Language of document : ECLI:EU:F:2014:197

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2014 (*) (1)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Persunal ta’ aġenzija – Tnaqqis tal-ħaddiema – Qafas finanzjarju multiannwali tal-AFE – Tneħħija ta’ żewġ pożizzjonijiet mit-tabella tal-ħaddiema – Osservanza tal-formalitajiet essenzjali – Dritt ta’ smigħ – Direttivi interni – Interess tas-servizz”

Fil-Kawża F‑120/13,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE,

KE, ex membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. A. Pappas, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (AFE), irrappreżentata minn G. Stärkle, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Van Raepenbusch, President, E. Perillo u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit‑12 ta’ Diċembru 2013, KE titlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (AFE jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), tat‑22 ta’ Marzu 2013, li permezz tagħha huwa kkonferma lir-rikorrenti li l-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju kellu jiskadi fid-data prevista f’dan il-kuntratt, jiġifieri t‑30 ta’ Settembru segwenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea

2        Skont l-Artikolu 2(a) tal- Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-“KIO”), membru tal-persunal temporanju huwa “persunal imqabbad biex jimla post li huwa nkluż fil-lista tal-postijiet imwaħħla mat-taqsima tal-budget rigward kull istituzzjoni u li l-awtoritajiet ta’ l-estimi kklassifikaw bħala temporanji”.

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-KIO jipprovdi:

“Il-persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2(a) jew l-Artikolu 2(f) għandu jitqabbad jaħdem għal perjodu stabbilit jew indefinit. Il-kuntratti tat-tali persunal li huma mqabbdin għal perjodu fiss jistgħu jiġġeddu għal mhux aktar minn darba għal perjodu fiss. Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit.”

4        Taħt il-kapitolu dwar “[t]miem ta’ l-impjieg”, l-Artikolu 47(b)(i) tal-KIO jipprovdi li, indipendentement mill-każ ta’ mewt tal-membru tal-persunal temporanju, l-impjieg ta’ dan tal-aħħar jintemm, “meta l-kuntratt ikun għal perjodu fiss [...] fid-data ddikjarata fil-kuntratt”.

 Ir-Regolament Nru 881/2004

5        Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 214), kif emendat bir-Regolament Nru 1335/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, l-AFE hija organu tal-Unjoni Ewropea, li għandha persunalità ġuridika u rrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

6        L-Artikolu 24, intitolat “Il-Personal”, tar-Regolament Nru 881/2004 jipprovdi:

“1.      Għandhom applikaw għall-personal ta’ l-Aġenzija r-Regolament tal-Personal [tal-Unjoni Ewropea], il-[KIO] u r-regoli addottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] bil-għan li dawn jiġu applikati għar-Regolamenti tal-Personal u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, il-poteri kkonferiti fuq l-awtorità tal-ħatriet u fuq l-awtorità li tikkontratta skond ir-Regolamenti tal-Personal u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg imsemmija għandhom jiġu eżerċitati mill-Aġenzija rigward il-personal tagħha.

3.       Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(1), il-persunal ta’ l-Aġenzija għandu jikkonsisti minn:

[…]

–        ħaddiema oħrajn, kif definit fil-[KIO], biex iwettqu kompiti implimentattivi jew segretarjali.

[…]”

 Id-Deċiżjoni tat2 ta’ Ottubru 2008 tal-AFE

7        Fit‑2 ta’ Ottubru 2008, id-Direttur Eżekuttiv tal-AFE adotta d-Deċiżjoni 150/09.08 dwar il-politika ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-membri tal-persunal temporanju (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008”). Il-premessi ta’ din id-deċiżjoni jirreferu b’mod partikolari għall-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 8 tal-KIO, għall-pjan multiannwali tal-politika tal-persunal adottat mill-Bord tat-tmexxija tal-Aġenzija u għall-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 881/2004.

8        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008 jipprovdi b’mod partikolari li “[i]t-tul ta’ żmien għat-tiġdid tal-kuntratti għall-membri tal-persunal temporanju hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament […] Nru 881/2004 huwa […] għall-pożizzjonijiet fuq terminu twil, ta’ sentejn fil-każ tal-ewwel tiġdid [; f]il-każ ta’ tiġdid ulterjuri, il-kuntratt isir wieħed għal terminu indeterminat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008, “[f]il-każijiet fejn kuntratt jista’ jiġi estiż, il-membru tal-persunal għandu jiġi informat mid-Direttur Eżekuttiv dwar jekk il-kuntratt tiegħu huwiex ser jiġi estiż jew le, bħala prinċipju, sitt xhur qabel ma jintemm il-kuntratt tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Linji gwida dwar l-estensjoni tal-kuntratti

10      Fis‑26 ta’ Novembru 2008, il-kap tad-diviżjoni “Amministrazzjoni” tal-AFE adotta l-Linji gwida dwar l-estensjoni tal-kuntratti (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”). Dawn ifakkru li, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008, il-membri tal-persunal tal-Aġenzija għandhom jiġu informati, bħala prinċipju, b’avviż bil-quddiem ta’ sitt xhur, dwar jekk il-kuntratti tagħhom humiex ser jiġu estiżi jew le. Il-Linji gwida għandhom bħala għan li jispeċifikaw il-proċedura li għandha tiġi segwita f’dan ir-rigward.

11      Għalhekk huwa indikat, fil-Linji gwida, li d-dipartiment tar-riżorsi umani tad-diviżjoni “Amministrazzjoni” (iktar ’il quddiem id-“dipartiment ‘Riżorsi umani’”) għandu jinforma lill-kap tad-diviżjoni kkonċernata sa mhux iktar tard minn tmien xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-kuntratt tal-membru tal-persunal inkwistjoni permezz ta’ “formola nru 1”. Il-kap tad-diviżjoni għandu sussegwentement ifakkar lill-impjegat id-data ta’ skadenza tal-kuntratt tiegħu u joffrilu l-possibbiltà ta’ djalogu li jinvolvi lill-evalwatur inkarigat mit-tfassil tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tal-membru tal-persunal (iktar ’il quddiem ir-“RŻK”) – fil-ħames ġranet tax-xogħol li jsegwu din l-informazzjoni.

12      Il-kap tad-diviżjoni għandu sussegwentement jirrediġi nota fil-fajl, permezz ta’ “formola nru 2”, li tinkludi evalwazzjoni tal-pożizzjoni nnifisha u tal-kompiti relatati miegħu, speċifikatament opinjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq l-aħħar RŻK disponibbli, fuq il-punt dwar jekk l-impjegat għadux idoneju jkompli jokkupa din il-pożizzjoni.

13      Filwaqt li jibbaża ruħu fuq din l-informazzjoni, il-kap tad-diviżjoni għandu jikkompleta wkoll il-proposta annessa man-nota tad-dipartiment “Riżorsi umani” (annessa mal-“formola nru 1”) dwar jekk il-kuntratt huwiex ser jiġi mġedded jew le. Sussegwentement huwa għandu jissottometti l-proposta tiegħu flimkien man-nota li takkumpanja għall-fajl tad-dipartiment “Riżorsi umani” sa mhux iktar tard minn seba’ xhur qabel tmiem il-kuntratt. Dan id-dipartiment jista’ jżid kull kummentarju fin-nota għall-fajl (“formola nru 2”), b’mod partikolari dwar l-impatti baġitarji tal-proposta u l-koerenza tal-proposta meta mqabbla mal-prattiki eżistenti fil-qasam tal-estensjoni tal-kuntratti fi ħdan l-Aġenzija.

