Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Ġunju 2007 - Feral vs Il-Kumitat tar-Reġjuni

(Kawża F-59/07)

Lingwa tal-kawża: il-Franciż

Partijiet

Rikorrent: Pierre-Alexis Feral (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)

Konvenut: Il-Kumitat tar-Reġjuni ta' l-Unjoni Ewropea (KTR)

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tas-26 ta' Lulju 2006 tad-Direttur ta' l-Amministrazzjoni u tas-Segretarju Ġenerali tal-KTR li jiġu rkuprati l-ammonti mħallsa lir-rikorrenti bħala peżati tal-parti ta' l-emolumenti tiegħu ttrasferiti fi Franza minn Marzu 2003 sa Mejju 2005;

tannulla d-deċiżjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2006 tad-Direttur ta' l-Amministrazzjoni tal-KTR li tistabbilixxi din is-somma bħala EUR 3 600.16;

tikkundanna lill-KTR iħallas lura lir-rikorrent is-somma ta' EUR 3 600.16, flimkien ma' l-interessi għad-dewmien bir-rata ta' 8 % fis-sena b'effett mid-data ta' l-irkupru sakemm jiġi kkompletat il-ħlas;

tikkundanna lill-KTR iħallas lir-rikorrent is-somma li huwa kellu jitħallas bħala peżati fuq il-parti ta' l-emolumenti tiegħu li kellhom jiġu ttrasferiti fi Franza sa minn Ġunju 2005, flimkien ma' l-interessi għad-dewmien bir-rata ta' 8 % fis-sena b'effett mid-data ta' l-irkupru sakemm jiġi kkompletat il-ħlas;

tikkundanna lill-KTR jeżegwixxi, sa mid-data ta' l-eventwali sentenza, it-trasferiment ta' parti mill-emolumenti tar-rikorrent lejn Franza, bil-peżati applikabbli għal dak il-pajjiż;

tikkundanna lill-KTR ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal"), ta' l-aħħar inċiż tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 tar-regolamenti li jistabbilixxu r-regoli dettaljati dwar it-trasferimenti ta' parti mill-emolumenti ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"regoli komuni") u tal-punti 2 u 4 tal-konklużjonijiet Nru 204/92, tat-3 ta' Diċembru 1992, tal-Kapijiet ta' l-Amministrazzjoni. Skond ir-rikorrent, il-KTR ma setax jikkunsidra li huwa ma kienx intitolat li parti mill-emolumenti tiegħu jiġu ttrasferiti lejn Franza, skond l-Artikolu 17(2) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bis-saħħa tal-kont ta' tifdil tiegħu marbut max-xiri ta' proprjetà ("compte épargne-logement", iktar 'il quddiem "CEL") u dan minħabba li l-limitu massimu ta' dan il-kont ma kienx jinqabeż billi jsiru ħlasijiet fuq kont ta' depożitu. B'mod partikolari, huwa jsostni li r-regoli komuni ma jeħtieġux li t-trasferimenti jikkorrespondu għal ħlasijiet obbligatorji u li din il-prassi biex ma jinqabiżx il-limitu massimu tikkorrispondi għal prassi bankarja stabbilita li hija konformi mal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar is-CEL li għaliha jirreferu l-konklużjonijiet tal-Kapijiet ta' l-Amministrazzjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li l-KTR ikkunsidra li l-irregolarità tat-trasferimenti in kwistjoni kienet tant evidenti li r-rikorrent kien konxju tagħha jew, għall-inqas, kellu jkun konxju tagħha, speċjalment fid-dawl tal-kwalifiki tiegħu bħala ġurist. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkunsidra li: i) fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kapijiet ta' l-Amministrazzjoni, is-CEL li huwa kien fetaħ kien jidher li jikkorrisspondi mal-kunċett tas-CEL previst fir-regoli komuni; ii) it-transazzjoni li huwa wettaq sabiex ma jinqabiżx il-limitu massimu jidher li hija konformi ma' dawk ir-regoli; iii) il-fajl tiegħu kien jidher komplut u regolari wara l-verifiki li seħħew f'Diċembru 2003 u f'Diċembru 2004; iv) peress li ma ngħatax aċċess għall-fajl personali tiegħu, huwa ma kienx f'pożizzjoni li jikkonsulta d-dokumenti neċessarji sabiex jivverifika r-regolarità tat-trasferimenti.

____________