Language of document : ECLI:EU:C:2011:30

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2011 (1)

Kawża C-263/09 P

Edwin Co. Ltd





(Appell – Trade mark Komunitarja – Tade mark verbali ELIO FIORUCCI – Dritt għall-isem – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata mill-portatur tal-patronimiku inkorporat fit-trade mark – Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Bord tal-Appell – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali)

I –    Introduzzjoni

1.        L-appellanta Edwin Co. Ltd u Elio Fiorucci ma jaqblux fuq min għandu jkun il-proprjetarju tat-trade mark verbali Komunitarja ELIO FIORUCCI. E. Fiorucci jibbaża ruħu fuq regoli legali Taljani li, fl-opinjoni tiegħu, jagħtuh id-dritt esklużiv li jirreġistra t-trade mark inkwistjoni.

2.        Inizjalment, E. Fiorucci u l-appellanta kienu f’tilwima fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u fi proċedura ta’ appell quddiem l-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (iktar ’il quddiem l-“UASI”). F’dawk il-proċeduri E. Fiorucci ddefenda d-dritt tiegħu għall-patronimiku tiegħu li sostna li kellu protezzjoni speċjali skont il-liġi Taljana. It-tilwima ewlenija bejn il-partijiet iffokat fuq jekk teżistix protezzjoni bħal din u jekk, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Dicembru 1993, dwar it-trade mark komunitarja (2) u l-liġi Taljana, E. Fiorucci kienx intitolat li jżomm lil terz milli jsir proprjetarju tat-trade mark verbali Komunitarja ELIO FIORUCCI. Fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell l-argument ta’ E. Fiorucci ma ġiex milqugħ.

3.        Permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009 fi Fiorucci vs UASI (3) (iktar ‛il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) annullat id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kkontestata f’dawk il-proċeduri “peress li fiha żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-Codice della Proprietà Industriale (kodiċi Taljan tal-proprjetà industrijali). [iktar ’il quddiem is-‛CPI’]” (paragrafu 1 tad-dispożittiv). Fis-sentenza appellata ġiet eżaminata u interpretata d-dispożizzjoni Taljana flimkien mal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”).

4.        L-appellanta qed tappella minn din is-sentenza u l-ilment billi prinċipalment tinvoka li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjoni Taljana inkwistjoni.

5.        Madankollu, il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkostitwixxu suġġett li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti l-opinjoni tagħha fi proċeduri tal-appell?

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea

1.      It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

6.        L-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji suffiċjenti sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.

[...]”

2.      It-Trattat Dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

7.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali skond dan il-paragrafu jistgħu jkunu suġġetti għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja limitatament għal punti ta’ dritt, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut.”

8.        L-Artikolu 263 TFUE jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġiżlattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta' korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom.

[...]”

3.      L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

9.        L-ewwl paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (4) jgħid:

“Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.”

4.      Ir-Regolament Nru 40/94

a)      Verżjoni applikabbli tar-Regolament Nru 40/94

10.      Mill-lat sostantiv, il-verżjoni tar-Regolament Nru 40/94 rilevanti għall-kawża preżenti hija l-verżjoni li kienet applikabbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-appell.

11.      Il-Bord tal-Appell tal-UASI kien meħtieġ li jasal għall-konklużjonijiet tiegħu abbażi tal-fatti u tad-dritt applikabbli fiż-żmien ta’ meta adotta d-deċiżjoni tiegħu (5). Skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 40/94 (6), tressqet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. L-evalwazzjoni ta’ jekk dik id-deċiżjoni fihiex żball ta’ liġi kellha ssir sempliċement skont il-pożizzjoni legali applikabbli fiż-żmien li fiħ ittieħdet id-deċiżjoni tal-appell li qed tiġi kkontestata (7). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali bbażat il-kunsiderazzjoni tagħha fuq il-verżjoni tar-Regolament Nru 40/94 applikabbli fiż-żmien li fiħ ġiet adottata d-deċiżjoni tal-appell (8). Dik il-verżjoni hija applikabbli ukoll fl-appell preżenti.

b)      Dispożizzjonijiet rilevanti

12.      Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 40/94 (9):

“Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

[…]

(c) jekk, bħala konsegwenza ta' l-użu li jkun sar minnha mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, it-trade mark aktarx tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fir-rigward tax-xorta, tal-kwalita’ jew ta’ l-oriġini ġeografika ta’ dawk l-prodotti jew servizzi.”

13.      Skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 (10):

“Trade-mark tal-Komunità għandha wkoll tkun iddikjarata invalida ma l-applikazzjoni lejn l-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontra-talba fil-proċedimenti tal-ksur meta l-użu ta’ tali trade-mark jista jkun ipprojbit bis-saħħa ta’ dritt aktar kmieni, u partikolarment:

(a) Dritt għall-isem;

(b) dritt għall-preżentazzjoni personali;

(c) id-dritt ta’ l-awtur;

(d) id-dritt għal proprjetà industrijali.

skont il-leġiżlazzjoni tal-Komunità jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni.”

14.      Skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (11):

“(1) Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

(2) Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom [(12)] jew abbuż ta’ poter.”

(3) Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tannulla jew tibdel deċiżjoni kkontestata.

[...]

(6) L-Uffiċċju huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

5.      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (13) (iktar ’il quddiem ir-“regolament implementattiv”)

15.      It-test li ġej jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tar-regolament implementattiv fil-verżjoni li kienet tapplika fiż-żmien li fiħ ittieħdet id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazjoni (14) u fiż-żmien li fiħ ittieħdet id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (15).

16.      Taħt l-intestatura “Applikazzjoni għar-revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”, ir-Regola 37 tgħid:

“Applikazzjoni lill-Uffiċċju għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ... għandu jkun fiha:

[...]

(b) f’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni.

[...]

(iii) fil-każ ta’ applikazzjoni skont Artikolu 52(2) tar-Regolament, dettalji tal-jedd li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u dettalji li juru [(16)] li l-applikant huwa l-proprjetarju ta jedd preċedenti kif imsemmi f’Artikolu 52(2) tar-Regolament jew li huwa intitolat taħt il-liġi nazzjonali applikabbli li jagħmel pretensjoni għal dak il-jedd;

[...]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

17.      Skont l-Artikolu 8(3) tas-CPI (17) fil-verżjoni applikabbli hawn (18), ismijiet ta’ persuni, sinjali użati fl-oqsma tal-arti, tal-letteratura, tax-xjenza, tal-politika jew tal-isport, it-titli u l-akronimi ta’ ġrajjiet u dawk ta’ korpi u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, inklużi l-emblemi karatteristiċi tagħhom, jistgħu, jekk dawn ikunu magħrufa sew, jiġu rreġistrati mill-propretarju, jew bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar jew tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 (19).

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

18.      Il-Qorti Ġenerali ddeskriviet il-fatti li wasslu għall-kawża kif ġej:

“1      Ir-rikorrent, l-istilist Elio Fiorucci, fis-snin 70 akkwista ġewwa l-Italja ċerta reputazzjoni. Wara problemi finanzjarji fis-snin 80, il-kumpannija tiegħu Fiorucci SpA, ġiet suġġetta għal amministrazzjoni ġudizzjarja.

2      Fil-21 ta’ Diċembru 1990 Fiorucci trasferixxa, permezz ta’ kuntratt, lill-intervjenti Edwin Co. Ltd, kumpannija multinazzjonali Ġappuniża, il-“patrimonju kreattiv” tiegħu kollu. L-Artikolu 1 tal-kuntratt kien jistipula:

“Il-Kumpannija Fiorucci ċċedi, tbiegħ u titrasferixxi lill-kumpannija Edwin […] li, min-naħa tagħha takkwista:

–      (i) it-trade marks irreġistrati fi kwalunkwe pajjiż, jew dawk li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fi kwalunkwe parti tad-dinja u l-privattivi kollha, disinni ornamentali jew ta’ użu u kull sinjal distintiv ieħor proprjetà tal-kumpannija Fiorucci, kif elenkati fl-annesss ta’ dan il-kuntratt [...]

–      iv) id-drittijiet kollha għal użu esklużiv tal-isem ‘FIORUCCI’, produzzjoni u bejgħ esklużiv tal-ħwejjeġ u prodotti oħra ffirmati ‘FIORUCCI’”.

[…]

4      Fit-23 ta’ Diċembru [2007], l-intervenjenti ppreżentat lill- [UASI] applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark verbali ELIO FIORUCCI bħala trade mark Komunitarja […].

5      Fis-6 ta’ April 1999, it-trade mark verbali ELIO FIORUCCI ġiet irreġistrata mill-UASI […].

6      Fit-3 ta’ Frar 2003, ir-rikorrent ippreżenta talba għar-revoka u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark skont l-Artikolu 50(1)(ċ) u l-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament […] Nru 40/94 […] kif emendat.

7      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ELIO FIORUCCI abbażi tal-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94, [...].

8      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni osservat li l-Artikolu 21(3) tal-Legge Marchi (il-liġi Taljana dwar it-trade marks) [li sar l-Artikolu 8(3) [tas-CPI]) kien applikabbli u annullat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni minħabba li ġiet ippruvata r-reputazzjoni tal-isem Elio Fiorucci u li ma kienx hemm prova ta’ kunsens […] għar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem bħala trade mark Komunitarja. […]

9.      Għaldaqstant, l-intervenjenti appellat quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI fejn talbitu jirriforma d-deċiżjoni kkontestatata billi jiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark inkwistjoni u jħalli r-reġistrazzjoni fis-seħħ.