14      Id-dipartiment “Riżorsi umani” għandu jissottometti l-proposta, flimkien maż-żewġ formoli, lid-Direttur Eżekuttiv għall-approvazzjoni tiegħu, fejn dan tal-aħħar sussegwentement jinformah dwar id-deċiżjoni tiegħu billi jikkompleta l-anness għall-“formola nru 1”. Wara li jirċievi d-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv u fil-każ fejn id-deċiżjoni tirrakkomanda li jintemm il-kuntratt, id-dipartiment “Riżorsi umani” għandu jipprepara ittra, li tiġi ffirmata mid-Direttur Eżekuttiv, li tfakkar lill-membru tal-persunal temporanju kkonċernat id-data ta’ skadenza tal-kuntratt tiegħu.

15      Fl-aħħar nett, il-Linji gwida jispeċifikaw li t-termini għandhom jiġu kkalkolati biss mid-data li fiha l-persuna kkonċernata rċeviet notifika jew, l-iktar tard, meta din il-persuna, li tkun aġixxiet bħala membru tal-persunal diliġenti, tista’ titqies li saret taf bil-kontenut tad-dokumenti li ġew ikkomunikati lilha, ikunu liema jkunu.

 Id-dokumenti baġitarji

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2012, il-Bord tat-tmexxija tal-AFE adotta l-baġit tal-Aġenzija kif ukoll il-pjan ta’ stabbiliment għas-sena 2013. F’dan ir-rigward, il-pjan ta’ stabbiliment għas-sena 2013 jindika li, fil‑31 ta’ Diċembru 2011, l-AFE kienet tinkludi, fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti (AST), għaxar membri tal-persunal temporanju fil-grad AST 1, li l-baġit tal-Unjoni kien awtorizza biss seba’ impjiegi f’dan il-grad u li l-Aġenzija kienet iddeċidiet li tnaqqas dan in-numru għal erbgħa.

17      Mill-pjan multiannwali ta’ politika tal-persunal, adottat fl‑20 ta’ Marzu 2013 mill-Bord tat-tmexxija tal-AFE, għall-perijodu 2014‑2016 (“Multi‑annual Staff Policy Plan 2014-2016 for the European Railway Agency”), jirriżulta li, fir-rigward tal-impjiegi tal-grupp ta’ funzjonijiet AST okkupati minn membri tal-persunal temporanju fil‑31 ta’ Diċembru 2012, dawn kienu jammontaw għal 42, li n-numru ta’ impjiegi ta’ dan il-grupp ta’ funzjonijiet li kien jirriżulta fil-baġit ivvotat mill-Unjoni għas-sena 2013 kien ta’ 40, li dak li kien jirriżulta fl-abbozz ta’ baġit tal-Unjoni għas-sena 2014 kien ta’ 39 u li, għas-snin 2015 u 2016, in-numru li kellu jintlaħaq kien ta’ 37 u ta’ 36 rispettivament.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Ir-rikorrenti ġiet impjegata mill-AFE bħala assistenta fil-grad AST 3 permezz ta’ kuntratt b’tul ta’ erba’ snin li jkopri l-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Settembru 2007 u l‑31 ta’ Awwissu 2011. Mill-ittra tas‑7 ta’ Mejju 2007, li kienet intbagħtet lilha mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, fil-kapaċità tiegħu bħala Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASKK”), jirriżulta li dan il-kuntratt kien ġie propost lilha konformement mal-Artikolu 2(a) kif ukoll mal-Artikoli 8 sa 50 tal-KIO.

19      Fil‑5 ta’ Mejju 2011, dan il-kuntratt ġie estiż sat‑30 ta’ Settembru 2013 permezz ta’ klawżola addizzjonali ffirmata bejn l-AFE u r-rikorrenti.

20      Fuq talba tagħha, ir-rikorrenti ġiet ittrasferita mid-dipartiment “Finanzi” tad-diviżjoni “Amministrazzjoni” lejn l-“Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv” (“Executive Director’s Office”), dipartiment “Komunikazzjoni”, tal-AFE sabiex hemmhekk teżerċita, b’mod partikolari, kompiti ta’ komunikazzjoni. Din l-assenjazzjoni mill-ġdid kienet b’effett mis‑16 ta’ Frar 2012 u kienet akkumpanjata bit-trasferiment tal-impjieg tar-rikorrenti fid-dipartimenti tad-Direttorat (Directorate) tal-Aġenzija. Fid-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-istess ġurnata, ġie speċifikat li din kienet assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz u, barra minn hekk, li l-kap tad-diviżjoni tar-rikorrenti, fil-kapaċità tiegħu bħala superjur ġerarkiku dirett ġdid tagħha, kellu jaġġorna d-deskrizzjoni tal-pożizzjoni tar-rikorrenti sabiex jirrifletti l-funzjonijiet u l-kompiti li bihom kellha tiġi inkarigata.

 Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

21      Fit‑22 ta’ Frar 2013, il-kap tad-diviżjoni “Riżorsi umani” bagħat nota lill-kap tad-diviżjoni tar-rikorrenti li fiha huwa talbu, konformement mad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008, jibgħatlu l-opinjoni tiegħu, billi jimla l-parti li tikkonċernah tal-formola annessa, intitolata “Nota għall-fajl”, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Marzu 2013, sabiex ikun jista’ jinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjoni tat-tiġdid jew le tal-kuntratt tar-rikorrenti li kellu jiskadi fit‑30 ta’ Settembru ta’ wara.

22      Waqt laqgħa li saret fl‑14 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti ġiet informata b’mod orali mill-kap tad-diviżjoni tagħha dwar l-intenzjoni tiegħu li ma jitlobx it-tiġdid tal-kuntratt tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-kap tad-diviżjoni spjegalha li kienet ġiet ittrasferita bil-pożizzjoni tagħha fid-dipartimenti tad-Direttorat tal-Aġenzija biss sabiex twettaq kompiti ta’ komunikazzjoni, iżda li rriżulta li hija ma kellhiex it-taħriġ u lanqas il-kompetenzi tekniċi sabiex tiżviluppa fuq dan l-impjieg li minn dak il-mument kien jaqa’ taħt id-Direttorat tal-Aġenzija. B’hekk, raġunijiet imperattivi ta’ natura baġitarja li jinvolvu t-tneħħija tal-pożizzjoni li hija kienet tokkupa ma ġewx invokati f’dan il-kuntest sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha.

23      Fit-tweġiba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura r-rikorrenti spjegat li, matul din il-laqgħa li damet madwar għoxrin minuta, hija sostniet min-naħa tagħha li, wara t-trasferiment tagħha lejn id-Direttorat tal-Aġenzija, id-deskrizzjoni tal-pożizzjoni kellha tiġi aġġornata mill-kap tad-diviżjoni tagħha, li kien naqas milli jagħmel dan. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ddikjarat fit-tweġiba msemmija iktar ’il fuq li “[h]ija ma kinitx tifhem [...] għalfejn ġiet ikkritikata talli ma kellhiex il-kompetenzi neċessarji għal pożizzjoni ta’ komunikazzjoni, meta l-pożizzjoni tagħha kienet pożizzjoni ta’ sostenn finanzjarju u amministrattiv”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Fl-istess tweġiba, hija lmentat lill-kap tad-diviżjoni tagħha, f’dan ir-rigward, billi ma involvihiex biżżejjed fil-kwistjonijiet finanzjarji tad-dipartimenti tad-Direttorat tal-Aġenzija.

