit.

____________

1 ĠU C 448, 15.12.2014.