Language of document : ECLI:EU:F:2007:171

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ottubru 2007

Kawża F-85/06

Gerardo Bellantone

vs

Il-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal – Preavviż ta’ tmiem ta’ ingaġġ – Għotja għat-tluq – Allowance ta’ kuljum – Dannu materjali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih G. Bellantone, ex membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal bi prova fl-1 ta’ April 2005, jitlob, b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tas-segretarju ġenerali tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tat-30 ta’ Marzu 2006, li tiċħad it-talba tiegħu intiża għall-ħlas ta’ kumpens, l-ewwel bħala preavviż ta’ tmiem ta’ ingaġġ fil-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju, it-tieni, bħala għotja għat-tluq u, it-tielet, bħala allowance ta’ kuljum, kif ukoll, minn naħa l-oħra, il-ħlas tas-somom li huwa jqis li huma dovuti lilu, bl-interessi.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti mill-ispejjeż tiegħu. Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha tbati, barra mill-ispejjeż tagħha, kwart ta’ l-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanji – Aġent maħtur uffiċjal bi prova – Ħatra li ttemm għall-kollox ir-rapporti ta’ impjieg irregolati bis-sistema applikabbli għall-aġenti l-oħra

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Aġent maħtur uffiċjal bi prova – Tħassir tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju mingħajr osservanza, mill-istituzzjoni, tal-preavviż ta’ tmiem ta’ ingaġġ

(Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 47)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Għotja għat-tluq – Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 12 ; Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra , Artikoli 39 u 40(1))

1.      Membru tal-persunal temporanju li jaċċetta ħatra ta’ uffiċjal bi prova huwa suġġett biss għar-Regolamenti tal-Persunal, li l-applikazzjoni tagħhom ittemm għal kollox ir-rapporti rregolati preċedentement mill-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, mingħajr ma huwa neċessarju, għall-amministrazzjoni, li jintemmu espressament ir-rapporti ta’ impjieg stabbiliti bis-saħħa ta’ dawn ta’ l-aħħar.

Madankollu, jekk istituzzjoni Komunitarja tagħżel li tipproċedi għat-tħassir formali tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju qabel ma tadotta l-att ta’ ħatra ta’ l-aġent ikkonċernat bħala uffiċjal bi prova, dan il-mod li wieħed jipproċedi huwa legali, sakemm dan it-tħassir ikun skond il-formalitajiet meħtieġa u tosserva r-regoli fis-seħħ.

(ara l-punti 51 sa 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Ġunju 1981, Desmedt, 105/80, Ġabra p. 1701, punti 14 u 15

2.      Membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal bi prova ma jgawdix minn dritt għal kumpens minħabba li l-Awtorità tal-Ħatra ma osservatx il-preavviż ta’ tmiem ta’ ingaġġ previst fl-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra.

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skond id-dmirijiet li jkunu ġew fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn id-dmirijiet, tal-persunal disponibbli għalihom. Tikkorrispondi għal din is-setgħa ta’ organizzazzjoni l-bidla ta’ l-istatus legali ta’ membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal bi prova relatata ma’ operazzjoni, iktar ġenerali, ta’ eliminazzjoni ta’ kategorija ta’ impjiegi fi ħdan istituzzjoni. F’dan il-kuntest, l-istituzzjoni hija, barra minn dan, fl-obbligu, għal raġunijiet ta’ konċiljazzjoni ta’ l-interess tas-servizz mal-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li taħtar uffiċjali f’dati kemm jista’ jkun fil-qrib. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi mistenni mill-Awtorità tal-Ħatra li hija toffri lill-membru tal-persunal temporanju kkonċernat il-possibbiltà li jeżawrixxi l-perijodu taż-żmien legali massimu ta’ sitt snin previst għall-kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju għal perijodu taż-żmien iddeterminat, filwaqt li l-appell ta’ kull impjieg għandu jiġi bbażat, l-ewwel, fuq l-interess tas-servizz. Il-passaġġ ta’ l-istatus ta’ membru tal-persunal temporanju għal dak ta’ uffiċjal jissodisfa, barra minn dan, l-eżiġenzi ta’ stabbilità tal-persunal, u dan fl-interess tas-servizz. Ma jistax, barra minn dan, jiġi allegat li l-istituzzjoni ħadet ukoll in kunsiderazzjoni l-vantaġġ li jirrappreżenta, għall-baġit ta’ l-istituzzjoni, l-imsemmi passaġġ, billi l-possibbiltajiet baġitarji huma fost il-fatturi li l-amministrazzjoni tikkunsidra fil-politika tal-persunal.