24      Min-naħa tagħha l-Aġenzija spjegat, waqt is-seduta, li l-kwistjoni tat-tiġdid tal-kuntratt kellha inizjalment tiġi diskussa waqt laqgħa prevista fit‑13 ta’ Marzu 2013, iżda li din il-laqgħa finalment ma seħħitx minħabba l-assenza tar-rikorrenti. Fil-għodwa tal‑14 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti u l-kap tad-diviżjoni għalhekk iltaqgħu sabiex jiddiskutu dwar din il-kwistjoni u ftehmu li jiddiskutuha mill-ġdid matul il-ġurnata, liema diskussjoni seħħet filgħaxija waqt laqgħa li, skont l-Aġenzija, damet madwar siegħa.

25      F’dan l-istess 14 ta’ Marzu 2013, il-kap tad-diviżjoni indika, fin-nota għall-fajl sottomessa mid-dipartiment “Riżorsi umani”, taħt is-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-pożizzjoni nnifisha u tal-kompiti relatati magħha”, li l-“pożizzjoni okkupata mill-impjegata kienet inħolqot biex tiġi akkomodata x-xewqa tagħha li tikseb esperjenza barra mis-settur finanzjarju”. Fiha ġie speċifikat ukoll li, “[s]abiex jitwettaq it-tnaqqis tal-pożizzjonijiet [fil-grupp ta’ funzjonijiet] AST, fil-kuntest tal-baġit 2013 tal-U[njoni Ewropea] u dawk tas-snin preċedenti, u fl-interess ġenerali tal-Aġenzija, ġie deċiż li din il-pożizzjoni ma tiġġeddidx”. Fir-rigward tat-taqsima dwar l-“[o]pinjoni dwar l-idonjetà tal-impjegata li tkompli tokkupa din il-pożizzjoni”, huwa indika li “[m]inħabba t-tneħħija tal-pożizzjoni, din ma [kinitx] rilevanti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Marzu 2013, ikkontrofirmata mir-rikorrenti fil‑25 ta’ Marzu segwenti, id-Direttur Eżekuttiv tal-AFE ikkonfermalha li l-kuntratt ta’ xogħol tagħha, “li kien ingħata bidu fl‑[1 ta’ Ottubru] 2007, [kellu] jintemm fit‑30 [ta’ Settembru] 2013” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fuq talba tagħha fformulata permezz ta’ posta elettronika fis‑27 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti rċeviet kopja tan-nota fil-fajl li kienet takkumpanja l-proposta li ma jiġġeddidx il-kuntratt tagħha.

27      Fit‑2 ta’ April 2013, il-kap tad-dipartimenti “Riżorsi umani” ffirma l-parti tal-formola li tikkonċerna dan id-dipartiment, billi ngassa t-taqsima “Implikazzjonijiet baġitarji tal-proposta, koerenza mal-prassi eżistenti fi ħdan l-organizzazzjoni u kull informazzjoni meqjusa neċessarja” u, konsegwentement, ma niżżilx kummenti taħt din it-taqsima.

28      Fis‑7 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ressqet ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan l-ilment, hija invokat in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura mill-ASKK sa fejn il-kap tad-diviżjoni tagħha “ma [kienx informaha] dwar il-bidu tal-proċess ta’ tiġdid, u lanqas dwar il-possibbiltà li jkollha diskussjoni”; [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ħtieġa li titneħħa l-pożizzjoni tar-rikorrenti u fir-rigward tal-interess ġenerali tal-Aġenzija li ma ġġeddidx il-kuntratt tagħha; u dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-interessi tar-rikorrenti, b’mod partikolari l-fatt li, fil-każ ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha, dan kien jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat.

 Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Settembru 2013, l-ASKK ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

30      F’dan ir-rigward, l-ASKK indikat li, qabel ma esponiet l-argumenti tagħha bi tweġiba għar-rikorrenti, hija xtaqet tfakkrilha l-kuntest li fiha ngħatat id-deċiżjoni kkontestata. Hija għalhekk enfasizzat li r-rikorrenti, fuq talba tagħha stess, kienet ġiet ittrasferita fir-rigward tal-impjieg tagħha b’effett mis‑16 ta’ Frar 2013 u li kien ġie deċiż, bi ftehim komuni, sabiex l-attribuzzjonijiet tagħha jinbidlu lejn iktar kompiti ta’ komunikazzjoni sabiex tkun tista’ ssegwi karriera fi ħdan l-AFE. Madankollu, minħabba r-riforma mħabbra u t-tnaqqis baġitarju, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal, l-ASKK ġiet ikkonfrontata b’perspettivi negattivi u kienet imġegħla, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, tnaqqas il-persunal tagħha billi tneħħi tliet pożizzjonijiet mill-grupp ta’ funzjonijiet AST.

31      Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kienet tindika li dan it-tnaqqis tal-persunal kellu jitkompla taħt il-kontroll u l-pressjoni tal-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħha tas‑6 ta’ Marzu 2013 dwar il-pjan multiannwali ta’ politika tal-persunal tal-AFE għall-perijodu 2014‑2016, kienet irrikjediet mill-ġdid li l-Aġenzija ssegwi l-politika globali ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ffissat għal 2 % fis-sena. Huwa f’dan il-kuntest li d-Direttorat iddeċieda li jneħħi żewġ pożizzjonijiet mill-grupp ta’ funzjonijiet AST u li jagħżel dawn iż-żewġ pożizzjonijiet minn fost il-ħames pożizzjonijiet okkupati minn membri tal-persunal temporanju mill-grupp ta’ funzjonijiet AST li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom kienu jiskadu fl‑2013. Il-kriterju kkunsidrat bħala gwida għal din l-għażla kien dak li jikkonsisti f’li jiġu identifikati l-pożizzjonijiet li t-tneħħija tagħhom tikkawża l-inqas impatt possibbli fuq il-funzjonament operattiv tal-Aġenzija u huwa b’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju li l-għażla tal-AFE waqgħet fuq impjieg mill-grupp ta’ funzjonijiet AST fi ħdan id-diviżjoni “Riżorsi u sostenn” u fuq impjieg fil-livell tad-dipartimenti tad-Direttorat, jiġifieri dak okkupat mir-rikorrenti.

32      L-ASKK tispeċifika, dejjem fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li kien ġie deċiż li titneħħa l-pożizzjoni li kienet tokkupa r-rikorrenti u li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ impjieg tagħha peress li l-kap tad-diviżjoni tagħha kien konvint li l-livell ta’ prestazzjoni tar-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-kompiti bażiċi fil-qasam tal-komunikazzjoni ma kinitx tilħaq, f’futur previdibbli, il-livell tar-rekwiżiti relatati ma’ dan it-tip ta’ pożizzjoni. L-ASKK kienet indikat li dan kien ġie spjegat b’mod orali lir-rikorrenti waqt il-laqgħa tagħha tal‑14 ta’ Marzu 2013 mas-superjur ġerarkiku tagħha.

