Language of document : ECLI:EU:C:2004:172

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Assemblea Plenarja)

23 ta’ Marzu 2004 (*)

“Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l‑Artikolu 39 KE) – Kunċett ta’ ‘ħaddiem’ – Allowance tas-sigurtà soċjali mħallsa lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg – Rekwiżit ta’ residenza – Ċittadinanza ta’ l‑Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑138/02,

li għandha bħala suġġett talba mressqa mis-Social Security Commissioner (ir‑Renju Unit) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Brian Francis Collins,

u

Secretary of State for Work and Pensions,

sabiex tingħata deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal‑moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 69) u tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il‑Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27).

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Assemblea Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, A. La Pergola, J.-P. Puissochet u R. Schintgen, N. Colneric u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal B. F. Collins, minn R. Drabble, QC, maħtur minn P. Eden, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn E. Sharpston, QC,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ B.F. Collins, irrappreżentat minn R. Drabble, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn E. Sharpston, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn N. Yerrell u D. Martin, fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2003,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta' Lulju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tat-28 ta’ Marzu 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ April ta’ wara, is-Social Security Commissioner għamel, skond l-Artikolu 234 KE, tliet domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall‑ħaddiema fi ħdan il-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 69 – 70, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”), u tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27).

2        Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ kawża bejn B. F. Collins u s-Secretary for Work and Pensions dwar ir-rifjut min-naħa ta’ dan ta’ l-aħħar li jagħti l‑allowance għal min ikun qed ifittex impjieg lil B. F. Collins kif prevista fil‑leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l‑ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE), jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

4        L-Artikolu 8 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 17 KE) jipprovdi:

“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ‑ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadina ta’ l-Unjoni. […]

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it‑Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu”.

5        L-Artikolu 8A(1) tat-Trattat KE [li sar, wara emenda, l-Artikolu 18(1) KE] jipprovdi li kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l‑kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi Trattat u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu.

6        Skond l-Artikolu 48(2) tat-Trattat KE [li sar, wara emenda, l-Artikolu 39(2) KE], il-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

7        Skond l-Artikolu 48(3) KE il-moviment liberu tal-ħaddiema “jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifikati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika:

a)       li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru,

b)      li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta’ l-Istati Membri,

[...]”

8        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“Kwalunkwe nazzjonal [ċittadin] ta’ xi Stat Membru u kwalunkwe sid ta’ xogħol li jkunu qed iwettqu xi attività fit-territorju ta’ xi Stat Membru jistgħu jibdlu l‑applikazzjonijiet tagħhom għall-offerti ta’ l-impjieg, u jistgħ[]u jikkonkludu u jħaddmu kuntratti ta’ l-impjieg skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ imniżżlin b’liġi, regolament jew azzjoni amministrativa mingħajr l-ebda diskriminazzjoni riżultanti minnhom”.

9        Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1612/68, “Ċittadin ta’ xi Stat Membru li jfittex impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jirċievi l‑istess għajnuna hemmhekk bħal dik mogħtija mill-uffiċċji ta’ l-impjiegi f’dak l‑Istat lil ċittadini tagħhom li jkunu qed ifittxu mpjieg”.

10      Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jgawdi, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

11      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/360 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom, waqt li jaġixxu kif hemm provdut f’din id-Direttiva, ineħħu r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza ta’ ċittadini ta’ l-Istati msemmija u ta’ membri tal-familji tagħhom li għalihom japplika r-Regolament (KEE) Nru 1612/68”.

12      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 68/360 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom lill-persuni li hemm referenza għalihom f’Artikolu 1 ta’ l-istess direttiva, li jistgħu jipproduċu d-dokumenti mniżżla f’paragrafu 3 ta’ l-imsemmi Artikolu 4.

13      Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4(3) ta’ l-istess direttiva, dawn id‑dokumenti huma, għall-ħaddiem:

“(a)  id-dokument li bih [j]tkun daħlet [daħal] fit-territorju tagħhom;

(b)       konferma ta’ impjieg minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta’ impjieg”.