It-tieni nett, l-att li bih l-Awtorità tal-Ħatra, b’mod unilaterali, tinnomina l-membru tal-persunal temporanju bħala uffiċjal mhux vinkolanti, billi l-persuna interessata tista’ tirrifjuta din il-ħatra, li tixbah offerta ta’ impjieg.

It-tielet nett, il-fatt li persuna tiġi kkumpensata minħabba preavviż li ma ġiex osservat, filwaqt li, matul dan il-perijodu ta’ preavviż, il-persuna kkumpensata offriet is-servizzi tagħha, taħt is-sistema legali, lill-istess istituzzjoni jekwivali għal arrikkiment indebitu, li l-projbizzjoni tiegħu hija mniżżla fost il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. B’analoġija għar-regola li ma tiġix akkumulata pensjoni ma’ salarju, il-ħtieġa li jiġu mħarsa r-riżorsi tal-Komunitajiet tipprojbixxi li s-salarju li jirċievi uffiċjal bi prova jista’ jiġi akkumulat mal-ħlas ta’ kumpens abbażi ta’ preavviż għal tħassir ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, billi l-imsemmi tħassir ikun ippreċeda immedjatament il-ħatra bħala uffiċjal bi prova, in kwantu dan l-aħħar kumpens jiġi mħallas fuq il-bażi ta’ krediti inkluż fl-istat ta’ l-ispejjeż ta’ waħda mill-istituzzjonijiet li hija mniżżla fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punti 60 sa 64, 66 u 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il-Kummissjoni, 178/80, Ġabra p. 3187, punt 19; 10 ta’ Lulju 1990, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑259/87, Ġabra p. I‑2845, punt 26

Il-Qorti tal-Prim’Istanza : 12 ta’ Lulju 1990, Scheiber vs Il-Kunsill, T‑111/89, Ġabra p. II‑429, punt 28 ; 10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑171/99, Ġabra p. II‑2967, punt 55; 11 ta’ Lulju 2002, Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, T‑137/99 u T-18/00, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑639, punt  95, u l- ġurisprudenza ċċitata ; 3 ta’ April 2003, Vieira et vs Il-Kummissjoni, T‑44/01, T‑119/01 u T‑126/01, Ġabra p. II‑1209, punt 86; 14 ta’ Novembru 2006, Neirinck vs Il-Kummissjoni, T‑494/04, ĠabraSP p. I-A-2-259 et II-A-2-1345, punt 162 sa 167, appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑17/07 P

3.      Membru tal-persunal temporanju għandu dritt għall-għotja għat-tluq biss fil-każ ta’ twaqqif definittiv tal-funzjonijiet tiegħu, jiġifieri meta l-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju jiġi fit-tmiem tiegħu, permezz ta’ tħassir jew skadenza, mingħajr ma jkun segwit minn ħatra bħala uffiċjal matul perijodu ta’ l-inqas ta’ xahrejn wara t-tmiem tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju. Il-fatt li jiġi pretiż fl-istess ħin l-allowance ta’ kuljum u dak ta’ ħatra bħala uffiċjal jimplika t-talba lill-istituzzjoni tiegħu, waħedha jew ma istituzzjoni Komunitarja oħra, li tiġi evitata r-regola ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 40 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra.

(ara l-punt 73)