Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-29 ta’ April 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) - il-Portugall) – Ramada Storax SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-756/19) 1

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 90 u 273 – Valur taxxabbli – Tnaqqis – Nuqqas ta’ ħlas – Insolvenza tad-debitur iddomiċiljat barra mill-pajjiż – Deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tiċċertifika n-natura irrekuperabbli tad-djun mitluba – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità”

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ramada Storax SA

Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira

Dispożittiv

L-Artikoli 90 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha d-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa u relatata ma’ djun ikkunsidrati bħala irrekuperabbli fi tmiem proċedura ta’ falliment huwa miċħud lill-persuna taxxabbli meta n-natura irrekuperabbli tad-djun ikkonċernati ġiet ikkonstatata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor fuq il-bażi tad-dritt fis-seħħ f’dan l-Istat tal-aħħar.

____________

1     ĠU C 19, 20.1.2020.