10.      B’deċiżjoni tas-6 ta’ April 2006 […] l-Ewwel Bord tal-Appell [tal-UASI] laqa’ r-rikors tal-intervenjenti u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni billi kkonkluda li l-kawża ta’ invalidità relattiva [raġuni relattiva ta’ invalidità], imsemmija fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinitx tapplika għal dan il-każ, li ma kienx inkluż fost il-każijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 8(3) [tas-CPI]). It-talba għar-revoka tat-trade mark inkwistjoni, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ippreżentata mir-rikorrent, ukoll ġiet miċħuda mill-Bord tal-Appell.

11.      Il-Bord tal-Appell ippreċiża, b’mod partikolari, li l-għan tal-Artikolu 8(3) [tas-CPI] kien li jimpedixxi l-użu minn terżi ta’ isem persuna magħrufa għal skopijiet kummerċjali. […] Il-Bord tal-Appel irreleva li skont l-għarfien tiegħu ma kinitx teżisti ġurisprudenza dwar dan il-punt, iżda li l-“aħjar duttrina Taljana” donnha kienet tikkonferma li l-għan tad-dispożizzjoni ċċitata jispiċċa, fil-każ fejn dan il-potenzjal kummerċjali jkun diġà ġie sfruttat ħafna. Il-Bord tal-Appell indika li f’dan il-każ, ir-reputazzjoni tal-isem Elio Fiorucci fil-konfront tal-pubbliku Taljan żgur ma setgħetx tiġi ddefinita bħala r-riżultat ta’ użu ewlieni barra mill-qasam kummerċjali. […].

12      Fir-rigward tat-talba għar-revoka ppreżentata abbazi tal-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell ippreċiża li […]

13.      [...] l-pubbliku huwa konxju mill-użu li jsir attwalment tal-ismijiet personali bħala trade mark kummerċjali, iżda dan ma jfissirx li dawn l-ismijiet personali jikkorrispondu għal persuna reali. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li r-rikorrent, permezz tat-trasferiment tal-1990, kien ċeda d-drittijiet ta’ użu kollha li jikkorrispondu għat-trade mark FIORUCCI u għat-trade mark ELIO FIORUCCI. […].

14.      [...] F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark ELIO FIORUCCI, li tirrappreżenta sempliċement l-isem ta’ persuna, ma tagħti l-ebda indikazzjoni fuq il-kwalità stabbilita u li għaldaqstant ma jista’ jkun hemm l-ebda qerq fil-konfront tal-pubbliku.”

IV – Is-sentenza appellata

19.      Permezz tal-azzjoni tiegħu, E. Fiorucci talab lill-Qorti Ġenerali kemm li tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kif ukoll li tirrevoka t-trade mark Komunitarja kkontestata, jew alternattivament, li tqisha invalida. F’dak ir-rigward, huwa allega l-ksur tal-Artikolu 50(1)(ċ) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94.

20.      Ir-rikors tiegħu gie parzjalment milqugħ.

21.      Wieħed għandu jammetti, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal revoka magħmulha skont l-Artikolu 50(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fehma tagħha, ir-rekwiżiti partikolari neċessarji biex isem ta’ stilist jiġi meqjus li għandu t-tendenza li jqarraq (20) ma ġewx sodisfatti. Barra minn dan, ma kien hemm ebda provi li t-trade mark ġiet użata biex tqarraq (21).

22.      Meta kkunsidrat is-sottomissjoni bbażata fuq l-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 il-Qorti Ġenerali kkontemplat fid-dettal (22) l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tas-CPI, u dwar dak il-punt sostniet, inter alia:

“50      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) [tas-CPI], bħalma sostna l-Bord tal-Appell, mhijiex ikkonfermata bil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li ssemmi l-ismijiet ta’ persuni magħrufa mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-qasam li din ir-reputazzjoni nkisbet fih.

[…]”

53      Fit-tieni lok, bil-kontra ta’ dak li jagħti x’jifhem il-Bord tal-Appell […] anki fil-każ fejn l-isem ta’ persuna famuża jkun diġà ġie rreġistrat jew użat bħala trade mark de facto, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(3) [tas-CPI], mhijiex superfluwa jew mingħajr sens.

[…]

55      [..] mhuwiex eskluż li isem ta’ persuna famuża, irreġistrat jew użat bħala trade mark għal ċerti prodotti jew servizzi, jista’ jiġi reġistrat mill-ġdid għal prodotti jew servizzi differenti li ma għandhom l-ebda xebh ma’ dawk koperti mir-registrazzjoni preċedenti. […]

56      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-unika kundizzjoni sabiex l-Artikolu 8(3) [tas-CPI] jkun applikabbli hija biss dik relatata man-natura famuża tal-isem tal-persuna kkonċernata. […]

57      Fit-tielet lok, is-siltiet mill-parti tad-duttrina ċċitata [fid-]deċiżjoni kkontestata, [l]anqas ma jippermettu li jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) [tas-CPI] hija korretta kif sostnut mill-Bord tal-Appell fid-deċizjoni kkontestata.

58      Bl-istess mod, Vanzetti, li flimkien ma Di Cataldo, kiteb il-ktieb iċċitat [fid-]deċiżjoni kkontestata, deher bħala avukat għar-rikorrent fis-seduta u ddikjara li t-teżi adottata mill-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma tirriżulta minn dak li huwa kiteb fil-ktieb inkwistjoni, […].

59      [...] [F]ir-rigward ta’ Ricolfi, [...] huwa jagħmel riferiment għar-“reputazzjoni” [ta’ isem persuna] li tirriżulta minn użu ewlieni li ħafna drabi jkun ta’ natura mhux intraprenditorjali”, li b’ebda mod ma jeskludi r-reputazzjoni li tirriżulta minn użu “intraprenditorjali”, [...].

60      Huwa biss Ammendola [...] li jsemmi użu f’“qasam barra s-suq”, mingħajr madankollu ma jikkonkludi espressament li l-Artikolu 8(3) [tas-CPI] ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi protett isem ta’ persuna li ma akkwistatx ir-reputazzjoni tagħha f’qasam tali. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax, fuq il-bażi ta’ opinjoni ta’ awtur wieħed biss, tissuġġetta l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni għal kundizzjoni li ma tirriżultax mid-diċitura tagħha.

61      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) [tas-CPI]. Dan l-iżball kellu bħala riżultat li tiġi skartata, b’mod żbaljat, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-każ tal-isem tar-rikorrent, għalkemm ġie stabbilit li dan huwa isem ta’ persuna famuża.

[…]”

23.      Għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet ipperswadew lill-Qorti Ġenerali sabiex, fil-paragrafu 1 tad-dispożittiv, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell sa fejn din kien fiha żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tas-CPI, madankollu dawn ma wasslux sabiex jiġi ddikjarat li t-trade mark ikkontestata hija invalida. F’dak li jirrigwarda s-sottomissjoni li tallega li t-trade mark ELIO FIORUCCI kienet inkluża fit-trasferiment tat-trade marks kollha u tas-sinjali b’karattru distintiv kollha, il-Qorti Ġenerali sempliċement sostniet li dan l-argument ma kienx ġie eżaminat mill-Bord tal-Appell u għalhekk ċaħdet it-talba tar-rikorrent intiża għall-bdil tad-deċiżjoni kkontestata billi sostniet li dan essenzjalment ikun jinvolvi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi u investigatorji speċjali tal-UASI u jiddisturba l-bilanċ istituzzjonali (23).

V –    L-appell u t-talbiet tal-partijiet

24.      Fl-appell tagħha l-appellanta qed tikkontesta s-sentenza appellata u titlob li l-paragrafu 1 tad-dispożittiv jiġi annullat. Sussidjarjament, hija tibbaża t-talba tagħha għal annullament fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni. Iktar sussidjarjament, hija tikkontendi li fi kwalunkwe każ il-Qorti għandha tirreferi dak l-argument lill-UASI biex jiġi eżaminat. Iktar sussidjarjament, hija tibbaża t-talba tagħha għal annullament fuq allegazzjoni ta’ ċaħda ta’ ġustizzja fil-forma ta’ ksur tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94. Ħafna iktar sussidjarjament, hija tikkontendi li l-Qorti għandha tirreferi dan l-argument lill-UASI biex jiġi eżaminat. Barra minn dan, l-appellanta ssostni li l-Qorti għanda tordna lil E. Fiorucci jirrifondiha l-ispejjeż kollha soffruti minnha fl-ewwel u fit-tieni istanza, jew fil-każ li l-appell ma jintlaqax, tordna li l-ispejjeż jinqasmu.

25.      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil E. Fiorucci għall-ispejjeż.

26.      E. Fiorucci jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonferma l-paragrafi 1, 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, timmodifika l-paragrafi 33 sa 35 ta’ dik is-sentenza u tordna r-rifużjoni tal-ispejjeż tal-appell tiegħu.

27.      L-appellanta tikkontendi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-talba ta’ modifikazzjoni ta’ E. Fiorucci.

