Language of document : ECLI:EU:F:2014:171

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ Ġunju 2014

Kawża F‑119/12

Stephanie Sumberaz Sotte-Wedemeijer

vs

L‑Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Konvenzjoni Europol – Regolamenti tal-persunal tal-Europol – Deċiżjoni 2009/371/ĠAI – Applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-membri tal-persunal tal-Europol – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat – Rifjut li jingħata kuntratt ta’ aġent temporanju għal żmien indeterminat”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu S. Sumberaz Sotte-Wedemeijer titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) irrifjuta li jġedded għal żmien indeterminat il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat li skada fil-31 ta’ Mejju 2012.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. S. Sumberaz Sotte-Wedemeijer għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors – Identiċità tas-suġġett u tal-kawża – Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

1.       Fir-rikorsi ta’ uffiċjali, it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni jistgħu jikkontjenu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess kawża bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, għalkemm dawn il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li ma jidhrux neċessarjament fl-ilment, iżda li huma relatati strettament magħhom.

F’dan ir-rigward, minn naħa, peress li l-proċedura prekontenzjuża hija ta’ natura informali u l-persuni kkonċernati jaġixxu, b’mod ġenerali, f’dan l-istadju mingħajr ma jiġu assistiti minn avukat, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda għandha, għall-kuntrarju, teżaminahom b’moħħ miftuħ u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux l-għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, l-eventwali fażi kontenzjuża, sakemm ir-rikors kontenzjuż la jbiddel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, sabiex il-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Personal tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha, jeħtieġ li l-amministrazzjoni tkun f’pożizzjoni li tkun taf b’mod suffiċjentement preċiż il-kritiki fformulati mill-persuni kkonċernati kontra d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 37 u 38)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punti 73, 76 u 77, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

(ara l-punt 46)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Mendes vs Il‑Kummissjoni, F‑125/11, EU:F:2013:35, punt 62