14      Skond l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 68/360, l-Istati Membri għandhom, mingħajr ma joħorġu permess ta’ residenza, jirrikonoxxu d-dritt ta’ residenza fit‑territorju tagħhom lil ħaddiem li qed ikompli attività bħala persuna impjegata, fejn l-attività ma tkunx mistennija li ddum aktar minn tliet xhur, lill-ħaddiema transkonfinali u lill-ħaddiema ta’ l-istaġun.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15      L-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg hija benefiċċju tas-sigurtà soċjali previst mill-Jobseekers Act 1995 (Liġi ta’ l-1995 dwar dawk li qed ifittxu impjieg, iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ l-1995”) li, fl-Artikolu 1(2)(i) tagħha teżiġi li l-applikant għandu jkun preżenti fil-Gran Brittanja.

16      Regolament adottat biex jimplementa l-Liġi ta’ l-1995, jiġifieri l-Jobseeker’s Allowance Regulations 1996 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ l-1996”), jispeċifika l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti biex jinkiseb il-benefiċċju ta’ l-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg u l-ammonti li jistgħu jintalbu mid-diversi kategoriji ta’ applikanti. Fir-rigward tal-kategorija ta’ “persuni minn barra mill-pajjiż”, li m’għandhomx familja x’jieħdu ħsieb, il-paragrafu 14(a) ta’ l‑Anness 5 tar-Regolament ta’ l-1996 jipprovdi li l-ammont huwa ta’ zero.

17      Skond l-Artikolu 85(4) tar-Regolament ta’ l-1996, il-kliem “persuna minn barra mill-pajjiż” huma ddefiniti bil-mod kif ġej:

“[...] applikant li ma jirresjedix abitwalment fir-Renju Unit, fir-Repubblika tal‑Irlanda, fil-gżejjer anglo-normandi jew fl-Isle of Man, iżda, għal dan il-għan, ebda applikant m’hu ser jiġi ttrattat li mhux residenti abitwalment fir-Renju Unit jekk huwa:

a)      ħaddiem fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 jew tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1251/70 jew persuna li għandha d‑dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit skond id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE jew id-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      B. F. Collins twieled fl-Istati Uniti u għandu ċittadinanza doppja Amerikana u Irlandiża. Fil-kuntest ta’ l-istudji universitarji tiegħu, huwa qagħad għal semestru fir-Renju Unit fl-1978. Fl-1980 u fl-1981, huwa reġa’ mar lura hemmhekk għal perijodu ta’ madwar għaxar xhur, li fihom huwa ħadem part time u b’mod okkażjonali fil-bars u fis-settur tal-bejgħ. Huwa mar lura l-Istati Uniti fl‑1981. Sussegwentement, huwa ħadem kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Afrika.

19      B. F. Collins rritorna fir-Renju Unit fil-31 ta’ Mejju 1998, sabiex isib impjieg hemmhekk fis-settur tas-servizzi soċjali. Fit-8 ta’ Ġunju 1998, huwa applika għall-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg li ġiet irrifjutata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-Adjudication Officer ta’ l-1 ta’ Lulju 1998, minħabba li ma kienx jirresjedi abitwalment f’dak l-Istat Membru. B.F. Collins appella quddiem is-Social Security Appeal Tribunal (ir-Renju Unit) li kkonferma d‑deċiżjoni tar-rifjut, billi sostna li huwa ma setax jitqies li jirresjedi abitwalment fir-Renju Unit peress li, minn naħa, din ir-residenza ma kinitx għal perijodu sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, huwa ma kienx ħaddiem għall-finijiet tar‑Regolament Nru 612/68 u lanqas kellu d-dritt li jirresjedi fl-imsemmi Stat fis‑sens tad-Direttiva 68/360.