VI – Evalwazzjoni tal-aggravji tal-appell

A –    L-ewwel u t-tieni aggravju: ksur tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 8(3) tas-CPI

28.      Minħabba li l-istruttura normattiva tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 tfisser li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiddependu fuq xulxin u li f’dan ir-rigward l-argumenti tal-partijiet jikkoinċidu, jidhirli li jkun xieraq li ssir evalwazzjoni konġunta tal-ewwel żewġ aggravji tal-appell. Mill-lat sostantiv, l-argumenti tal-partijiet jistgħu jinqasmu f’dawk li b’mod ġenerali jikkontestaw l-applikabilità tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 għall-kawża preżenti u dawk li jitfgħu dubju fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tas-CPI fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94.

1.      L-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 huwa inapplikabbli?

29.      L-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat il kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94. L-appellanta ssostni li l-intitolament għar-reġistrazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 8 tas-CPI jipproteġi interessi purament finanzjarji f’dak li jirrigwarda sinjali li saru magħrufa sew fis-settur mhux kummerċjali. Min-naħa l-oħra, l-iskop tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jipproteġi l-interessi tal-personalità ta’ individwu f’dak li jirrigwarda d-dritt tiegħu għal ismu. Madankollu, skont l-appellanta, E. Fiorucci ma rnexxilux juri li kien hemm xi ksur ta’ dan id-dritt.

a)      Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94

30.      Skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi bbażata “b’mod partikolari” fuq dritt għall-isem (subparagrafu (a)) iżda anki fuq dritt għall-preżentazzjoni personali (subparagrafu (b)), id-dritt tal-awtur (subparagrafu (c)), u dritt għal proprjetà industrijali (subparagrafu (d)) jew xi dritt ieħor preċedenti fejn skont il-liġi li tirregola l-ħarsien ta’ dan id-dritt l-użu mit-trade mark ikkontestata jista’ jkun ipprojbit.

31.      Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa wiesgħa u miftuħ ħafna. Id-drittijiet imsemmija espliċitament iżda mhux b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni, kollha jirrigwardaw kwistjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp tad-dritt dwar it-trade marks. Barra min hekk, l-unika karatterisitka komuni tagħhom hija li jagħtu lill-proprjetarju tagħhom – indipendentement mir-raġuni legali – il-jedd li jipprojbixxi l-użu mit-trade mark.

32.      Għalhekk, mill-kliem tad-dispożizzjoni, wieħed bilkemm jista’ jissupponi l-fatt li din hija limitata biss għal dak li għandu x’jaqsam mal-ippreġudikar tal-interessi tal-personalitá jew tal-interessi intanġibbli tal-kreattività tal-proprjetarju tad-dritt, b’mod partikolari minħabba li kemm fil-każ tad-dritt tal-awtur kif ukoll f’dak tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali ingenerali, l-enfażi x’aktarx li tkun fuq interessi tanġibbli. Għalhekk, kemm l-interpretazzjoni letterali kif ukoll dik sistematika tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 imorru kontra l-interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni.

33.      Il-prassi deċiżjonali tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI tikkonferma din l-interpretazzjoni. Dawn il-Bordijiet laqgħu t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi ta’, pereżempju, tad-dritt ta’ immaġni (24) u d-dritt ta’ tpinġija ta’ werqa tad-dielja (25) mħarsa bid-dritt tal-awtur, u kkunsidraw l-applikabilità tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 għat-titli tal-films (26), mingħajr ma daħlu fil-kwistjoni ta’ restrizzjoni teleoloġika bil-mod sostnut mill-appellanta.

b)      Konklużjoni intermedjarja

34.      Għalhekk, jekk id-dritt previst fl-Artikolu 8 tas-CPI li qed jinvoka E. Fiorucci fil-fatt jeżisti, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 japplika għall-kawża preżenti.

2.      L-evalwazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8 tas-CPI tagħti lok għal ksur tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94?

a)      L-argumenti tal-partijiet

35.      L-appellanta u l-UASI jikkontendu li l-Artikolu 8 tas-CPI ġie interpretat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali u li dan neċessarjament jirriżulta fi ksur tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

36.      Skont l-appellanta, permezz tar-riferiment magħmul fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-Artikolu 8(3) tas-CPI sar “parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea”. Madankollu, hija ssostni li l-Artikolu 8(3) tas-CPI ma jikkonferixxix fuq E. Fiorucci, bħala l-portatur ta’ dak l-isem, id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżda sempliċement id-dritt prijoritarju li jirreġistra dak l-isem bħala trade mark. It-trade marks li jinkludu l-element FIORUCCI, inkluża, apparti t-trade mark Taljana FIORUCCI, it-trade mark tan-New Zealand ELIO FIORUCCI, kienu prċedentement irreġistrati minn E. Fiorucci. Sussegwentement huwa biegħ dawn it-trade marks lill-appellanta permezz ta’ Fiorucci SpA. Minħabba li jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade marks diġà protetti, E. Fiorucci ma jistax iżjed jirreġistra – fejn dan imur kontra x-xewqat tal-proprjetarju tat-trade mark – trade marks li għandhom fihom l-element FIORUCCI (27).

37.      L-appellanta tkompli tikkontendi li l-Artikolu 8(3) tas-CPI japplika biss għal ismijiet li kienu saru magħrufa sew għall-ewwel darba f’qasam li ma huwiex kummerċjali. Dan jirriżulta kemm mid-duttrina legali Taljana kif ukoll minn sentenzi preċedenti dwar l-Artikolu 8(3) tas-CPI li jirrigwardaw biss “sinjali mhux kummerċjali”. Għall-appellanta, ma huwiex komprensibbli li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx din il-ġurisprudenza invokata anki fl-ewwel istanza.

38.      L-UASI essenzjalment jilmenta li fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 8(3) tas-CPI, il-Qorti Ġenerali ma investigatx ir-riperkussjonijiet tal-bejgħ tat-trade marks kollha li jinkludu l-element FIORUCCI. Dawk it-trade marks ġew irreġistrati bil-kunsens ta’ E. Fiorucci. Għalhekk, hija ssostni li huwa eżawrixxa d-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 8(3) tas-CPI. L-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi għall-Artikolu 8(3) tas-CPI. Għalhekk, interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjoni Taljana tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

39.      E. Fiorucci jopponi dan l-argument billi jinsisti li huwa parzjalment inammissibbli minħabba li ma ġiex invokat fl-ewwel istanza, u parzjalment infondat.

b)      Kwistjonijiet li għandhom jiġu ċċarati

40.      Peress li l-Artikolu 8 tas-CPI ma huwiex dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“dritt tal-UE”), iżda dispożizzjoni tad-dritt Taljan, ser neżamina l-ewwel nett kif din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94.

41.      Bħala t-tieni pass, ser nikkunsidra jekk, u jekk iva, sa fejn l-ilment dwar l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8 tas-CPI jistax jiġi invokat quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“qrati tal-UE”).

i)      Struttura normattiva tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidrat flimkien mad-dritt nazzjonali: id-dritt tal-UE ma jassimilax id-dritt nazzjonali

–       Interpretazzjoni letterali u sistematika tad-dispożizzjoni inkwistjoni

42.      Jekk wieħed jeżamina l-kliem tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament 40/94 jidher, li biex jinkiseb dritt għal isem li jmur kontra l-użu ta’ trade mark, din id-dispożizzjoni tistabilixxi distinzjoni, jiġifieri, drittijiet ibbażati jew fuq “leġiżlazzjoni Komunitarja jew fuq il-liġi nazzjonali” (28). Minn dan l-approċċ fuq żewġ binarji stabbiliti mill-leġiżlatur jirriżulta li fl-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 jista’ jkun preliminarjament neċessarju li, meta jkun hemm inkwistjoni r-rilevanza tad-dritt għall-isem fil-konfront ta’ trade mark sussegwenti, jiġi eżaminat id-dritt nazzjonali.

43.      Madankollu, dan il-fatt ma jagħtix lid-dritt nazzjonali l-karattru ta’ dritt tal-UE. B’mod partikolari, il-ġurisprudenza li tgħid li d-dritt internazzjonali jista’ jifforma parti integrali mid-dritt tal-UE ma hijiex rilevanti hawn (29). Għal kuntrarju, il-kliem innifsu tad-dispożizzjoni jaħdem kontra l-assimilazzjoni tad-dritt nazzjonali fid-dritt tal-UE u jagħti x’jifhem li ż-żewġ kwistjonijiet huma separati min xulxin. Għalhekk, anki fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “dritt għall-isem”, l-Artikolu 8 tas-CPI jippreserva l-karattru tiegħu ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.

–       Status speċjali mogħti lid-dritt nazzjonali fid-dawl tar-regolament implementattiv.

44.      Jekk wieħed iħares lejn ir-Regolament implementattiv, jara li dan jikkonferma li d-dritt nazzjonali li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 ma huwiex assorbit mid-dritt tal-UE, iżda għandu jiġi kkunsidrat f’kuntest leġiżlattiv indipendenti u separat mid-dritt tal-UE.

45.      Skont ir-Regola 37, l-applikant għandu jipprovdi “dettalji li juru li [huwa] huwa l-proprjetarju ta’ jedd preċedenti kif imsemmi f’Artikolu 52(2) tar-Regolament jew li huwa intitolat taħt il-liġi nazzjonali applikabbli li jagħmel pretensjoni għal dak il-jedd” (30).

46.      Għalhekk, l-applikant għandu kemm l-obbligu li jippreżenta l-fatti kif ukoll l-oneru li jipprova lill-UASI li d-dritt inkwistjoni li qiegħed jinvoka jippermetti l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark sussegwenti (31).