33      L-ASKK żiedet li kien għal dawn ir-raġunijiet li hija kienet ikkunsidrat li l-kuntratt tar-rikorrenti ma jistax jiġi mġedded peress li ma jistax jiġi ffinanzjat mill-baġit tal‑2014 tal-Aġenzija, li ma kienx possibbli li jinħolqu pożizzjonijiet ġodda fil-grupp ta’ funzjonijiet AST u li, barra minn hekk, ebda pożizzjoni oħra ta’ dan il-grupp ta’ funzjonijiet ma kienet jew ma kellha ssir vakanti f’futur qarib, b’tali mod li ma kienx possibbli li r-rikorrenti tiġi ttrasferita fi ħdan diviżjoni oħra.

34      Bi tweġiba għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti fl-ilment tagħha, l-ASKK sostniet li n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti kien josserva d-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008 peress li hija kienet ġiet debitament informata f’dan is-sens fis-sitt xhur li jippreċedu t-tmiem tal-kuntratt tagħha. Fir-rigward tat-tqegħid inkwistjoni, mir-rikorrenti, tar-realtà tal-obbligu baġitarju fuq l-Aġenzija u tal-opportunità tat-tneħħija tal-pożizzjoni tagħha, hekk kif esposti fin-nota fil-fajl dwar l-estensjoni tal-kuntratt tagħha, l-ASKK sostniet li r-riferiment għat-tnaqqis tan-numru ta’ pożizzjonijiet mill-grupp ta’ funzjonijiet AST fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2013 u f’dawn sussegwenti kien biżżejjed għall-bżonnijiet, f’termini ta’ motivazzjoni, ta’ tali nota u li raġunijiet f’iktar dettall ġew ipprovduti fid-dokumenti li għalihom isir riferiment f’din in-nota.

35      Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tar-rikorrenti, l-ASKK fakkret li l-interess tas-servizz għandu jkollu preċedenza fuq l-interess tal-membru tal-persunal u li, fi kwalunkwe każ, l-interess tal-membru tal-persunal ma jistax jipprekludi lill-amministrazzjoni milli jirrazzjonalizza d-dipartimenti tiegħu jekk huwa jqis li dan huwa neċessarju. Fl-aħħar nett l-ASKK tfakkar li, fil-punt 167 tas-sentenza AI vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (F‑85/10, EU:F:2012:97), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien iddeċieda li “l-amministrazzjoni ma tistax tkun meħtieġa li tipproponi assenjazzjoni ġdida għal membru tal-persunal temporanju li s-servizzi professjonali tiegħu huma meqjusa mhux sodisfaċenti”.

 It-talbiet tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni kkontestata u jikkundanna lill-AFE għall-ispejjeż.

37      L-Aġenzija titlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ premura mill-AFE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

 L-argumenti tal-partijiet

39      L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet, fejn l-ewwel parti hija relatata mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u t-tieni parti, ma’ ksur ta’ formalità essenzjali li tinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

40      F’dan ir-rigward, billi tistrieħ fuq is-sentenza Lux vs Il‑Qorti tal-Awdituri (129/82 u 274/82, EU:C:1984:391, punt 20), ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk id-direttivi interni, bħad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008 u l-Linji gwida, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regoli ta’ liġi li għandhom jiġu osservati mill-amministrazzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha, din tal-aħħar madankollu ma tistax tevitahom mingħajr ma tagħti raġunijiet validi f’dan ir-rigeard. Issa, l-ASKK marret kontra dan il-prinċipju f’dan il-każ peress li hija ma segwietx skrupolożament il-proċedura li hija stess kienet iddeċidiet li timponi fuqha nnifisha. Dan ma jikkostitwixxix biss ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża.

41      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-dipartiment “Riżorsi umani” talbet l-opinjoni tal-kap tad-diviżjoni dwar il-kwistjoni tat-tiġdid tal-kuntratt tagħha biss fit‑22 ta’ Frar 2013, jiġifieri b’dewmien ta’ madwar għoxrin jum meta mqabbel ma dak li hu previst fil-Linji gwida, jiġifieri li din il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tinbeda sa mhux iktar tard minn tmien xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-kuntratt inkwistjoni. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-ASKK talli ma informathiex, kuntrarjament għal dak li jipprovdu l-linji gwida, dwar il-bidu tal-proċess ta’ tiġdid u lanqas dwar il-possibbiltà li ssir diskussjoni fil-ħames ġranet tax-xogħol wara li jingħata bidu għall-imsemmi proċess.

42      Billi ma informatx lir-rikorrenti dwar il-possibbiltà li jkollha djalogu mal-kap ta’ diviżjoni, li jekk ikun hemm bżonn jinvolvi lill-evalwatur tagħha, li, f’dan il-każ, kien l-istess kap ta’ diviżjoni tagħha, l-ASKK marret kontra d-dritt tar-rikorrenti għal dritt ta’ smigħ u li ssostni l-argumenti tagħha dwar il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha.

43      Barra minn hekk, l-ASKK wettqet ukoll f’dan il-każ “ksur sostanzjali tal-proċedura” inkwantu d-dipartiment “Riżorsi umani”, li ffinalizza n-nota fil-fajl billi ffirmah fit‑2 ta’ April 2013, ma ġiex ikkonsultat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li saret fit‑22 ta’ Marzu preċedenti. Dan jikkostitwixxi irregolarità fir-rigward tal-preskrizzjonijiet tal-Linji gwida peress li d-Direttur Eżekuttiv għandu jadotta deċiżjoni, dwar it-tiġdid jew le tal-kuntratt, b’mod partikolari fid-dawl tal-kummentarji tad-dipartiment “Riżorsi umani”, li kienu preċiżament neqsin. Issa, dan il-ksur huwa ta’ portata partikolari f’dan il-każ peress li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha essenzjalment fuq raġunijiet baġitarji li jinvolvu l-ħtieġa li pożizzjonijiet jitneħħew. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kieku l-proċedura kienet ġiet osservata, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet sostanzjalment differenti.

44      L-AFE titlob sabiex jiġi miċħud il-motiv billi essenzjalment issostni, fl-ewwel lok, li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ġiet informata bid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha sitt xhur qabel l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt, liema fatt huwa konformi mad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008.Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Linji gwida, hija essenzjalment issostni li dawn japplikaw biss fil-każijiet fejn ikun hemm possibbiltà li jiġġedded il-kuntratt inkwistjoni, liema fatt ma huwiex il-każ peress li, f’din il-kawża, il-pożizzjoni kkonċernata għandha titneħħa għal raġunijiet baġitarji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Kunsiderazzjonijiet ġenerali

45      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Aġenzija talli marret kontra d-dritt ta’ smigħ tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u talli ma osservatx il-proċedura li hija stess ġabet fis-seħħ sabiex tiggarantixxi r-rispett ta’ tali dritt.

46      Dwar dan l-aspett, fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li l-KIO, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħhom, ma jipprevedux proċedura speċifika bl-għan li tippermetti li membru tal-persunal temporanju impjegat għal żmien determinat jinstema’ kif xieraq qabel ma tiġi adottata kontrih deċiżjoni li l-kuntratt tiegħu ma jiġġeddidx, deċiżjoni li, mill-kontenut tagħha, hija tali li taffettwa b’mod sfavorevoli s-sitwazzjoni professjonali u personali tal-persuna kkonċernata.

