Language of document :

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Novembru 2014 – Hristov vs Il-Kummissjoni u EMA

(Kawża F-2/12)1

(Servizz pubbliku – Proċedura ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv ta’ aġenzija regolatorja – Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) – Proċedura ta’ selezzjoni f’żewġ fażijiet – Preselezzjoni fi ħdan il-Kummissjoni – Ħatra mill-kunsill ta’ aministrazzjoni tal-EMA – Obbligu għall-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-EMA li jagħżel id-direttur eżekuttiv minn fost il-kandidati magħżula mill-Kummissjoni – Rikors għal annullament – Kompożizzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni – Kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni u ta’ membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-EMA – Kandidati membri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-EMA li jidhru fil-lista ta’ kandidati magħżula mill-Kummissjoni – Ħatra tal-kandidat membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-EMA – Dmir ta’ imparzjalità – Ksur – Annullament – Rikors għad-danni – Dannu morali separabbli mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament – Prova – Assenza)

Lingwa tal-kawża:Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Emil Hristov (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentanti: M. Ekimdjiev, K. Boncheva u G. Chernicherska, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni (rappreżentanti: inizjalment J. Currall u D. Stefanov, aġenti, sussegwentement J. Currall u N. Nikolova, aġenti)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, (rappreżentanti: inizjalment V. Salvatore u T. Jablonski, aġenti, sussegwentement J. Currall u N. Nikolova, aġenti)

Suġġett

L-ewwel nett, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tfassil u l-approvazzjoni tal-lista ta’ preselezzjoni ppreżentata lill-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-EMA fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv ta’ din l-aġenzija, it-tieni nett, talba għall-annullament tal-ħatra ta’ kandidat ieħor għal din il-pożizzjoni u t-tielet nett, talba għall-kumpens għad-dannu morali allegatament sostnut.

Dispożittiv

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ April 2011, li permezz tagħha hija tipproponi lill-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini lista ta’ erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u kkonfermati mill-kumitat konsultattiv tal-ħatriet, hija annullata.

Id-deċiżjoni tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tas-6 ta’ Ottubru 2011, dwar il-ħatra tad-direttur eżekuttiv, hija annullata.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati jbatu, kull waħda minnhom, nofs l-ispejjeż kollha sostnuti minn E. Hristov.

____________

1 ĠU C 184, 23/06/2012, p. 21.