20      Għaldaqstant B.F. Collins appella quddiem is-Social Security Commissioner li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ l-applikant f’din il-kawża hija ħaddiema fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-[ewwel] domanda [...], persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ l-applikant f’din il-kawża għandha d-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal‑15 ta’ Ottubru 1968?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-[ewwel żewġ] domandi [...] teżisti dispożizzjoni jew prinċipju tad-dritt Komunitarju li jeżiġu l-ħlas ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali bl-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà bħal dawk li japplikaw għall-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg li tkun ibbażata fuq id-dħul lil persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ l-applikant f’din il-kawża?”

 Fuq l-ewwel domanda

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

21      B.F. Collins isostni li fil-preżent huwa qed ifittex impjieg.

22      Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit u dak Ġermaniż, kif ukoll il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, isostnu li persuna li tkun tinsab fis‑sitwazzjoni ta’ B.F. Collins m’hijiex ħaddiema fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68.

23      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu li B.F. Collins ma jistax jippretendi li huwa “ex” ħaddiem emigrant li jixtieq sempliċement jieħu xi benefiċċju taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, u dan peress li ma teżisti ebda relazzjoni bejn ix-xogħol li huwa wettaq matul is-snin 1980 u 1981 u t-tip ta’ xogħol li, skond kif qal, huwa fittex fl-1998.

24      Issa, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85, Ġabra p. 2811), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li t-trattament ugwali f’dak li jikkonċerna l-benefiċċji soċjali u fiskali, stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, japplika biss għall-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, li dawk li jiċċaqalqu biex ifittxu impjieg jibbenefikaw minn tali trattament ugwali biss għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-impjieg, skond l-Artikolu 48 tat-Trattat kif ukoll skond l-Artikoli 2 u 5 ta’ dan ir-regolament.

25      Il-Gvern Ġermaniż ifakkar il-kuntest speċifiku tal-kawża li tat lok għas‑sentenza Martínez Sala, iċċitata iktar ’il fuq, li kien ikkaratterizzat bir‑relazzjonijiet mill-qrib ħafna u fit-tul li r-rikorrenti kellha ma’ l-Istat Membru ospitanti, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, jidher b’mod ċar li ma teżisti ebda rabta bejn ix-xogħol preċedenti mwettaq minn B.F. Collins u dak li issa qed ifittex l‑istess B. F. Collins.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis‑sens ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 1612/68, għandu portata Komunitarja u m’għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqshekk żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji, għandha titqies li hija “ħaddiem”. Il‑karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija, skond din il-ġurisprudenza, il-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi in kunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17; Martínez Sala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C‑337/97, Ġabra p. I-3289, punt 13).

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ċerti drittijiet marbutin mal-kwalità ta’ ħaddiem huma ggarantiti lill-ħaddiema emigranti anki jekk dawn ma jibqgħux involuti f’rapport ta’ impjieg (sentenzi ta’ l-24 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑35/97, Ġabra p. I-5325, punt 41, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche, C‑413/01, Ġabra p. I-13187, punt 34).

28      Kif jirriżulta mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, B.F. Collins ħadem okkażjonalment fir-Renju Unit f’bars u fis-settur tal-bejgħ, għal perijodu ta’ għaxar xhur li huwa qatta’ f’dan l-Istat Membru matul is-snin 1980 u 1981. Madankollu għandu jiġi rrilevat li, anki jekk tali attivitajiet professjonali jissodisfaw il-kundizzjonijiet, imsemmija fil-punt 26 ta’ din is‑sentenza, li jippermettu li jiġi rrikonoxxut li, matul tali perijodu, ir-rikorrent fil‑kawża prinċipali kellu l-kwalità ta’ ħaddiem, ma tista’ tiġi stabbilita ebda rabta bejn dawn l-attivitajiet u t-tiftix ta’ impjieg ieħor li seħħet iktar minn sbatax-il sena wara li kienu waqfu l-imsemmija attivitajiet.