47      Madankollu, quddiem is-silenzju tat-testi statutorji, istituzzjoni jew aġenzija tista’ tipprevedi proċeduri u modalitajiet interni li jippermettu li l-membru tal-persunal temporanju jinstema’ qabel ma jiġi deċiż il-futur tal-impjieg tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ direttivi interni, sakemm l-użu ta’ tali possibbiltà ma jwassalx għal deroga minn regola espliċita tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-KIO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schneider vs Il‑Kummissjoni, T‑54/92, EU:T:1994:283, punt 19, u Petrilli vs Il‑Kummissjoni, F‑98/07, EU:F:2009:7, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, tali direttivi interni jistgħu, f’qasam li fih l-istituzzjoni jew l-aġenzija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal, tieħu l-forma ta’ deċiżjoni kkomunikata lill-persunal kollu u intiża sabiex tiggarantixxi trattament identiku lill-uffiċjali u l-membri tal-persunal ikkonċernati kollha. Meta istituzzjoni jew aġenzija tadotta tali deċiżjoni, din għandha, bħala tali, titqies li hija regola ta’ kondotta indikattiva li l-amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li hija ma tistax tinjora mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel hekk, taħt piena li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Louwage vs Il‑Kummissjoni, 148/73, EU:C:1974:7, punt 12; Lux vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, EU:C:1984:391, punt 20, u Monaco vs Il‑Parlament, T‑92/96, EU:T:1997:105, punt 46; ara, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-persunal, is-sentenza Bernard vs Europol, F‑99/07 u F‑45/08, EU:F:2009:84, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, il-Linji gwida, li jispjegaw fid-dettall il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-qasam ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-AFE, jikkostitwixxu direttiva interna fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u b’hekk għandu jiġi kkonstatat li, billi pprovdiet li l-persuni kkonċernati għandhom jiġu informati, bħala prinċipju, f’terminu ta’ sitt xhur qabel l-iskadenza tal-kuntratt tagħhom u billi spjegat il-proċedura li għandha tiġi segwita mis-servizzi tal-Aġenzija u li tipprevedi l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jsostnu l-fehma tagħhom, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008 u tal-Linji Gwida, l-AFE fasslet id-dritt ta’ smigħ favur il-membri tal-persunal tagħha fuq l-opportunità ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħhom ta’ impjieg għal żmien determinat.

50      Fi kwalunkwe każ, sa mid-dħul fis-seħħ tagħha fl‑1 ta’ Diċembru 2009, bħala att li, skont l-Artikolu 6 TFUE, għandu l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi espressament, fl-Artikolu 41 tagħha, id-dritt fundamentali għal kull persunal “li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament”. Issa, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, l-imsemmi Artikolu 41 huwa indirizzat direttament lill-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, li għalhekk għandhom l-obbligu li japplikawha u li josservawha, fil-limiti indikati fl-Artikolu 52 tal-Karta.

51      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li jeħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

52      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, hekk kif irrikonoxxiet b’mod partikolari waqt is-seduta, ir-rikorrenti kellha għarfien tal-kontenut tad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008 u tal-Linji gwida, li bis-saħħa tagħhom tmexxiet preċiżament il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha, li ngħatat bidu fil‑5 ta’ Mejju 2011.

53      Fir-rigward tal-punt jekk l-Aġenzija hijiex, f’dan il-każ, għal kollox konformi mal-Linji gwida li jirregolaw b’mod partikolari d-djalogu li għandu jsir bejn l-Aġenzija u l-membru tal-persunal ikkonċernat fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu, mill-proċess u mid-dibattitu waqt is-seduta jirriżulta li r-rikorrenti ġiet informata waqt il-laqgħa li kellha fl‑14 ta’ Marzu 2013 mal-kap tad-diviżjoni tagħha dwar ir-raġunijiet għalfejn huwa kellu l-intenzjoni li ma jipproponix lill-ASKK li jiġġedded il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju, minħabba, mill-inqas skont dak li qed tgħid ir-rikorrenti, l-inadegwatezza tal-prestazzjonijiet tagħha għar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li hija kienet tokkupa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bianchi vs Il‑Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, F‑38/06, EU:F:2007:117, punt 66).

54      Fir-rigward tar-raġunijiet inizjalment ikkunsidrati mill-kap tad-diviżjoni li fuqhom ibbaża l-proposta tiegħu sottomessa lill-ASKK, anki jekk ġew ikkunsidrati raġunijiet supplementari minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata u fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li ddiskutiet dan is-suġġett mal-kap tad-diviżjoni tagħha fl‑14 ta’ Marzu 2013 u li b’hekk kellha l-opportunità li tikkontesta l-perċezzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-kwalità tal-prestazzjonijiet tagħha u tal-probabbiltà li dawn jistgħu jiżviluppaw fil-futur sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-Aġenzija. Għaldaqstant, hija effettivament kellha l-possibbiltà li ssostni l-fehma tagħha quddiem is-superjur ġerarkiku tagħha qabel ma l-ASKK adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq proposta ta’ dan tal-aħħar.

55      Madankollu l-Aġenzija għandha tiżgura li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun informat b’mod ċar, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Linji gwida, rigward l-għan tal-laqgħa tiegħu mas-superjur ġerarkiku tiegħu, sabiex ikun jista’ juri b’mod effettiv il-fehma tiegħu qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li taffettwah b’mod sfavorevoli għal dak li jikkonċerna l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu ta’ impjieg. B’hekk, anki jekk il-Linji gwida ma jimponux il-forma bil-miktub għad-djalogu previst bejn is-superjur ġerarkiku u l-membru tal-persunal ikkonċernat u li, għaldaqstant, informazzjoni dwar l-intervista tista’ tkun orali u tirriżulta mill-kuntest li fih din tiżvolġi, konvokazzjoni tal-persuna kkonċernata bil-miktub tista’ tkun iktar xierqa.

56      Fuq dan l-aspett, ir-rikorrenti ssostni li, fi tmiem il-laqgħa tagħha tal‑14 ta’ Marzu 2013, li seħħ biss tard filgħaxija u biss fuq inizjattiva tagħha, hija ma kinitx ġiet informata dwar il-fatt li kien ingħata bidu għall-proċedura dwar it-tiġdid tal-kuntratt tagħha.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti rrikonoxxiet li, waqt il-laqgħa msemmija iktar ’il fuq, hija kellha għarfien dwar id-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008 u tal-Linji gwida, u dan peress li hija diġà kienet ibbenefikat minn tiġdid tal-kuntratt tagħha, fil‑5 ta’ Mejju 2011, b’applikazzjoni tal-istess Linji gwida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ftit huwa plawżibbli li hija ma kinitx indunat, wara li ntemmet il-laqgħa tagħha tal‑14 ta’ Marzu 2013, li kien ingħata bidu għall-proċedura relatata mat-tiġdid tal-kuntratt tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-laqgħa żvolġiet fit-tard ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-fatt li hija effettivament kellha l-possibbiltà li ssostni b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-kap tad-diviżjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell tal-prestazzjonijiet professjonali tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-kompiti li jirriżultaw mill-impjieg tagħha, qabel ma l-kap tad-diviżjoni jikkomunika lill-ASKK il-proposta tiegħu fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt tagħha.