47.      Għall-ewwel, din l-assenjazzjoni tal-obbligu li wieħed jippreżenta l-fatti u tal-oneru tal-provi tidher stramba minħabba li xxaqleb il-pożizzjoni legali nazzjonali lejn is-sottomissjonijiet dwar il-fatti (32). Madankollu meta wieħed iħares iżjed mill-qrib, dan jihder konsistenti, u l-funzjoni tad-dritt nazzjonali tidher xierqa fil-każijiet fejn dan ikun s-suġġett ta’ riferiment fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

48.      F’dak li jirrigwarda l-proċeduri legali tal-UE, id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-UE ma jikkostitwixxux l-istess tip ta’ dritt, u fl-applikazzjoni tagħhom jippreżentaw differenzi prattiċi importanti. Dawn joħorġu biċ-ċar anki fil-prassi ġudizzjarja.

ii)    Status speċjali mogħti lid-dritt nazzjonali fil-prassi ġudizzjarja tal-qrati tal-UE

–       Osservazzjoni preliminari ġenerali

49.      Il-qrati tal-UE għandhom l-inkarigu li jiżguraw li “d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati” (33) (Artikolu 19 TUE). Bħala prinċipju, l-inkarigi tagħhom ma jinkludux l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Dak huwa x-xogħol tal-qrati tal-Istati Membri. Madankollu, meta jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni Ewropea, bħal ma qed isir fil-kawża preżenti, jistgħu iqumu kwistjonijiet dwar is-sustanza u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

50.      F’dan ir-rigward, ma hemm ebda strumenti speċifiċi disponibbli għall-qrati tal-UE li bihom dawn jistgħu jistabilixxu l-pożizzjoni legali nazzjonali fir-rigward ta’ sett partikolari ta’ fatti. Id-dritt tal-UE ma jipprovdix għal proċedura, simili għas-sisema tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, li permezz tagħha jista’ jsir rinviju lill-qrati supremi nazzjonali jew lill-korpi nazzjonali oħra biex tinkiseb deċiżjoni li torbot fuq kwistjoni partikolari ta’ dritt nazzjonali.

51.      Bl-istess mod, l-anqas id-dritt proċedurali tal-UE ma jipprovdi, f’każ bħal dan, li l-proċeduri għandhom neċessarjament jiġu sospiżi u li l-partijiet għandhom jiġu ordnati jmorru bil-kawża quddiem il-qrati nazzjonali u jiksbu, permezz ta’ azzjoni dikjaratorja, deċiżjoni dwar il-pożizzjoni ġuridika. Bħala regola, għal raġunijiet prattiċi ovvji, il-qrati tal-UE u a fortiori l-korpi l-oħra responsabbli biex japplikaw id-dritt tal-UE (34) x’aktarx li ser isibuha disproporzjonatament iżjed diffiċli biex jistabilixxu b’mod korrett id-dritt nazzjonali applikabbli għal sett partikolari ta’ fatti milli biex jeżaminaw il-kawża mill-perspettiva tad-dritt tal-UE.

52.      Għalkemm skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tagħha (35) il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ b’mod ġenerali “teħtieġ li l-Istati Membri [...] jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tqis meħtieġa għall-fini tal-proċess”, madankollu, l-ewwel nett, din id-dispożizzjoni ma hija ta’ ebda għajnuna meta l-Qorti tiġi kkonfrontata bid-dritt nazzjonali ta’ pajjiż mhux membru u, t-tieni nett, l-informazzjoni dwar is-sustanza, ngħidu aħna, ta’ leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, ma hijiex ekwivalenti għal deċiżjoni ġudizzjarja li torbot dwar il-pożizzjoni legali li tapplika għal sett partikolari ta’ fatti.

–       Id-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94

53.      Madankollu, għall-inqas fil-każ tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 inkwistjoni hawnhekk, il-qrati tal-UE ma għandhomx din il-problema. Skont ir-regolament implementattiv, l-applikant innifsu għandu jipproduċi l-provi tad-dritt li jkun qed jinvoka. Għalhekk, l-inkarigu tal-UASI u, jekk il-kwistjoni tkompli għaddejja, tal-qrati tal-UE li lilhom tiġi rreferita t-tilwim, huwa li jevalwa l-provi ppreżentati minn din il-parti – u xejn iżjed (36).

54.      Wieħed għandu jammetti, li ma hemm ebda dispożizzjoni speċifika f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ġudizzjarji li jikkorrispondu mar-Regola 37 tar-regolament implementattiv. Madankollu, ma hemm ebda raġuni li wieħed jinjora l-prinċipju stabbilit minn din ir-regola fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. Jekk is-suġġetti tat-tilwima quddiem ill-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali jkunu identiċi (37), ikun loġikament konsistenti li dan għandu japplika ukoll f’dak li jirrigwarda l-assenjazzjoni u l-portata, bejn il-partijiet, tal-obbligu tal-preżentazzjoni tal-fatti u fir-rigward tal-oneru tal-prova.

55.      Għalhekk, mill-perspettiva ta’ dawk li qed japplikaw id-dritt tal-UE, id-dritt nazzjonali li għandu jiġi eżaminat bħala kwistjoni preliminarja joħroġ mill-isfera ġuridika u jsir iżjed qrib tal-isfera fattwali għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-prova (38).

56.      Meta għandhom jiġu ppreżentati fatti li huma suġġetti għall-oneru tal-prova (39), billi jikkwalifika d-dritt nazzjonali li għandu jiġi eżaminat bħala kwistjoni preliminarja ta’ fatti, id-dritt tal-UE jkun, l-ewwel nett, konformi mal-prinċipji klassiċi tad-dritt internazzjonali privat (40). It-tieni nett, dan il-metodu, li f’dan il-qasam tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar it-trade marks jidher li ġie inkorporat – każ b’każ u b’mod impliċitu - fid-dritt sostantiv, permezz tar-regolament implementattiv, jikkorrispondi wkoll għall-prassi konvenzjonali tal-qrati internazzjonali u tat-tribunali tal-arbitraġġ (41). Jekk il-prinċipju iura novit curia huwa applikabbli, dan effettivament japplika biss għall-kwistjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali iżda mhux tad-dritt nazzjonali (42), li s-sustanza tiegħu għandha tiġi ppruvata meta jkun meħtieġ permezz tal-produzzjoni ta’ provi, u li għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-argument invokat mill-partijiet mingħajr ebda obbligu tal-qorti li twettaq eżami iżjed metikoluż tal-kwistjoni.

–       Konklużjoni intermedjarja

57.      Għalkemm is-sempliċi riferiment għad-dritt nazzjonali fir-Regolament Nru 40/94 ma jittrasformax lil dan id-dritt fi dritt tal-UE, evalwazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali, fejn dan ikun rilevanti bħala kwistjoni preliminarja għall-iskopijiet tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, tista’ xorta waħda tirriżulta f’deċiżjoni li b’mod żbaljat taċċetta jew tiċħad l-eżistenza ta’ kriterju, bħal ma huwa d-dritt għall-isem, li tipprevjeni l-użu ta’ trade mark.

58.      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk ilment bħal dan jistax ikun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti Ġenerali, jew fuq appell mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser tiġi evalwata hawn taħt.

iii) L-ilment li jallega l-ksur tal-Artikolu 8(3) tas-CPI quddiem il-qrati tal-UE.

59.      Is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-appellanta u ta’ E. Fiorucci jqisu inparti, b’mod ddettaljat, id-diversi modi ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni invokata mid-duttrina Taljana li kull parti tixtieq tadotta biex issostni l-pożizzjoni tagħha. Madankollu, f’dan ir-rigward, ma ssemmiet ebda kwistjoni dwar jekk meta jsir l-appell il-Qorti tal-Ġusitzzja hijiex awtorizzata tistħarreġ l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmulha fl-ewwel istanza mill-Qorti Ġenerali. Waqt is-seduta, l-appellanta kkontendiet li meta jsir l-appell, id-dritt nazzjonali – sa fejn ikun qed isir riferiment għalih mid-dritt tal-UE – għandu jkun suġġett għal stħarriġ komprensiv. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tal-UASI, jidher li stħarriġ sempliċement limitat għal żbalji manifesti, u b’mod partikolari, abbażi tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa ġġustifikat. E. Fiorucci jikkunsidra li l-qorti tal-Appell għandha tillimità ruħha strettament għall-istħarriġ tad-dritt tal-UE.

60.      Analiżi preliminari tad-dritt tat-trade marks u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali tindika li l-qrati tal-UE ma għandhomx neċessarjament japplikaw l-istess qies ta’ paragun meta jkunu qed jikkunsidraw jekk l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tistax tiġi eżaminat għal żbalji ta’ liġi. Fil-proċeduri tal-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali u fi proċeduri tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw prinċipji differenti. Ir-raġuni għal din id-differenza huwa l-fatt li d-dritt nazzjonali, imneżża mill-karattru normattiv tiegħu quddiem il-qrati tal-UE, huwa assimilat, biex wieħed jgħid hekk, għas-sottomissjonijiet tal-partijiet fuq il-fatti. Għalhekk, skont dan it-trattament, meta jsir appell, dan ikun suġġett – l-istess bħalma huma suġġetti s-sottomissjonijiet fuq il-fatti – biss għal eżami limitat.