29      Fin-nuqqas ta’ rabta stretta biżżejjed mas-suq tax-xogħol fir-Renju Unit, is‑sitwazzjoni ta’ B. F. Collins fl-1998 għandha għalhekk titqabbel ma’ dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jfittex l-ewwel impjieg fi Stat Membru ieħor.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li ma jkunux għadhom stabbilixxew relazzjoni ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti fejn huma jfittxu impjieg, u dawk li jkunu diġà jaħdmu f’dan l-Istat Membru jew li, għalkemm ikunu ħadmu hemmhekk m’għadhomx iktar involuti f’rapport ta’ impjieg, jitqiesu madankollu bħala ħaddiema (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair, 39/86, Ġabra p. 3161, punti 32 u 33).

31      Fil-fatt, għalkemm iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jiċċaqalqu biex ifittxu impjieg jibbenefikaw mill-prinċipju tat-trattament ugwali biss fir-rigward ta’ l‑aċċess għall-istess impjieg, dawk li jkunu diġà daħlu fis-suq tax-xogħol jistgħu jitolbu, abbażi ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, l-istess benefiċċji soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lebon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u tat-12 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑278/94, Ġabra p. I‑4307, punti 39 u 40).

32      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ħaddiem” m’huwiex użat b’mod uniformi fir‑Regolament Nru 1612/68. Għalkemm fit-Titolu II ta’ l-Ewwel Parti ta’ l‑imsemmi regolament dan it-terminu jinkludi biss il-persuni li daħlu diġà fis-suq tax-xogħol, f’partijiet oħra ta’ l-istess regolament il-kunċett ta’ “ħaddiem” għandu jinftiehem f’sens iktar wiesa’.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali m’hijiex ħaddiema fis-sens tat-Titolu II ta’ l-Ewwel Parti tar-Regolament Nru 1612/68. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kunċett ta’ “ħaddiem” imsemmi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni għandux jinftiehem f’dan is-sens.

 Fuq it-tieni domanda

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

34      B.F. Collins isostni li d-Direttiva 68/360 tagħti d-dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ tliet xhur lill-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg.

35      Il-Gvern tar-Renju Unit u dak Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu li B.F. Collins ikollu d-dritt li jidħol fir-Renju Unit biex ifittex impjieg u joqgħod hemmhekk bħala persuna li tfittex xogħol għal perijodu raġonevoli, billi jibbaża ruħu direttament fuq l-Artikolu 48 tat-Trattat KE u mhux fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 68/360, li japplikaw esklużivament għall-persuni li jkunu sabu impjieg.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 48 tat-Trattat KE jagħti liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stati Membri oħra sabiex jeżerċitaw jew ifittxu impjieg hemmhekk (sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras, C‑171/91, Ġabra p. I-2925, punt 8).

37      Id-dritt ta’ residenza li l-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg jibbenefikaw minnu taħt l-Artikolu 48 tat-Trattat KE jista’ jkun limitat fiż-żmien. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni Komunitarja li tiffissa terminu għar-residenza taċ-ċittadini Komunitarji li jkunu qed ifittxu impjieg fi Stat Membru, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant id-dritt li jiffissaw terminu raġonevoli għal dan l-iskop. Madankollu, jekk wara li jiskadi dan it-terminu, il-persuna kkonċernata ġġib prova li qiegħda tkompli tfittex impjieg u għandha possibbiltajiet reali li tintgħażel, il‑persuna kkonċernata ma tistax madankollu tiġi obbligata tħalli t-territorju ta’ l‑Istat Membru ospitanti (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C‑292/89, Ġabra p. I-745, punt 21, u ta’ l-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑344/95, Ġabra p. I-1035, punt 17).

38      Fir-rigward tad-Direttiva 68/360, din hija intiża li telimina r-restrizzjonijiet fi ħdan il-Komunità fir-rigward taċ-ċaqliq u tar-residenza taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u tal-membri tal-familja tagħhom li għalihom japplika r-Regolament Nru 1612/68.

