Language of document : ECLI:EU:F:2011:169

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

29 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑9/07

Pilar Angé Serrano

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Bidla fil-kategorija taħt ir-reġim tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma — Regoli tranżitorji għall-klassifikazzjoni fil-grad fl-1 ta’ Mejju 2004 — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2006 — Klassifikazzjoni mill-ġdid abbażi tas-salarju tal-uffiċjali li jibbenefikaw minn allowance kumpensatorja — Fattur ta’ multiplikazzjoni applikabbli — Telf ta’ punti ta’ promozzjoni — Talba għal kumpens”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih P. Angé Serrano talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-20 ta’ Marzu 2006, li tikklassifikaha mill-ġdid fil-grad B*6, skala 8, mill-1 ta’ Mejju 2004, kif ukoll il-kundanna tal-Parlament li jħallasha danni bħal kumpens tad-dannu materjali u morali.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill, il-parti intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura — Awtorità ta’ res judicata — Portata

2.      Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida bir-Regolament Nru 723/2004 — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Artikolu 33 TFUERegolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2 u 10; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

3.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata — Limiti

1.      Sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibbli li jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw il-mezzi għal appell kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dan il-għan.

L-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza tista’ tostakola l-ammissibbiltà ta’ rikors jekk dak li ta’ lok għas-sentenza inkwistjoni kien bejn l-istess partijiet, kien fuq l-istess oġġett u kien ibbażat fuq l-istess kawża. L-awtorità ta’ res judicata hija konnessa biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni.

(ara l-punti 41 sa 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑281/89, punt 14; 30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, punt 38; 28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il-Kummissjoni, C‑277/95 P, punt 50; 16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C‑234/04, punt 20

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑66/01, punti 196 u 197, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija taħt ir-reġim tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali tal‑uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. Dawn tal-ewwel kisbu, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, prospetti ta’ karriera aħjar meta pparagunati ma’ dawn tal-aħħar, li ttieħdu inkunsiderazzjoni fid‑dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

Għalhekk, peress li, meta adotta r-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, il-leġiżlatur biddel is-sistema tal-karrieri kollha fis-seħħ, huwa ma setax jiġi obbligat jirriproduċi eżattament u b’mod identiku l-ġerarkija ta’ gradi tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, minħabba l-fatt li dan jippreġudika l-possibbiltà tiegħu li jwettaq xi emendi lir-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-kuntest, il-paragun tal-gradi ta’ ġerarkija preċedenti u sussegwenti għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex, fih innifsu, determinanti sabiex tiġi evalwata l-konformità tar-Regolamenti tal‑Persunal il-ġodda mal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament.

Ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jiddistingwu bejn il-karrieri tal-uffiċjali li, taħt ir-Regolamenti tal‑Persunal il-qodma kienu qegħdin f’diversi gradi tal‑ġerarkija u jiżguraw, għal dawk li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, prospetti ta’ karriera differenti minn dawk tal‑uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. B’mod partikolari, is‑sistema tranżitorja, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) u (2) tal‑Anness XIII tar-Regolamenti tal‑Persunal tiżgura, permezz tar‑regola ta’ waqfien ta’ progress tal-karriera u dik tal‑iffissar tar-rata ta’ promozzjoni għall-gradi differenti, prospetti aħjar ta’ karriera għall‑uffiċjali li kienu qegħdin f’gradi ogħla taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u għaldaqstant, dawk li avvanzaw fil-gradi wara li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija.

(ara l-punti 64, 66 u 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano, T‑47/05, punti 145 sa 147

3.      Id-dmir ta’ premura kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplikaw b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tad-dipartiment imma anki dak tal-uffiċjal ikkonċernat.

Dan id-dmir ta’ premura bl-ebda mod ma jġiegħel lill-amministrazzjoni taġixxi kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli. B’mod partikolari, dan ma jistax iwassal lill-amministrazzjoni li tagħti lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni effett li jmur kontra t-termini ċari u preċiżi ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, rikorrent ma jistax jinvoka l-obbligu ta’ diliġenza sabiex jikseb benefiċċji li r-regolamenti tal-persunal ma jagħtuhx.

(ara l-punti 88 u 89)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, punti 99 u 100, u l-ġurisprudenza ċċitata