Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-345/20)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Mölls u C. Vrignon, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi ma wettqitx l-interkonnessjoni tar-reġistru elettroniku nazzjonali tagħha mal-verżjoni l-ġdida tar-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/480 tal-1 ta’ April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali għall-verżjoni l-ġdida tal-ERRU, li l-Istati Membri għandhom iwettqu konformement mal-proċeduri u rekwiżiti tekniċi previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/480, hekk kif rikjest mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, kellha sseħħ sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Jannar 2019.

____________

1     ĠU 2016, L 87, p. 4.