–       L-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li issa sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009)

61.      Skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell “[jistgħu jinfetħu] fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”.

62.      L-espressjoni “Qorti tal-Ġustizzja” f’din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja bħala istituzzjoni u mhux bħala istanza ġudizzjarja (43). Għalhekk, l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tista’ titressaq abbażi, inter alia, ta’ “ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament, jew ta’ kull regola ġuridika li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom” (44).

63.      L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija xi tifsser “regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni [tar-Regolament Nru 40/94]’.

64.      Meta wieħed jinterpretaha b’mod litterali, il-frażi “regola tal-liġi” tinkludi mhux biss dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE iżda anki dawk tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari f’ċirkostanzi li fihom, bħal fil-kawża preżenti, id-drittijiet preċedenti jikkonfliġġu mat-trade mark Komunitarja (45).

65.      Barra minn hekk, l-espressjoni il-liġijiet “li [jirrigwardaw] l-applikazzjoni tagħhom” ma tirreferixxix biss għad-dispożizzjonijiet tar-regolament implementattiv. Li kieku wieħed kellu jadotta interpretazzjoni stretta li tkopri biss ir-regolament implementattiv, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali fir-Regolament Nru 40/94 jkunu esklużi u mhux suġġetti għal stħarriġ mill-Qorti Ġenerali. Dan ikun problematiku fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva.

66.      Verżjonijiet lingwistiċi oħra (46) jikkonfermaw interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 li tiffavorixxi l-protezzjoni legali. Għandu jiġi osservat li, pereżempju, il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 tagħmel riferiment għal “violation du traité, du présent règlement ou de toute règle de droit relative à leur application” (47). Il-pronom possessiv ‘leur’, li huwa pronom fil-plural, jindika b’mod iżjed ċar mill-verżjoni Ġermaniża li din id-dispożizzjoni tikkonċerna kemm l-applikazzjoni tat-Trattat kif ukoll dik tar-Regolament Nru 40/94. Sempliċement għal din ir-raġuni, ma jkunx jagħmel sens li l-frażi “regola tal-liġi” tiġi limitata għal dispożizzjonijiet tar-regolament implementattiv, li jirreferu biss għar-Regolament Nru 40/94 iżda mhux għat-Trattat innifsu (48). Għalhekk, il-frażi “regola tal-liġi” tinkludi d-dispożizzjonijiet kollha li għandhom jiġu osservati fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar- Regolament Nru 40/94.

67.      Għalhekk bħala konklużjoni intermedjarja jista’ jingħad li interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali – sa fejn applikazzjoni tiegħu tkun meħtieġa fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 – tista’ f’kull każ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali (49).

68.      Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, u meta wieħed iqis il-provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell, il-fatt li fis-sentenza appellata (50) sar eżami metikoluż tal-Artikolu 8(3) tas-CPI (51), ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkontestat abbażi tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94.

69.      Madankollu, dan ma jsolvix il-kwistjoni fundamentali fl-appell preżenti, jiġifieri jekk l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali li l-Qorti Ġenerali għamlet u li kienet intitolata li tagħmel skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

iv)    L-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-proċeduri tal-appell

70.      Skond l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell jista’ jsir biss fuq punti ta’ liġi. Dan jista’ jkun ibbażat fuq motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellanta kif ukoll fuq il-ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

–       Interpretazzjoni letterali

71.      Jekk wieħed jieħu l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod litterali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija prekluża milli teżamina aggravju li jallega ksur tad-dritt nazzjonali. B’mod speċifiku, tali aggravju ma jikkontestax “ksur ta’ dritt tal-Unjon” mill-Qorti Ġenerali iżda żbalji allegati fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

72.      Il-fatt li l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 jista’ jeħtieġ li jsir riferiment għad-dritt nazzjonali biex tiġi ddeterminata r-rilevanza tad-drittijiet għall-isem preċedenti fil-konfront ta’ trade marks sussegwenti ma jittrasformax kull dritt nazzjonali applikat f’dan ir-rigward fi dritt tal-UE li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ appell (52).

73.      Barra dan, din il-konsegwenza hija kkorroborata mhux biss mill-istruttura u l-kliem tad-dispożizzjoni sostantiva iżda anki mill-kunsiderazzjoni ġenerali tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-kawżi u l-appelli.

–       Interpretazzjoni sistematika

74.      Għall-ewwel, meta wieħed jipparaguna l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, jara li d-dispożizzjoni tal-aħħar espliċitament tippermetti li kawża tiġi ppreżentata abbażi ta’ ksur ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li fil-kuntest tal-appelli l-Istatut jirreferi b’mod espliċitu għall-kunċett ristrett tad-dritt tal-Unjoni. Il-leġiżlatur seta’ faċilment japplika d-distinzjoni sottili magħmulha fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 anki fir-rigward tal-Artikolu 58 tal-Istatut, u seta’ jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-qorti tal-appell, mhux biss id-dritt tal-Unjoni, iżda, b’mod parallel, anki għal “atti legali [oħra] li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tiegħu”.

75.      Madankollu – u barra minn hekk b’kuntrast mad-dispożizzjoni ġenerali li tinsab fl-Artikolu 263(2) TFUE dwar kawżi ppreżentati fl-ewwel istanza – dan ma seħħx. Jekk l-Artikolu 263(2) TFUE jiġi pparagunat, l-ewwel, mal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 u, imbagħad, mal-Artikolu 58 tal-Istatut, jirriżulta b’mod ċar li fil-proċeduri tal-appell, b’kuntrast ma’ dak li jista’ jkun il-każ fl-ewwel istanza, evalwazzjoni ta’ regoli ġuridiċi li ma humiex dritt tal-UE hija, bħala prinċipju, prekluża.

76.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE ukoll ma jiġġustifikax xi konklużjoni differenti. Għalkemm huwa ċertament minnu li din id-dispożizzjoni tipprovdi, b’mod ġenerali “għal [dritt ta’] appell [...] limitatament għal punti ta’ dritt” li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, donnha tippermetti l-inklużjoni ta’ punti ta’ liġi anki f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali. Madankollu, l-appell għandu jkun “fil-limiti previsti fl-Istatut”, li konsegwentement jirriżulta fl-esklużjoni, fl-istadju tal-appell, ta’ lmenti li jallegaw ksur tad-dritt nazzjonali.

77.      Għalhekk, l-analiżi sistematika tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kawżi u l-appelli bħala prinċipju timplika wkoll li l-evalwazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali hija eskluża fl-istadju tal-appell. Dan jidher li huwa konsistenti wkoll, minħabba li mill-perspettiva ta’ dawk li jkunu qed japplikaw id-dritt tal-UE, ir-regola nazzjonali tifforma parti mill-kwistjonijiet ta’ fatt, li l-evalwazzjoni tagħhom ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-appell, għall-inqas sa fejn ma hemm ebda allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żnaturat it-tifsira ċara tas-sottomissjoniet tal-ewwel istanza jew il-provi (53).

78.      Għalhekk, l-iżbalji ta’ liġi preżunti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 f’dak li jirrigwarda l-portata tal-protezzjoni ta’ “dritt preċedenti ieħor” jistgħu, meta dak id-dritt preċedenti jkun ġej mid-dritt tal-UE, jiġu eżaminati b’mod komprensiv anki fl-istadju tal-appell; iżda dan jista’ jsir biss fi proċeduri mibdija fl-ewwel istanza fejn id-dritt nazzjonali jirregola l-protezzjoni ta’ dan id-dritt preċedenti.

–       Konklużjoni intermedjarja

79.      Jekk wieħed jadotta dan il-metodu restrittiv, l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tas-CPI jkollu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr ma jsir ebda eżami tal-merti tiegħu. F’dak li jirrigwarda l-iskop tal-eżami, id-dritt proċedurali tal-UE – għall-inqas fil-kuntest tar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja rilevanti f’din il-kawża – jipprovdi għal sistema bbilanċjata ta’ rimedji ġudizzjarji fuq żewġ livelli. Taħt din is-sistema, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, motiv imressaq fl-ewwel istanza dwar kwistjoni ta’ dritt nazzjonali huwa ammissibbli iżda aggravju li jqajjem l-istess kwistjoni huwa, bħala prinċipju, inammissibbli.

–       Nuqqas ta’ żnaturament

80.      Il-fatt li meta jiġi applikat l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali tiġi assimilata għal kwistjoni ta’ fatti jippermetti, madankollu, li jkun hemm possibiltà limitata ħafna ta’ stħarriġ fl-istadju tal-appell. Bħala prinċipju, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva li tistabilixxi u tikkunsidra l-fatti rilevanti u li tevalwa l-provi (54). Madankollu, hemm kwistjoni ta’ dritt li tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ appell fejn jiġi allegat li mis-sottomissjonijiet tal-ewwel istanza jirriżulta b’mod ċar li l-konklużjonjiet tal-ewwel istanza huma fil-fatt żbaljati (55) jew li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar tal-provi prodotti. L-ipoteżi tal-aħħar diġà ġiet rikonoxxuta fil-każ fejn l-evalwazzjoni tal-provi prodotti kienet manifestament żbaljata (56), u dan ċertament japplika fejn tali żnaturament ikun jidher biċ-ċar mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun hemm ebda bżonn li wieħed jagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (57).