58      Ir-rikorrenti ma setgħet lanqas tinjora l-fatt li, kieku xtaqet, hija kellha l-possibbiltà, espressament prevista mil-Linji gwida, li titlob, wara l-laqgħa tal‑14 ta’ Marzu 2013, it-tkomplija tad-djalogu mal-kap tad-diviżjoni tagħha, fil-kapaċità tiegħu bħala evalwatur, u jekk ikun il-każ mas-superjur ġerarkiku ta’ dan tal-aħħar. Anki jekk ma huwiex ikkontestat li l-kap tad-diviżjoni telaq bil-leave fil‑15 ta’ Marzu 2013, xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrenti, wara li saret taf bil-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ x’għandu jsir fir-rigward tal-kuntratt tagħha, milli tiddefendi mill-ġdid l-interessi tagħha, b’mod partikolari billi tissottometti lid-Direttur Eżekuttiv, fil-kapaċità tiegħu bħala ASKK li kellu jadotta d-deċiżjoni kkontestata, osservazzjonijiet, bil-miktub jew orali, bil-għan li jikkonvinċuh ma jsegwix il-proposta tal-kap tad-diviżjoni.

59      F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li hemm tmint ijiem bejn id-data tal-laqgħa tar-rikorrenti mal-kap tad-diviżjoni tagħha u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Matul tali perijodu, ir-rikorrenti kien għad kellha l-possibbiltà li tikkompleta l-fehmiet tagħha bil-miktub (ara, b’analoġija, is-sentenzi Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 49 sa 52, u Kamino International Logistics, C‑129/13, EU:C:2014:2041, punt 33).

60      Barra minn hekk, il-kontenut tal-ilment tar-rikorrenti jikkonferma li fehmet korrettament id-deċiżjoni kkontestata, minkejja n-natura lakonika tal-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni tagħha, liema fatt jikkonferma li hija kienet debitament ġiet informata dwar ir-raġunijiet għalfejn il-kap tad-diviżjoni tagħha kien iddeċieda li ma jitlobx it-tiġdid tal-kuntratt tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Solberg vs OEDT, F‑124/12, EU:F:2013:157, punt 34).

61      Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li l-Aġenzija f’dan il-każ ma marritx kontra d-dritt ta’ smigħ tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tant li din ma tikkonċernax ir-rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat, iżda tikkonċerna t-tiġdid fakultattiv ta’ tali kuntratt (ara, fir-rigward tal-portata tad-dritt ta’ smigħ skont in-natura tal-att li jikkawża preġudizzju, is-sentenza Bui Van vs Il‑Kummissjoni, T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punti 75  77).

62      Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, anki fil-każ fejn kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża, jeħtieġ li barra minn hekk, sabiex il-motiv ikun jista’ jiġi milqugħ, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet tagħti lok għal riżultat differenti (sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, EU:T:2007:34, punt 149, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, f’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata ulterjorment li, fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti sostniet argumenti supplementari li għalihom l-ASKK wieġbet billi kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata għal raġunijiet essenzjalment marbuta ma’ imperattivi ta’ natura baġitarja. Għaldaqstant, anki jekk ir-rikorrenti kienet effettivament użat il-possibbiltà offerta lilha li titlob djalogu iktar fil-fond mas-superjuri ġerarkiċi tagħha u b’hekk kellha l-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ma kinitx tagħti lok għal riżultat differenti.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur ta’ forma proċedurali essenzjali li tinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

65      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li t-termini previsti mil-Linji gwida jservu fuq kollox l-għan prinċipali, deċiż fid-deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2008, li jħarsu li l-Aġenzija taġixxi b’diliġenza sabiex il-membru tal-persunal temporanju li l-kuntratt tiegħu jkun wasal sabiex jiskadi jiġi informat mill-inqas sitt xhur qabel id-data ta’ skadenza ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tat-tiġdid jew le ta’ dan tal-aħħar u li, għaldaqstant, deċiżjoni f’dan ir-rigward tiġi adottata fi żmien effettiv, b’mod partikolari sabiex il-persuna kkonċernata ma ssibx ruħha mhux ippreparata u li tkun tista’, jekk ikun il-każ, tieħu inizjattivi eventwali ta’ tiftix ta’ impjieg u torganizza ċaqlieq eventwali mill-post ta’ impjieg tagħha lejn Stat Membru li ma huwiex dak tas-sede tal-Aġenzija.

66      Barra minn hekk, mit-titolu tat-taqsimiet li għandhom jiġu kkompletati mill-kap tad-diviżjoni jirriżulta li l-proċedura prevista fil-Linji gwida hija qabel kollox intiża sabiex tiġbor l-opinjoni ta’ dan tal-aħħar dwar il-punt jekk il-kompiti relatati mal-pożizzjoni inkwistjoni humiex ser jiżviluppaw u jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-mod li bih huwa wettaq il-kompiti tiegħu preċedentement, fejn dan huwa suġġett għal RŻK, il-membru tal-persunal temporanju li jokkupa din il-pożizzjoni jixraqlux li jkompli jiġi impjegat f’din il-pożizzjoni mill-AFE, b’tali mod li b’hekk ikun iġġustifikat it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Hekk kif tenfasizza ġustament l-AFE, it-tagħrif miġbur f’din il-proċedura huwa intiż sabiex jiddetermina jekk il-membru tal-persunal li l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu skada jistax jew għandux ikompli jaqa’ taħt din il-pożizzjoni ta’ impjieg, liema fatt, madankollu, jippresupponi neċessarjament li dan l-impjieg jirriżulta fil-baġit, għall-futur, fil-lista ta’ impjegati tal-Aġenzija.

67      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza fl-ipoteżi li t-termini indikattivi previsti fil-Linji gwida ma humiex osservati, xorta hemm bżonn li tali irregolarità jista’ jkollha konsegwenza fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2007:34, punt 149, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Issa, f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-proċedura relatata mat-tiġdid tal-kuntratt tagħha nbdiet biss fit‑22 ta’ Frar 2013, jiġifieri b’dewmien ta’ madwar għoxrin ġurnata b’paragun mal-iskadenza prevista fil-Linji gwida, ir-rikorrenti ma tipprovax fejn dan id-dewmien kellu impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

69      Fit-tieni lok fir-rigward tal-fatt li d-dipartiment “Riżorsi umani” ntalab jagħti opinjoni biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mil-Linji gwida jirriżulta li l-konsultazzjoni ta’ dan id-dipartiment ma għandux bħala għan l-evalwazzjoni tal-merti tal-membru tal-persunal ikkonċernat u lanqas dik tal-opportunità, mill-perspettiva tal-interess tal-Aġenzija, li jiġġedded il-kuntratt tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, il-Linji gwida huma intiżi li jindikaw li d-dipartiment “Riżorsi umani” “jista’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] iżid kull kumment fin-nota għall-fajl, b’mod partikolari dwar l-impatti baġitarji tal-proposta tal-kap tad-diviżjoni u l-koerenza ta’ din il-proposta meta mqabbla mal-prattiki eżistenti fil-qasam tal-estensjoni tal-kuntratti fi ħdan l-Aġenzija. B’hekk, id-dipartiment “Riżorsi umani” seta’, f’każ bħal dak inkwistjoni, ma jagħmel ebda kumment fil-marġni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni li, preċiżament, ma kienet tali li tiġġenera ebda konsegwenza baġitarja fis-sezzjoni “infieq” tal-baġit tal-Aġenzija tas-sena segwenti u li barra minn hekk kienet tikkorrispondi għat-tneħħija ta’ pożizzjoni mill-awtorità baġitarja. Barra minn hekk, xejn ma jindika li, kieku d-dipartiment “Riżorsi umani” kien mela parti mill-formola rriżervata lilu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien ikun hemm ħtieġa li jiġi fformulat kumment.

