Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Settembru 2020    – flightright GmbH vs SunExpressGünes Ekspres Havacilik A.S.

(Kawża C-434/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Frankfurt am Main

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: flightright GmbH

Konvenuta: SunExpressGünes Ekspres Havacilik A.S.

Domandi preliminari

L-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li bidla fir-reżervazzjoni billi l-passiġġier jiġi ttrasferit għal titjira oħra, qabel it-titjira inizjalment irreżervata u li biha l-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu 10 sigħat u minuta qabel il-ħin tal-wasla previst għal din it-titjira tal-aħħar, tikkostitwixxi każ ta’ passiġġier li ma tħalliex jitla’ li jagħti lok għal kumpens?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: il-passiġġier huwa għalhekk xorta waħda meħtieġ li jkun ippreżenta ruħu għaċ-check-in jew sabiex jitla’ abbord fit-titjira inizjalment irreżervata, fil-ħin indikat jew l-iktar tard 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat – kif jeżiġu bħala prinċipju l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 –, sabiex jinfetaħ il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, u, b’mod iktar speċifiku, tkun tista’ tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ każ ta’ passiġġier li ma tħalliex jitla’ li jagħti lok għal kumpens, anki jekk dan fil-fatt ma kienx iktar possibbli peress li l-passiġġier ħa t-titjira ta’ sostituzzjoni iktar kmieni li għaliha huwa kien ġie ttrasferit?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.