39      F’dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq fil-Komunità, minn naħa, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 68/360 jimponi fuq l-Istati Membri li jirrikonoxxu d‑dritt taċ-ċittadini Komunitarji li jħallu t-territorju tagħhom meta dawn ikollhom l-intenzjoni li jidħlu fi Stat Membru ieħor biex ifittxu impjieg hemmhekk. Min‑naħa l-oħra, skond l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil dawn iċ-ċittadini li jidħlu fit-territorju tagħhom sempliċement mal-preżentazzjoni ta’ karta ta’ l-identità valida jew passaport validu.

40      Barra minn hekk, peress li d-dritt ta’ residenza huwa dritt mogħti direttament mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1991, Roux, C‑363/89, Ġabra p. I-273, punt 9), il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal ċittadin ta’ Stat Membru, kif previst fid-Direttiva 68/360, m’għandux jitqies bħala att li jikkonferixxi drittijiet, imma bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fir‑rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX, C‑459/99, Ġabra p. I-6591, punt 74).

41      Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360, l-Istati Membri għandhom jagħtu d‑dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom lill-ħaddiema biss li jistgħu jipproduċu kemm id-dokument li bis-saħħa tiegħu huma jkunu daħlu fit-territorju tagħhom kif ukoll konferma ta’ impjieg minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta’ impjieg.

42      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 8 ta’ l-istess direttiva, dan jelenka, b’mod eżawrjenti, is-sitwazzjonijiet li fihom ċerti kategoriji ta’ ħaddiema jistgħu jingħataw rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza, mingħajr ma jingħataw permess ta’ residenza.

43      Minn dan isegwi li r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru msemmi fl-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 68/360 huwa rriżervat għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom impjieg diġà fl-ewwel Stat Membru. Dawk li jkunu qed ifittxu impjieg huma esklużi. Dawn jistgħu jibbażaw ruħhom biss fuq id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jikkonċernaw iċ-ċaqliq tagħhom fi ħdan il-Komunità.

44      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali m’għandhiex dritt ta’ residenza fir-Renju Unit abbażi biss tad-Direttiva 68/360.

 Fuq it-tielet domanda

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

45      Skond B.F. Collins, m’hemmx dubju li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li kien residenti legalment fir-Renju Unit u li l-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. Konsegwentement, kif il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I-6193), il-ħlas ta’ benefiċċju taħt sistema mhux kontributtiva u li hija bbażata fuq ir-riżorsi ta’ l-applikant, lil ċittadin ta’ Stat Membru li m’huwiex l-Istat Membru ospitanti ma jistax ikun suġġett għall‑kundizzjoni li ma tkunx tapplika għaċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat. B.F. Collins jaċċetta li l-kriterju tar-residenza abitwali japplika wkoll għaċ‑ċittadini tar-Renju Unit. Madankollu, huwa paċifiku li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali għandha titqies bħala diskriminatorja fis-sens tad-dritt Komunitarju jekk, intrinsikament, iċ-ċittadini ta’ l-Istat membru kkonċernat jistgħu jissodisfawha b’mod iktar faċli.

46      Il-Gvern tar-Renju Unit u dak Ġermaniż isostnu li ma teżisti ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju tad-dritt Komunitarju li jeżiġu l-ħlas ta’ benefiċċju bħalma hija l-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg lil persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ B.F. Collins.

47      Għal dak li jikkonċerna l-eżistenza potenzjali ta’ diskriminazzjoni indiretta, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-kriterji użati għall-għoti ta’ l-allowance in kwistjoni ma jeċċedux dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan segwit. Il-kriterji msemmija jikkostitwixxu metodu proporzjonat u, għaldaqstant, ammissibbli biex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant u s-suq ġeografiku tax‑xogħol. Fin-nuqqas ta’ tali kriterji, il-persuni li ma jkollhom ebda rabta jew li jkollhom biss rabta żgħira mas-suq tax-xogħol fir-Renju Unit, bħal fil-każ ta’ B.F. Collins, ikollhom kieku l-possibbiltà li jitolbu l-benefiċċju ta’ din l‑allowance.

