Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (l-Estonja) fis-7 ta’ Jannar 2020 – Sotsiaalministeerium vs Innove SA

(Kawża C-6/20)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Tallinna Ringkonnakohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Sotsiaalministeerium

Konvenuta: Innove SA

Domandi preliminari

L-Artikoli 2 u 46 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 41(3) tar-Riigihangete seadus (RHS) (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), li permezz tagħha, meta l-liġi tistabbilixxi rekwiżiti legali speċifiċi għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti għandha tindika fl-avviż ta’ sejħa għal offerti liema reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni għall-operat huma meħtieġa sabiex l-offerent jitqies ikkwalifikat u għandha tirrikjedi, sabiex tiġi vverifikata il-konformità mar-rekwiżiti legali speċifiċi fl-avviż ta’ sejħa għal offerta, il-produzzjoni ta’ prova tal-awtorizzazzjoni għall-operat jew tar-reġistrazzjoni u, jekk l-offerent ma jkollux l-awtorizzazzjoni għall-operat jew ir-reġistrazzjoni rilevanti, trid tiċħad l-offerent peress li ma huwiex ikkwalifikat?

L-Artikoli 2 u 46 tad-Direttiva 2004/18 meta kkunsidrati flimkien, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu l-awtorità kontraenti, fil-każ ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ għajnuna ta’ ikel li taqbeż il-limitu internazzjonali, milli tistabbilixxi kriterju ta’ għażla għall-offerenti li jeħtieġ li l-offerenti kollha, irrispettivament mill-post tal-attività preċedenti tagħhom, li jkollhom, fil-mument li tiġi ppreżentata l-offerta, awtorizzazzjoni għall-operat jew reġistrazzjoni fil-pajjiż li fih tingħata l-għajnuna ta’ ikel alimentari, anki jekk l-offerent ma kienx attiv preċedentement f’dak l-Istat Membru?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikoli 2 u 46 tad-Direttiva 2004/18 għandhom jitqiesu bħala dispożizzjonijiet daqshekk ċari li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat fil-konfront tagħhom?

L-Artikoli 2 u 46 tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’sitwazzjoni li fiha l-awtorità kontraenti, fil-kuntest ta’ sejħa pubblika għal offerti għall-għajnuna ta’ ikel, titlob lill-offerenti, skont il-liġi dwar l-għajnuna ta’ ikel, li jkollhom awtorizzazzjoni għall-operat fil-mument li tiġi ppreżentata l-offerta, jista’ jitqies bħala ksur manifest tad-dispożizzjonijiet applikabbli, bħala negliġenza jew bħala irregolarità li tipprekludi li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimu jiġi invokat?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.