70      Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal f’dan il-każ, fejn l-impjieg inkwistjoni huwa ddestinat li jiġi eliminat, l-impatti tal-baġit, previsti f’termini ta’ nfiq għall-baġit tal-funzjonament tal-Aġenzija, ta’ proposta intiża sabiex ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tal-membru tal-persunal li jokkupa dan l-impjieg, huma effettivament newtrali, hekk kif issostni l-AFE, peress li tali deċiżjoni sempliċement tikkonferma l-assenza ta’ użu ta’ fondi li ġew annullati għas-sena baġitarja li jmiss. Għaldaqstant, konsultazzjoni eventwali tad-dipartiment “Riżorsi umani”, anki jekk issir fit-termini previsti li jirriżultaw fil-Linji gwida, ma jistax ikollha konsegwenzi fuq il-kontenut u, għalhekk, fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

71      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur mill-ASKK tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan għandu jiġi miċħud ġaladarba, minn naħa, l-ASKK spjegat ir-raġunijiet, f’dan il-każ baġitarji u marbuta ma tneħħija ta’ pożizzjoni, għalfejn hija ma applikatx skrupolożament il-proċedura u ma żammitx mat-termini indikattivi previsti fil-Linji gwida u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tar-rikorrenti skada fit-terminu previst.

72      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li t-tieni parti u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

73      Qabel kollox ir-rikorrenti ssostni li, billi ssostni li l-pożizzjoni li hija kienet tokkupa kienet inħolqot biss bil-għan li tkun tista’ tikseb esperjenza barra mill-qasam finanzjarju, l-ASKK wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li l-għan tat-trasferiment tar-rikorrenti, imwettaq fuq talba tagħha, kien ukoll u fuq kollox sabiex id-diviżjoni fejn hija ġiet assenjata fl-ewwel lok tkun tista’ tibbenefika mill-kompetenzi tar-rikorrenti fil-qasam finanzjarju. B’hekk ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li t-tneħħija tal-pożizzjoni tagħha kienet l-għażla li kienet tippermetti li jkun hemm inqas impatt operattiv fuq il-funzjonament tal-Aġenzija.

74      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-fatt li l-AFE kellha l-obbligu li tħassar il-pożizzjoni tagħha sabiex tkun tista’ tissodisfa l-għanijiet iffissati fil-perspettivi baġitarji u finanzjarji. F’dan ir-rigward, filwaqt li indikat li, fil-baġit tagħha tal‑2013, l-Aġenzija pprovdiet għall-ħolqien ta’ żewġ pożizzjonijiet ta’ amministraturi, hija tikkritika l-fatt li l-isforz ta’ tnaqqis ta’ tliet pożizzjonijiet sar biss fuq il-grupp ta’ funzjonijiet AST. Sussegwentement hija tosserva li, fl-opinjoni tagħha dwar il-pjan multiannwali ta’ politika tal-persunal għall-perijodu 2014‑2016, il-Kummissjoni ċertament ipprevediet tnaqqis ta’ 2 % tal-persunal, iżda hija indikat ukoll tnaqqis tar-rata ta’ okkupazzjoni tal-pożizzjonijiet previsti mill-pjan ta’ stabbiliment peress li kienu biss 139 pożizzjonijiet minn 144 li mtlew fi ħdan l-Aġenzija. Issa, sa fejn l-AFE, sa mill‑2010, għandha bejn erba’ u sitt pożizzjonijiet li ma mtlewx, l-għażla tal-ASKK setgħet tiffoka fuq it-tneħħija ta’ waħda minn dawn il-pożizzjonijiet pjuttost milli fuq dik tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li t-tneħħija rikjesta minn kostrizzjonijiet baġitarji kienet tikkonċerna pożizzjonijiet fil-grad AST 1 u AST 2. Konsegwentement, peress li hija kienet tokkupa pożizzjoni fil-grad AST 3, u saħansitra AST 4 fis‑6 ta’ Settembru 2013, il-pożizzjoni tagħha ma messhiex kienet ikkonċernata minn din it-tneħħija.

75      Barra minn hekk, hija ssostni li d-Direttur Eżekuttiv ma setax ibiddel b’inizjattiva tiegħu stess il-pjan ta’ stabbiliment tal-Aġenzija, li tiffissa n-numru ta’ pożizzjonijiet awtorizzati skont il-grupp ta’ funzjonijiet u skont il-grad għal kull sena baġitarja. Fil-fatt, huwa biss il-Bord tat-tmexxija tal-Aġenzija li għandu din il-kompetenza.

76      L-Aġenzija titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

77      Jeħtieġ li jitfakkar li d-deċiżjoni dwar jekk għandux jiġġedded jew le kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju konkluż għal żmien determinat tirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-ASKK f’dan ir-rigward, b’tali mod li, fl-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ deċiżjoni bħal din, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha, indipendentement mill-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz jew ta’ użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-ASKK (ara s-sentenza Bianchi vs ETF, EU:F:2007:117, punti 92 u 93, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan ir-rigward, żball jista’ jiġi kkwalifikat bħala manifest biss meta jkun faċilment perċepibbli u meta jista’ jiġi identifikat quddiem il-fatti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-għan li jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-istabbiliment tal-fatt li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni adottata abbażi ta’ din l-evalwazzjoni għaldaqstant jimplika li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrenti, ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet ikkunsidrati quddiem l-amministrazzjoni ma jibqgħux iktar plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi prodotti mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni mqiegħda inkwistjoni tista’ tibqa’ tiġi ammessa bħala ġustifikata u koerenti (ara s-sentenza AI vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, EU:F:2012:97, punt 153, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax espliċitament ir-raġunijiet għalfejn l-ASKK iddeċidiet li ma ġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, hija l-motivazzjoni li tirriżulta fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, fejn din il-motivazzjoni għandha tikkoinċidi ma’ dan l-aħħar att (sentenza Mocová vs Il‑Kummissjoni, F‑41/11, EU:F:2012:82, punt 21), u li, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, l-ASKK tista’, fl-istadju tal-ilment, tbiddel jew tissostitwixxi l-motivi ta’ tali deċiżjoni, bħal ma għamlet l-ASKK f’dan il-każ (ara s-sentenza Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punti 33 sa 46).

80      F’dan is-sens, qabel kollox fir-rigward tar-raġunijiet baġitarji invokati mill-AFE, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-opinjoni tas‑6 ta’ Marzu 2013 indirizzata mill-Kummissjoni lill-Aġenzija, annessa mar-rikors, l-AFE kellha l-obbligu li tneħħi xi impjiegi sabiex tilħaq l-“għan tat‑2 %” u li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex titqiegħed inkwistjoni r-realtà ta’ dan l-għan, billi tikkontesta n-natura u l-portata tal-obbligi baġitarji fdati lill-Aġenzija f’dan ir-rigward, ma jiżvela ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-AFE fl-evalwazzjoni tal-imsemmija obbligi ta’ tneħħija ta’ pożizzjonijiet.

81      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tad-dipartiment huma l-kompetenza esklużiva tal-istituzzjoni, u hija l-awtorità ġerarkika, bħalma huwa, f’dan il-każ, id-Direttur Eżekuttiv tal-AFE, li hija l-unika responsabbli mill-organizzazzjoni tad-dipartimenti. Hija r-responsabbiltà tagħha biss li tevalwa l-bżonnijiet tad-dipartiment billi tassenja, konsegwentement, il-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħha (sentenzi Labeyrie vs Il‑Kummissjoni, 16/67, EU:C:1968:37, p. 445; Geist vs Il‑Kummissjoni, 61/76, EU:C:1977:127, punt 38; Pitrone vs Il‑Kummissjoni, T‑46/89, EU:T:1990:62, punt 60, u Cesaratto vs Il‑Parlament, T‑108/96, EU:T:1997:115, punt 48).