48      Skond il-Kummissjoni, huwa paċifiku, minn naħa, li B.F. Collins verament fittex impjieg fir-Renju Unit għall-perijodu ta’ xahrejn ta’ wara li wasal f’dak l‑Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li huwa kien jirrisjedi legalment fit-territorju tar-Renju Unit bħala persuna li qed tfittex impjieg. Bħala ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi legalment fir-Renju Unit, m’hemmx dubju li huwa seta’ jibbenefika mill‑protezzjoni offruta mill-Artikolu 6 tat-Trattat kontra kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju. Dan japplika ġustament għall-każ ta’ l-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg, li għandu jitqies bħala benefiċċju soċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

49      Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li huwa ċar li d-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor sabiex wieħed ifittex impjieg hemmhekk jista’ jiġi limitat għal żmien raġonevoli u li, konsegwentement, id-dritt ta’ B. F. Collins li jibbaża ruħu fuq l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat biex jitlob il-benefiċċju ta’ l-allowance imsemmija, l-istess bħalma japplika għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, jiġi limitat ukoll għal dak il‑perijodu ta’ residenza legali.

50      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni tar-residenza abitwali tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta in kwantu hija tista’ tiġi sodisfatta b’mod iktar faċli miċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti milli minn dawk ta’ l‑Istati Membri l-oħra. Għalkemm hemm raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw tali kundizzjoni, in kwantu hija intiża neċessarjament li tevita t‑“turiżmu soċjali” u għaldaqstant li tipprevjeni abbużi eventwali min-naħa ta’ persuni li taparsi jkunu qed japplikaw għal impjieg, il-Kummissjoni tosserva li, fir-rigward ta’ B.F. Collins, m’hijiex ikkontestata l-ġenwinità tat-tfittixija ta’ impjieg tiegħu. Fil-fatt, huwa ma waqafx jaħdem minn mindu sab xogħol ftit wara li huwa daħal fir-Renju Unit.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Bit-tielet domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk teżistix dispożizzjoni jew prinċipju tad-dritt Komunitarju li abbażi tiegħu ċittadin ta’ Stat Membru li jkun verament qed ifittex impjieg fi Stat Membru ieħor jistax jitlob hemmhekk li jingħata l-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg, bħal dik prevista fil-Liġi ta’ l-1995.

52      Preliminarjament, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk persuna bħalma hija r-rikorrent fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall‑persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil‑verżjoni tagħha emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-digriet tar-rinviju, il-persuna kkonċernata qatt ma rrisjediet fi Stat Membru ieħor qabel ma fittxet impjieg fir-Renju Unit, b’mod li r‑regola tat-totalizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 ma tapplikax fil-kawża prinċipali.

53      Skond ir-Regolament ta’ l-1996, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu qed ifittxu impjieg, in kwantu m’humiex ħaddiema fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68 jew ma jgawdux mid-dritt ta’ residenza tad-Direttiva 68/360, ma jistgħux jitolbu li jirċievu din l-allowance sakemm ma jkunux jirrisjedu abitwalment fir‑Renju Unit.

54      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-prinċipju tat-trattament ugwali jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg għall-kundizzjoni tar-residenza.

55      Skond l-Artikolu 6(1) tat-Trattat (li sar, wara emenda, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE), fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita. Peress li l-Artikolu 48(2) tat-Trattat [li sar, wara emenda, l-Artikolu 39(2) KE] huwa dispożizzjoni speċjali, ir-regolamenti ta’ l-1996 għandhom jiġu analizzati fl-ewwel lok fid-dawl ta’ dan l-artikolu.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fost id-drittijiet li l-Artikolu 48 tat‑Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) jagħti liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, hemm dak li jiċċaqalqu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra u li jirrisjedu hemmhekk sabiex ifittxu impjieg (sentenza Antonissen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

57      Għalhekk iċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkunu qed ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat (li sar, wara emenda l-Artikolu 39 KE) u, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-dritt għal trattament ugwali previst fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni.

