Language of document : ECLI:EU:F:2015:20

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

24 ta’ Marzu 2015

Kawża F‑61/14

Carola Maggiulli

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2013 — Deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106(b) tiegħu, li permezz tiegħu C. Maggiulli ppreżentat dan ir-rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li r-rikorrenti ma tiġix promossa għall-grad ta’ AD 13 taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2013.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Maggiulli għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni — Elementi oħra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

1.      Skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra tista’, sabiex tagħti promozzjoni fil-grad superjuri tal-grupp ta’ funzjonijiet li jappartjenu għalihom l-uffiċjali, tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, b’mod partikolari, ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, minbarra l-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien approfondit u, fejn ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi. Dawn huma t-tliet elementi fattwali prinċipali li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami komparattiv tal-merti. L-Awtorità tal-Ħatra tista’, sussidjarjament, fil-każ ta’ parità fil-merti bejn l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi fuq il-bażi tat-tliet elementi msemmija espliċitament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tieħu elementi oħra inkunsiderazzjoni, bħalma huma l-età tal-kandidati u l-anzjanità fil-grad jew fis-servizz tagħhom.

(ara l-punt 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 57

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑53/08, EU:F:2010:37, punt 50, u AC vs Il‑Kunsill, F‑9/10, EU:F:2011:160, punt 25

2.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, f’dan il-kuntest, jillimita ruħu għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-proċeduri u tal-mezzi li l-amministrazzjoni tista’ tuża fl-evalwazzjoni tagħha, din aġixxietx fil-limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax għalhekk jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu tal-kwalifiki u l-merti tal-kandidati mal-evalwazzjoni tal-imsemmija awtorità. Għalhekk, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni dwar il-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal, li tinkludi deċiżjonijiet kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom, ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod oġġettiv. Lanqas ma huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jipproċedi għal eżami mill-ġdid iddettaljat tal-fajls kollha tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi sabiex jiżgura ruħu li jaqbel mal-konklużjoni li tkun waslet għaliha l-Awtorità tal-Ħatra għaliex, li kieku kellu jwettaq dan l-eżerċizzju, huwa toħroġ mill-qafas ta’ stħarriġ tal-legalità tiegħu, u b’hekk jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu tal-merti tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi ma’ dik ta’ din l-awtorità.

Is-setgħa diskrezzjonali hekk irrikonoxxuta lill-amministrazzjoni hija madankollu limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-merti b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Filwaqt li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-Awtorità tal-Ħatra s-setgħa li tipproċedi għal tali eżami skont il-proċedura jew il-metodu li hija tħoss l-iktar xierqa, l-imsemmi eżami għandu, fil-prattika, isir fuq bażi ugwali u fuq sorsi ta’ informazzjoni u ta’ tagħrif paragunabbli.

Fil-kuntest tal-kontroll eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq l-għażliet magħmula mill-amministrazzjoni f’materji ta’ promozzjoni, żball huwa manifest meta jkun perċepibbli faċilment u jkun jista’ jiġi skopert b’mod ċar, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta d-deċiżjonijiet f’materji ta’ promozzjoni u skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jkun ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrenti, jridu jkunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati mill-amministrazzjoni ma jkunux plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi miġjuba mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tkun tista’ titqies li hija vera jew valida.

(ara l-punti 29 sa 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Casini vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2005:324, punti 52 u 53

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi Canga Fano vs Il‑Kunsill, T‑281/11 P, EU:T:2013:252, punti 35, 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Stols vs Il‑Kunsill, T‑95/12 P, EU:T:2014:3, punt 31

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi AC vs Il‑Kunsill, EU:F:2011:160, punti 22 u 24; Buxton vs Il‑Parlament, F‑50/11, EU:F:2012:51, punt 38, u digriet Debaty vs Il‑Kunsill, F‑47/13, EU:F:2013:215, punt 33