81.      Allegazzjoni ta’ żnaturament bħal din ma tistax tiġi argumentata b’mod raġonevoli fir-rigward tas-sentenza appellata. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-Qorti Ġenerali daħlet f’analiżi dettaljata tal-kliem tad-dispożizzjoni Taljana inkwistjoni u b’mod loġikament konsistenti evalwat id-duttrina legali Taljana ppreżentata lill-Bord tal-Appell u lill-dik il-qorti nnifisha. Ma teżisti ebda bażi biex isir ilment li s-sens ċar tas-sottomissjonijiet tal-partijiet jew il-provi ġew żnaturati.

82.      F’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni ġuridika nazzjonali, il-Qorti Ġenerali ma kienitx meħtieġa tidħol f-iżjed investigazzjonijiet. Għall-kuntrarju, minħabba li s-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali huwa definit permezz tas-suġġett tal-appell lill-Bord tal-Appell (58), il-Qorti Ġenerali kellha tillimita lilha nnifisha għall-materjal tal-ilment li ġie ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni tad-dritt nazzjonali. Dan jirriżulta, l-ewwel nett mill-klassifikazzjoni tad-dritt nazzjonali bħala kwistjoni ta’ fatti u, it-tieni nett, mill-fatt li eżami tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell jista’ jsir biss abbażi tal-provi diġà disponibbli għall-Bord tal-Appell (59).

83.      Il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmulha f’dan ir-rigward mill-Bord tal-Appell kellhiex bażi tajba jew, jekk le, jekk kienx hemm ksur ta’ regola ġuridika li tirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 (60). Il-fatt li l-appellanta issa tikkontendi li, barra minn dan, fl-ewwel istanza sar riferiment għal diversi sentenzi rilevanti tal-qrati Taljani li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx, huwa irrilevanti. Għalkemm il-Qorti Ġenerali għandha l-awtorità li teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, din ma tistax tikkunsidra l-provi ppreżentati għall-ewwel darba fl-anness tar-rikors (61).

v)      Distinzjoni f’dak li jirrigwarda l-klawżola tal-arbitraġġ (Artikolu 272 TFUE)

84.      Sistema sottili u kumplessa ħafna, bħal ma jirriżulta mill-interazzjoni bejn id-dritt tat-trade marks u d-dritt proċedurali, ma tapplikax fil-każ tal-klawżola tal-arbitraġġ.

85.      Il-modus operandi tal-klawżola tal-arbitraġġ ma huwiex tas-soltu minħabba li l-qrati tal-UE “[huma] kompetenti li [jiddeċiedu] bis-saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f’isimha” (Artikolu 272 TFUE) u meta dan il-kuntratt normalment jiddikjara li d-dritt sostantiv applikabbli għandu jkun id-dritt ta’ Stat Membru.

86.      Fil-kawża preżenti ma hemm ebda bżonn li jiġi meqjus jekk il-pożizzjoni ġuridika fir-rigward tal-possibbiltà li d-dritt nazzjonali jiġi mistħarreġ fl-istadju tal-appell tkunx differenti meta, abbażi ta’ klawżola tal-arbitraġġ, isir ilment quddiem il-qrati tal-UE li jallega ksur tad-dritt nazzjonali.

3.      Konklużjoni dwar l-ewwel u t-tieni aggravju

87.      Minħabba li la l-ksur tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas il-ksur tal-Artikolu 8 tas-CPI ma jistgħu jiġu kkritikati fl-appell, l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

B –    It-tielet u r-raba’ aggravju: nuqqas ta’ motivazzjoni u ċ-ċaħda tal-ġusitzzja u/jew ksur tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94

88.      Dawn iż-żewġ aggravji jistgħu jiġu kkunsidrati konġuntament minħabba li essenzjalment dawn jikkonċernaw il-qsim tar-rwoli bejn il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell u, b’mod partikolari, il-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali.

1.      Dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni

89.      Sussidjarjament, l-appellanta tibbaża l-appell tagħha fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li qed jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-argument u l-provi li hija pproduċiet u li kienet tgħid li E. Fiorucci ta l-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Skont l-appellanta, dak il-preżunt kunsens, jista’ l-ewwel nett jiġi “preżunt” minħabba li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ġiet ippreżentata biss bosta snin wara li kienet saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, u t-tieni nett, il-Bord tal-Appell kien ġie pprovdut b’dikjarazzjoni minn direttur ta’ Fiorucci SpA li lilu E. Fiorucci kien iddikjara l-kunsens tiegħu.

90.      Għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorji jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li jista’, bħala tali, jiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (62).

91.      Skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut japplika wkoll għall-Qorti Ġenerali, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali għandhom jesponu l-motivi li fuqhom dawn ikunu bbażati. Id-dispożizzjoni ma tistabilixxix iżjed rekwiżiti dettaljati fir-rigward ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni.

92.      Mill-ġurisprudenza stabbilita jidher ċar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża, u għaldaqstant il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’elementi suffiċjenti sabiex tkun tista’ teżerċità l-istħarriġ tagħha (63).

93.      Fil-paragrafi 64 u 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-merti tal-argumenti tal-appellanta dwar ir-rilevanza tad-dikjarazzjoni ta’ E. Fiorucci, minħabba l-fatt li l-Bord tal-Appell ma kienx ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal dik ir-raġuni u minħabba l-fatt li ma setgħatx tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha ma’ dik tal-Bord tal-Appell.

94.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali osservat suffiċjentement l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjonijiet tagħha kinux fondati hija irrilevanti hawnhekk. Għalhekk ma jidher li hemm ebda nuqqas ta’ motivazzjoni.

2.      Iċ-ċaħda ta’ ġustizzja u/jew il-ksur tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94

95.      Iktar sussidjarjament l-appellanta tibbaża l-appell tagħha fuq allegazzjoni ta’ ċaħda ta’ ġustizzja. Hija tikkontendi li l-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li teżamina l-kwistjoni dwar l-akkwist tat-trade mark ELIO FIORUCCI meta kienet qed tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell, u rrifjutat b’mod żbaljat li tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell favur l-appellant. Hija tikkontendi li dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94.

96.      Ħafna iktar sussidjarjament, hija titlob li dan l-argument jiġi rrinvijat quddiem il-UASI biex jiġi eżaminat.

97.      Madankollu, is-sentenza appellata ma tistax tiġi kkritikata għall-fatt li fir-rigward tal-Artikolu 8 tas-CPI din ma eżaminatx ir-rilevanza allegata – ikkontestata anki mill-UASI – tal-akkwist kuntrattwali tat-trade marks u rrifjutat li tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

98.      Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 jippermetti lill-Qorti Ġenerali mhux biss li tirrevoka iżda, bħala prinċipju, anki li tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

99.      Madankollu, fil-kawża preżenti, ma kien hemm ebda raġuni li jsir hekk. Minnflok, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima, il-Qorti Ġenerali kellha jdejha marbuta f’dak li jirrigwarda t-tibdil tad-deċiżjoni. Il-protezzjoni legali fil-qasam tat-trade marks hija organizzata fi tliet livelli u hija kkaratterizzata mill-fatt li f’dak li jirrigwarda punti ta’ fatt il-Bord tal-Appell għandu r-rwol ċentrali li jiddelinja s-suġġett tat-tilwima. Għalhekk, il-paragrafu 64 tas-sentenza appellata huwa korrett meta jindika li l-Bord tal-Appell ma bbażax id-deċiżjoni tiegħu fuq il-kwistjoni tal-akkwist tat-trade marks u meta ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (u għalhekk l-Artikolu 8 tas-CPI) minħabba raġunijiet oħra. Il-qrati tal-UE ma għandhomx il-jedd li jwettqu eżami mill-ġdid iżjed fil-fond tad-dritt tal-UE billi jieħdu kont ta’ dik il-kwistjoni, minħabba l-fatt li d-dritt nazzjonali għandu jiġi stmat bl-istess mod daqs li kieku kien punt ta’ fatt u għaldaqstant jifforma parti mis-suġġett tat-tilwima.

100. Dan la jista’ jitqies bħala ksur tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas bħala ċaħda ta’ drittijiet, kif allegat mill-appellanta.

101. Madankollu, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jeżegwixxi s-sentenzi tal-qrati tal-UE. Meta deċiżjoni, jew parti minnha, tal-Bord tal-Appell tiġi annullata dan jista’ jfisser, skont l-Artikolu 1 [d] tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (64) li għandha ssir “eżaminazzjoni mill-ġdid, minn naħa tal-Bordijiet ta’ Appell”. B’dan huwa mifhum evalwazzjoni komprensiva fid-dawl tas-sentenza inkwistjoni li l-UASI għandu jwettaq huwa nnifsu indipendentement minn kull direttiva ġudizzjarja (65).

102. Għalhekk, fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell li jkun qed iwettaq evalwazzjoni mill-ġdid ikollu jikkunsidra, l-ewwel nett, jekk E. Fiorucci tax il-kunsens tiegħu biex it-trade mark tiġi rreġistrata. X’aktarx li, meta wieħed iqis il-kritika tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tas-CPI, dan il-punt ta’ fatt – għalkemm irrilevanti għall-iskopijiet tal-ilment li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni – huwa rilevanti u ma jistax jibqa jiġi injorat. L-istess għandu japplika għall-kwistjoni dwar sa fejn il-kuntratt ta’ trasferiment ittrasferiex trade marks u sinjali lill-appellanta.