58      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal trattament ugwali li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jkunu qed ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor jinkludix ukoll benefiċċji ta’ natura finanzjarja bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jiċċaqalqu biex ifittxu impjieg jibbenefikaw mit-trattament ugwali biss fir-rigward ta’ l-aċċess għall-impjieg skond l-Artikolu 48 tat-Trattat u skond l‑Artikoli 2 u 5 tar-Regolament Nru 1612/68, iżda mhux fir-rigward tal-benefiċċji soċjali u fiskali fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-regolament imsemmi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Lebon, punt 26, u tat-12 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 39 u 40).

59      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 612/68 jikkonċerna l-bdil ta’ l‑applikazzjonijiet u l-offerti ta’ l-impjieg kif ukoll il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg, filwaqt li l-Artikolu 5 ta’ l-istess regolament jirrigwarda l‑għajnuna mogħtija mill-uffiċċji ta’ l-impjiegi.

60      Huwa minnu li dawn l-artikoli ma jsemmux espressament il-benefiċċji ta’ natura finanzjarja. Madankollu, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dritt għal trattament ugwali għall-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg, dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, partikolarment ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 12 tat‑Trattat KE).

61      Fil-fatt, kif irrilevat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 tat-Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 12 KE) fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju. L-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri sabiex dawk fost dawn iċ-ċittadini li jkunu fl-istess sitwazzjoni jkunu jistgħu jiksbu, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l‑istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, Ġabra p.I-11613, punti 22 u 23).

62      Għandu jiġi rrilevat li fir-rigward ta’ student ċittadin ta’ l-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eliġibbiltà għall-benefiċċju soċjali taħt sistema mhux kontributtiva, bħalma hija l-allowance minima għas-sussistenza fil-Belġju (“minimex”) taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni kontra d‑diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza u li, għaldaqstant, l-Artikoli 6 u 8 tat‑Trattat jipprekludu li d-dritt għal benefiċċju soċjali jkun suġġett għall‑kundizzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni minħabba ċ‑ċittadinanza (sentenza Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

63      Fid-dawl tal-ħolqien taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni u ta’ l-interpretazzjoni tal‑ġurisprudenza tad-dritt għal trattament ugwali li jibbenefikaw minnhom iċ‑ċittadini ta’ l-Unjoni, m’huwiex iktar possibbli li mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48(2) tat-Trattat [li sar, wara emenda, l-Artikolu 39(2) KE], li huwa l-espressjoni tal-prinċipju fundamentali tat-trattament ugwali ggarantit mill‑Artikolu 6 tat-Trattat, jiġi eskluż benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru.

64      L-interpretazzjoni tal-portata tal-prinċipju tat-trattament ugwali fil-qasam ta’ l-aċċess għall-impjieg għandha tirrifletti dan l-iżvilupp, fil-konfront ta’ l‑interpretazzjoni mogħtija fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Lebon, u tat-12 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju.

65      Ir-Regolament ta’ l-1996 jintroduċi trattament differenti skond jekk tkunx persuna li tirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit jew le. Peress li din il-kundizzjoni tista’ tiġi sodisfatta b’mod iktar faċli miċ-ċittadini nazzjonali, l-imsemmi regolament iqiegħed fi żvantaġġ liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li użaw id-dritt tagħhom li jiċċaqalqu sabiex ifittxu impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn, C‑237/94, Ġabra p.  I-2617, punt 18, u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑388/01, Ġabra p. I-721, punti 13 u 14).

66      Din il-kundizzjoni tar-residenza tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal‑persuni kkonċernati u proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid‑dritt nazzjonali (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz, C‑274/96, Ġabra p. I-7637, punt 27).

67      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu għal-leġiżlatur nazzjonali li jixtieq jiżgura li jkun hemm rabta reali bejn il-persuna li tapplika għall-allowances li jkollhom natura ta’ benefiċċju soċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u s-suq ġeografiku tax-xogħol in kwistjoni (ara, fil-kuntest ta’ l-għoti tar-relief liż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom, is-sentenza D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

68      Għandu jiġi rrilevat li l-allowance għal min ikun qed ifittex impjieg introdotta bil-Liġi ta’ l-1995 hija benefiċċju tas-sigurtà soċjali li, filwaqt li ssostitwixxiet il-benefiċċju tal-qgħad u s-sussidju għad-dħul, teżiġi b’mod partikolari li l-persuna li titlobha tkun disponibbli biex taħdem, tkun qed tfittex impjieg b’mod attiv u ma jkollhiex dħul ogħla mill-ammont applikabbli u lanqas kapital ogħla minn ammont speċifikat.

69      Jista’ jingħad li huwa leġittimu li Stat Membru jagħti tali għajnuna biss wara li jkun possibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna li tkun qed tfittex impieg u s-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat.

70      L-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi vverifikata, b’mod partikolari, permezz tal-konstatazzjoni li l-persuna in kwistjoni, matul perijodu ta’ żmien raġonevoli, effettivament u realment kienet qed tfittex impjieg fl-Istat Membru in kwistjoni.

71      Ir-Renju Unit jista’ għalhekk jeżiġi li jkun hemm rabta bejn il-persuni li jitolbu li jibbenefikaw minn tali allowance u s-suq tax-xogħol tiegħu.

72      Madankollu, jekk il-kundizzjoni ta’ residenza tkun, fil-prinċipju, xierqa biex tiżgura tali rabta, biex tkun proporzjonata, hija ma tistax teċċedi dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dan il-għan. B’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni tagħha min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari u magħrufa minn qabel u għandha tkun prevista l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju. Fi kwalunkwe każ, jekk ikun meħtieġ perijodu ta’ residenza biex tali kundizzjoni tkun sodisfatta, dan il-perijodu m’għandux jeċċedi dak li hu neċessarju biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiżguraw li l-persuna kkonċernata hija verament qed tfittex impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti.

73      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt għal trattament ugwali previst fl-Artikolu 48(2) tat-Trattat [li sar, wara emenda, l‑Artikolu 39(2) KE], moqri flimkien ma’ l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat (li saru, wara emenda, l-Artikoli 12 u 17 KE), ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eliġibbiltà għal allowance għal min ikun qed ifittex impjieg għall‑kundizzjoni tar-residenza, sakemm din il-kundizzjoni tkun tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid‑dritt nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

74      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Gvern tal-Ġermanja, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA  (Assemblea Plenarja),

fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mis-Social Security Commissioner, b’digriet tat-28 ta’ Marzu 2002, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali m’hijiex ħaddiema fis-sens tat-Titolu II ta’ l-Ewwel Parti tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kunċett ta’ “ħaddiem” imsemmi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni għandux jinftiehem f’dan is-sens.

2)      Persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali m’għandhiex dritt ta’ residenza fir-Renju Unit abbażi biss tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom.

3)      Id-dritt għal trattament ugwali previst fl-Artikolu 48(2) tat-Trattat [li sar, wara emenda, l-Artikolu 39(2) KE], moqri flimkien ma’ l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat (li saru, wara emenda, l-Artikoli 12 u 17 KE), ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eliġibbiltà għal allowance għal min ikun qed ifittex impjieg għall-kundizzjoni tar‑residenza, sakemm dik il-kundizzjoni tkun tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali.

Skouris

Jann

Timmermans

Gulmann

Cunha Rodrigues

Rosas

La Pergola

Puissochet

Schintgen

Colneric

 

      von Bahr

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Marzu 2004.

Reġistratur

 

       Il-President

R. Grass

 

       V. Skouris


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.