103. Għalkemm it-talba tal-appellanta – invokata ħafna u ħafna iktar sussidjarjament – hija intiża sabiex il-UASI jiġi speċifikament ordnat iwettaq din l-evalwazzjoni, din it-talba ma tistax tiġi milqugħa. L-obbligi tal-UASI f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet huma konsegwenza immedjata tad-dispożizzjonijiet applikabbli. B’kuntrast ma’ dan, il-qrati tal-UE ma jistgħux jagħtu istruzzjonijiet lill-UASI.

3.      Konklużjoni intermedjarja

104. Konsegwentement, anki t-tielet u r-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda.

C –    Riżultat finali tal-Appell

105. Peress li ebda wieħed mill-aggravji tal-appellanta ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VII – It-talba ta’ E. Fiorucci’s sabiex il-punti 33 u 35 tas-sentenza appellata jiġu modifikati

106. E. Fiorucci jqis li l-osservazzjonijiet magħmula f’dawn il-punti huma żbaljati. Għal din ir-raġuni, huwa jitlob li ssir speċi ta’ “rettifika tas-sentenza” mingħajr ma jispeċifika r-riperkussjonijiet li huwa jaħseb li dan ser ikollha fuq id-dispożittiv.

107. Din it-talba mhijiex ammissibbli bħala risposta minħabba li din la titlob li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, għallinqas parzjalment, u lanqas li tiġi milqugħha talba ppreżentata fl-ewwel istanza (66).

108. Għall-istess raġunijiet, ma jista’ jkun hemm ebda kwistjoni li wieħed jinterpreta din it-talba bħala kontro-appell (67).

109. Għaldaqstant, it-talba ta’ E. Fiorucci għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

VIII – Spejjeż

110. Skont l-Artikolu 118 flimkien mal-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-proċedura tal-appell, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

111. Wieħed għandu jinnota li fil-kawża preżenti, ħlief f’dak li jirrigwarda r-rettifika tas-sentenza, E. Fiorucci huwa rebbieħ fit-talbiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-appellanta rnexxiet biss fit-talba tagħha biex tiġi miċħuda t-talba ta’ E. Fiorucci għat-tibdil tas-sentenza. L-UASI tilef kompletament.

112. Konsegwentement, jidher xieraq li l-UASI u l-appellanta jiġu kkundannati jħallsu tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ E. Fiorucci kif ukoll l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, E. Fiorucci jibqa’ responsabbli li jħallas kwart tal-ispejjeż tiegħu.

IX – Konklużjoni

113. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)         tiċħad l-appell;

2)         tiċħad it-talba ta’ E. Fiorucci għall-modifikazzjoni tas-sentenza;

3)         tordna lill-appellanta u lill-UASI jħallsu l-ispejjeż tagħhom u li jħallsu in solidum bejniethom tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ E. Fiorucci;

4)         tordna lil E. Fiorucci jħallas kwart tal-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146


3 – T‑165/06, Ġabra p. II‑1375.


4 – Il-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(ĠU 2008 C 115, p. 210).


5 – Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2006, MIP Metro vs UASI (T‑191/04, Ġabra p. II‑2855, punt 36), li jgħid “Il-[Bord] ta’ l-Appell ma [jistax] [jadotta] deċiżjoni li tkun illegali fil-mument li fih [jiddeċiedi] abbażi tal-provi prodotti mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura [quddiemu].”


6 – Li issa sar l-Artikolu 65 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/200, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2009 L 78, p. 1).


7 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (T‑247/01 Ġabra p. II‑5301, punt 46), fejn jingħad li “deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell jistgħu jiġu annullati jew mibdula biss meta jkun fihom irregolarità sostantiva jew proċedurali. Barra minn dan, hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ miżura Komunitarja għandha tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatti u ta’ liġi eżistenti fiż-żmien ta’ meta tkun ġiet adottata l-miżura.”


8 – Sentenza appellata, punt 40.


9 – Li issa sar l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009.


10 – Li issa sar l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009.


11 – Li issa sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009.


12 –      Dwar dan il-punt ara wkoll il-kliem tad-dispożizzjoni fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-UASI, jiġifieri, il-Franċiż (“violation du traité, du présent règlement ou de toute règle de droit relative à leur application”), it-Taljan (“violazione del trattato, del presente regolamento o di qualsiasi regola di diritto relativa alla loro applicazione”), l-Ispanjol (“violación de Tratado, del presente Reglamento o de cualquier norma jurídica relativa a su aplicación”) u l-Ġermaniż (“Verletzung des Vertrages, dieser Verordnung oder einer bei ihrer Durchführung anzuwendenden Rechtsnorm”).


13 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189


14 – Sentenza appellata, punti 6 sa 8.


15 – Sentenza appellata, punt 10.


16 –      Dwar dak il-punt ara wkoll il-kliem tad-dispożizzjoni tar-regolament implementattiv fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn tal-UASI, jiġifieri l-Franċiż (‘des éléments démontrant que le demandeur est titulaire de l’un des droits antérieurs énoncés à l’article 52 paragraphe 2 du règlement ou qu’il est habilité, en vertu de la législation nationale applicable, à faire valoir ce droit’), it-Taljan (‘indicazioni da cui risulti che il richiedente è titolare di uno dei diritti anteriori di cui all’articolo 52, paragrafo 2 del regolamento oppure che, a norma della legislazione nazionale applicabile, è legittimato a far valere tale diritto’), l-Ispanjol (‘los datos que acrediten que el solicitante es el titular de un derecho anterior a que se refiere el apartado 2 del artículo 52 del Reglamento o que, en virtud de la legislación nacional vigente, está legitimado para reivindicar tal derecho’) u l-Ġermaniż (‘Angaben, die beweisen, dass der Antragsteller Inhaber eines in Artikel 52 Absatz 2 der Verordnung genannten älteren Rechts ist oder dass er nach einschlägigem nationalen Recht berechtigt ist, dieses Recht geltend zu machen’) (enfażi miżjuda).


17 – Decreto Legislativo tal-10 ta’ Frar 2005, Nru 30 (ippubblikat fil-Gazzetta Ufficiale Nru 52 tal-4 ta’ Marzu 2005 – Supplemento Ordinario Nru 28).


18 – Ara l-punt 42 tas-sentenza appellata. Il-verżjoni tad-dispożizzjonijiet riprodotti hemm ġiet emendata reċentement mid-Decreto Legislativo tat-13 ta’ Awwissu 2010, Nru 131, b’effett mit-2 ta’ Settembru 2010 li issa mhux biss talli jgħamel ir-reġistrazzjoni iżda anki l-użu mit-trade mark (“registrati o usati come marchio”) suġġetti għar-rekwiżit tal-kunsens. Madankollu, abbażi tar-raġunijiet imsemmija fil-punt 10 ta’ dawn il-Konklużjonijiet ma jista’ jittieħed ebda kont ta’ dawk l-emendi reċenti fil-proċeduri preżenti.


19 – Dan jirreferi għal ċerti dipendenti li wara l-mewt tal-persuna inkwistjoni jistgħu jagħtu l-kunsens meħtieġ.


20 – Sentenza tat-30 ta’Marzu 2006, Emanuel (C‑259/04 Ġabra p. I‑3089, punt 53).


21 – Sentenza appellata, punti 31 sa 37.


22 – Sentenza appellata, punti 43 sa 63.


23 – Sentenza appellata, punt 67.


24 – Deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ April 2005 (R 635/2003-2, punt 21).


25 – Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-6 ta’ Lulju 2005 (R 869/2004-1, punt 43).


26 – Deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-7 ta’ Awwissu 2002 (R 607/2001‑2, punt 43).


27 – B’konnessjoni ma’ dan, l-appellanta tirreferi għas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI (T‑185/03 Ġabra p. II‑715).


28 – Enfażi miżjuda.


29 – L-appellanta tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza – mhux rilevanti hawnhekk – dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u l-ftehim internazzjonali, pereżempju, is-sentenzi, tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI (C‑202/08 P u C‑208/08 P Ġabra p. I‑6933) u tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, p. I‑4107).


30 – Enfażi miżjuda.


31 – F’dan l-istess sens f’talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq drittijiet preċedenti kif stabbilit fl-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ara s-sentenzi, tal-11 ta’ Ġunju 2009, Last Minute Network vs UASI (LAST MINUTE TOUR) (T‑114/07 u T‑115/07 Ġabra p. II‑1919, punt 47), u tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser Busch (BUDWEISER) (T‑53/04 sa T‑56/04, T‑58/04 u T‑59/04, punt 74).


32 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31. Barra minn dan, id-Deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-25 ta’ Ottubru 2004 (R 790/2001-4, punt 17) hija eċċezzjonalment ċara meta tgħid li: “It is for the applicant for a declaration of invalidity to furnish proof […] especially as to the national law referred to by the provision which, because the Office is a Community body, amounts to a factual element […]”


33 – Enfażi miżjuda.


34 – Dwar dan il-punt, fil-kuntest tal-proċediment ta’ oppożizzjoni mfassla b’mod simili, l-UASI jammetti bil-miftuħ li “The Office is not in a position to determine with sufficient accuracy on its own motion what the law relating to Article 8(4) rights is in all the Member States. […] Thus, as regards questions of law, i.e. the rules and norms of the respective national law applicable to the specific case, the Office will generally require the opponent to provide the necessary elements for the Office to take a decision. It is only when such elements have already been previously established by the Office […] that such proof will not be necessary. […]”. (ara l-OHIMManual of Trade Mark Practice li tista’ ssibu online f’ http://oami.europa.eu/ows/rw/pages/CTM/legalReferences/guidelines/OHIMManual.en.do (taqsima 5.4 taħt l-intestatura “Non-registered rights”, aġġornat l-aħħar fis-16 ta’ Settembru 2009)).


35 – Dwar dan il-punt ara Rodriguez Iglesias, G. C., “Le droit interne devant le juge international et communautaire”, f’Du droit international au droit de l’intégration, Liber amicorum Pierre Pescatore, Nomos, Baden-Baden 1987, p. 583, f’p. 597, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43.


36 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31. Barra minn hekk fis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2009, Danjaq vs UASI (Dr. No) (T‑435/05 Ġabra p. II‑2097, punt 43), id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tad-“dokumentazzjoni ppreżentata” bħala provi. Fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fis-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI (ATOMIC BLITZ) (T‑318/03 Ġabra p. II‑1319, punti 33 sa 38), il-Qorti Ġenerali tidher li ħadet pożizzjoni komprensiva. Din sostniet li għalkemm hija r-responsabbiltà tal-UASI li jevalwa l-“provi prodotti” dan għandu “ex officio u bi kwalunkwe mezz meqjus xieraq [pereżempju billi jitlob l-għajnuna mill-partijiet] jakkwista informazzjoni dwar id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati”. Dak il-metodu ma jistax ikun konformi mal-kliem tar-Regola 37 tar-regolament implementattiv. Skont din id-dispożizzjoni, il-prinċipju li l-UASI għandu jinvestiga l-fatti ex officio huwa limitat bit-tqassim tal-obbligu tal-preżentazzjoni tal-fatti u tal-oneru tal-prova, inkella dan jiġi mneżża mis-sustanza.


37 – Dwar dan il-punt, ara l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


38 – Fil-bidu nett tal-artikolu tagħha “La prise en considération du droit national par le juge communautaire”, Revue critique de droit international privé 2007, p. 539, Chanteloup, H., tiddeskrivi d-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward b’mod artistiku, billi tiddeskriviħ bħala mneżża mill-karattru normattiv tiegħu u mlibbes “il-mantell tal-fatti”. F’p. 559, hija tenfażizza b’mod iżjed konċiż: “Le droit national pris en considération est un fait[.]”


39 – Dan il-punt jissemma b’mod espliċitu – pero jeċċedi l-limiti fir-riferiment tiegħu għall-prinċipji suppost unanimi tad-dritt internazzjonali privat fl-Istati Membri– fl-OHIM Manual of Trade Mark Practice (ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 32), li skontu d-dritt tal-Istati Membri għandu jiġi ttrattat bħala “kwistjoni ta’ fatti, li għandha tiġi ppruvata mill-parti li tkun qed tallega dan id-dritt”.


40 – Dwar dan il-punt ara s-sentenza Lautour tal-Cour de Cassation Franċiża, tal-25 ta’ Mejju 1948, fiż-żmienha meqjusa innovattiva u llum meqjusa inparti skaduta, riprodotta u annotata f’Ancel, B. u Lequette, Y., Les grands arrêts de la jurisprudence francaise de droit international privé, Paris Dalloz, il-ħames edizzjoni 2006, p. 165, f’p. 171. Skont din is-sentenza, il-parti li kienet qed tipprova tinvoka pretensjoni ġudizzjarja kellha l-oneru li tipprova d-dritt barrani li fuqu hija bbażat dik il-pretensjoni. Barra minn dan, skont ġurisprudenza iżjed reċenti tal-qrati Franċiżi, jiġifieri s-sentenzi Amerford u Itraco, riprodotti u annotati f’Ancel, B. u Lequette, Y., op. cit., p. 718, f’p. 723 et seq., huma prinċipalment, iżda mhux esklużivament, il-partijiet li għandhom jistabilixxu l-loi étrangère, li l-istħarriġ tagħha mill-Cour de Cassation donnu huwa essenzjalment limitata għal żnaturament tas-sustanza tad-dritt barrani (dénaturation) u għal żbalji manifesti (erreur manifeste de compréhension). Madankollu, dan il-metodu ma jistax jiġi ġġeneralizzat fuq bażi internazzjonali. Skont id-dritt Ġermaniż, pereżempju, hija l-qorti li għandha ex officio tistabilixxi u tapplika d-dritt barrani – fl-intier tiegħu kif hemm previst fid-dritt u fil-prattika – applikabbli skont ir-regoli Ġermaniżi dwar id-dritt internazzjonali privat. Għalhekk, skont id-dritt proċedurali, id-dritt barrani għandu jiġi trattat bħala kwistjoni ta’ dritt u mhux ta’ fatti anki jekk il-provi dwar dan il-punt jistgħu jiġu aċċettati (Paragrafu 293 taz-Zivilprozessordnung (Kodiċi tal-Proċedura Ċivil jew “ZPO”)). Mandakollu, xorta waħda għad ma hemmx qbil fid-duttrina legali dwar jekk wara t-tifsil mill-ġdid tal-Paragrafu 545 taz-ZPO din saritx kwistjoni suġġetta għal appell fuq punt ta’ liġi (biex tara fhiex waslet it-tilwima ara Schack, H., Internationales Zivilverfahrensrecht, il-ħames edizzjoni, Verlag C. H. Beck, Munich 2010, punti 723 sa 727).


41 – Dwar dan il-punt ara Santulli, C., Le statut international de l’ordre juridique étatique, Editions A. Pedone, Paris 2001, p. 271 sa 277. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 561 et seq. dan il-ktieb jikkwota sentenza partikolarment notevoli tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, tat-12 ta’ Lulju 1929 (Każ li jikkonċerna l-ħlas f’deheb ta’ self federali Brażiljan magħmul fi Franza, PCIJ, Serje A, Nru 20/21, pp. 93-126, b’mod partikolari p. 124). Ara wkoll Rivier, R., “La preuve devant les juridictions interétatiques à vocation universelle (CIJ et TIDM)” f’Ruiz Fabri, H., u Sorel, J.‑M., (eds) La preuve devant les juridictions internationales, Edizzjonijiet A. Pedone, Paris 2007, pp. 49 sa 51.


42 – Chanteloup (nota ta’ qiegħ il-paġna 38) issemmi, f’p 559, is-sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali tas-7 ta’ Ġunju 1932 (Każ li jikkonċerna ċerti interessi Ġermaniżi fis-Silesia ta’ Fuq fil-Polonja, PCIJ, Serje A, Nru 7, p. 19), li jikkjarifika li minn dik il-perspettiva tad-dritt internazzjonali u tal-QPĠI il-liġijiet muniċipali huma sempliċement fatti li jesprimu r-rieda u jikkostitwixxu l-attivitajiet tal-Istati.


43 – Eisenführ, G., u Schennen, D., Gemeinschaftsmarkenverordnung, it-tielet edizzjoni, Carl Heymanns Verlag, Cologne 2010, Artikolu 65, paragrafu 1.


44 – Enfażi miżjuda.


45 – Ara, pereżempju, fir-rigward tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.


46 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


47 – Enfażi miżjuda.


48 – Paragun bejn il-verżjonijiet lingwistiċi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iwassal għall-istess konklużjoni.


49 – Eisenführ u Schennen (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43), fl-Artikolu 65, paragrafu 16, josservaw li l-istħarriġ mill-qrati tal-“applikzzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali oriġinali, inqas u inqas tal-prinċipju legali mhux miktuba,” għadu ma ġiex diskuss.


50 – Paragrafi 43 sa 63 tas-sentenza appellata.


51 – Għal dak li għandu x’jaqsam mar-restrizzjoni li għandha tiġi osservata f’dan ir-rigward, li tillimita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali għas-suġġett tal-ilment quddiem il-Bord tal-Appell, ara l-punt 54 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


52 – Ara l-osservazzjonijiet tiegħi iktar ’il fuq fil-punt 42 et seq.


53 – Dwar il-prinċipju bażiku, ara sentenzi, tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni (C‑53/92 P Ġabra p. I‑667, punt 42), u tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 49). Għal iżjed dettalji ara l-punti 80 sa 83 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


54 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs UASI (C‑286/04 P Ġabra p. I‑5797, punt 43).


55 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.


56 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 37).


57 – Sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, (C‑551/03 P Ġabra p. I‑3173, punt 54). Dwar din il-kwistjoni, ara Wägenbaur, B., EuGH VerfO, Satzung und Verfahrensordnungen EuGH/EuG, Verlag C. H. Beck, Munich 2008, l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, paragrafi 8 sa 12.


58 – Ara l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


59 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Eurocermex vs UASI (T‑399/02 Ġabra p. II‑1391, punt 52), u tat-18 ta’ Lulju 2006 Sergio Rossi vs UASI (C‑214/05 P Ġabra p. I‑7057, punti 50 sa 53).


60 – Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94.


61 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.


62 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P Ġabra p. I‑9761, punt 76).


63 – Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010 Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08, p. I‑4469, punt 30).


64 – ĠU L 183M, 2006, p. 345


65 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Procter & Gamble vs UASI (BABY-DRY) (T‑163/98 Ġabra p. II‑2383, punt 53).


66 – Artikolu 116 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


67 – Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.