82      L-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni għandhom ukoll il-libertà li jistrutturaw id-diviżjonijiet amministrattivi tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni serje ta’ fatturi, bħan-natura u l-portata tal-kompiti mogħtija lilhom u l-possibbiltajiet baġitarji (sentenzi Bellardi-Ricci et VS Il‑Kummissjoni, 178/80, EU:C:1981:310, punt 19; Scheuer vs Il‑Kummissjoni, T‑108/89, EU:T:1990:45, punt 41; Sebastiani vs Il‑Parlament, T‑163/89, EU:T:1991:49, punt 33, u Lacruz Bassols vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, EU:T:1994:16, punt 88). Issa, din il-libertà tinvolvi dik li jitneħħew impjiegi u li tinbidel l-attribuzzjoni tal-kompiti, bil-għan li jkun hemm iktar effikaċja fl-organizzazzjoni tax-xogħlijiet jew sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti baġitarji ta’ tneħħija ta’ pożizzjonijiet imposti mill-organi politiċi tal-Unjoni, kif ukoll is-setgħa li jiġu assenjati mill-ġdid kompiti li qabel kienu eżerċitati mill-persuna impjegata fil-pożizzjoni mneħħija, mingħajr ma din it-tneħħija tal-impjieg tkun neċessarjament suġġetta għall-kundizzjoni li l-kompiti kollha imposti jitwettqu minn numru iżgħar ta’ persuni minn dak ta’ qabel l-organizzazzjoni mill-ġdid. Barra minn hekk, tneħħija ta’ impjieg mhux neċessarjament tinvolvi l-eliminazzjoni tal-kompiti li kien jinkludi (sentenza Cesaratto vs Il‑Parlament, EU:T:1997:115, punti 49 sa 51).

83      Konsegwentement, billi ddeċidiet, għal raġunijiet imperattivi baġitarji, li tneħħi pożizzjonijiet ta’ assistenti, minflok ta’ pożizzjonijiet ta’ amministraturi, u billi identifikat u għażlet, fost il-ħames pożizzjonijiet ta’ assistenti okkupati minn membri tal-persunal temporanji li l-kuntratti tagħhom kienu jiskadu matul is-sena 2013, dik okkupata mir-rikorrenti bħala waħda li l-eliminazzjoni tagħha jkollha l-inqas impatt fuq l-operat, l-AFE baqgħet fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Karatzoglou vs AER, T‑471/04, EU:T:2008:540, punt 59).

84      Fir-rigward tal-allegata inkompetenza tad-Direttur Eżekuttiv sabiex ibiddel il-pjan ta’ stabbiliment tal-Aġenzija, li barra minn hekk ma tqajmitx matul il-fażi prekontenzjuża, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-Direttur Eżekuttiv tal-AFE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

85      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tas‑16 ta’ Frar 2012, annessa mar-rikors, jirriżulta espliċitament minn din id-deċiżjoni li hija ġiet adottata fl-interess tas-servizz. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess tas-servizz jinvolvi wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat personali tal-persuna kkonċernata peress li l-interess tas-servizz u s-sitwazzjoni personali tal-membru tal-persunal huma indissolubbilment marbuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ridolfi vs Il‑Kummissjoni, F‑3/09, EU:F:2009:162, punt 47). Ċertament fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment l-AFE indikat li din id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kienet ġiet adottata fuq talba tar-rikorrenti, milli jidher fuq xewqa ta’ semplifikazzjoni u bil-għan li jiġi enfasizzat li kien b’konsegwenza ta’ din l-assenjazzjoni mill-ġdid mitluba mir-rikorrenti li hija kienet ġiet assenjata f’pożizzjoni li, evidentement, kienet waslet sabiex titneħħa.

86      Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma spjegatx kif ir-riferiment, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għaċ-ċirkustanza li kienet hi li talbet sabiex tiġi assenjata mill-ġdid fl-impjieg li evidentement tneħħa jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas ma tispjega għalfejn tali żball b’rabta mad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tas‑16 ta’ Frar 2012, li l-legalità tagħha ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ, seta’ jivvizzja d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, liema deċiżjonijiet kellhom għan differenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju.

87      Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta li l-ASKK immotivat id-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ tiġdid essenzjalment minħabba raġunijiet ta’ natura baġitarja u huwa biss b’mod sekondarju li hija tirreferi għall-kwalità tal-prestazzjonijiet tar-rikorrenti. Għaldaqstant, anki jekk ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-impjieg tagħha fi ħdan l-“Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv”, kienet eżegwixxiet iktar kompiti ta’ sostenn finanzjarju u amministrattiv li fir-rigward tagħhom hija ssostni li għandha padronanza aħjar u li baqgħu jirriżultaw bħala tali fid-deskrizzjoni tal-pożizzjoni li l-kap tad-diviżjoni tagħha kien għadu ma aġġornax lejn iktar kompiti ta’ komunikazzjoni, dan ma kellux influwenza fuq il-possibbiltà għall-ASKK li tiddeċiedi, bħalma għamlet, li tneħħi l-pożizzjoni li hija kienet tokkupa minħabba li din it-tneħħija kienet tinvolvi l-inqas impatt operattiv fuq il-funzjonament tal-Aġenzija.

88      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura li għandha l-AFE

 L-argumenti tal-partijiet

89      Sabiex issostni l-eżistenza ta’ ksur mill-ASKK tad-dmir ta’ premura tagħha lejha u filwaqt li tirrikonoxxi li l-interess tas-servizz jipprevali fuq dak tal-uffiċjal, ir-rikorrenti ssostni li l-interess tagħha jmissu mill-inqas ittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tagħha. Hija ssemmi wkoll l-istagħġib tagħha fir-rigward tar-riferiment, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha, għas-sentenza AI vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (EU:F:2012:97), ġaladarba hija ma werietx raġunijiet ta’ insodisfazzjoni lill-ASKK, liema fatt huwa kkorroborat biċ-ċirkustanza li hija ġiet promossa f’Settembru 2013. Hija tikkonkludi li, billi ddeċidiet li ma ġġeddidx il-kuntratt tagħha biss minħabba l-fatt li l-pożizzjoni tagħha ma baqgħetx fis-seħħ, mingħajr lanqas ma analizzat il-merti tagħha bħala membru tal-persunal temporanju u lanqas ma eżaminat il-possibbiltà li tiġi ttrasferita lejn pożizzjoni oħra, l-ASKK kisret id-dmir ta’ premura tagħha peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi li jikkonċernaw ir-rikorrenti.

90      L-AFE titlob sabiex il-motiv jiġi miċħud, filwaqt li tikkonstata l-fatt li ma eżaminatx il-possibbiltà li tittrasferixxi lir-rikorrenti lejn pożizzjoni oħra peress li, bil-kontra, id-Direttur Eżekuttiv eżamina din il-possibbiltà iżda kien ikkonstata l-assenza ta’ ħolqien, fil-futur qarib, ta’ pożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet AST bħalma eżamina l-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti lejn l-impjieg preċedenti tagħha. Billi għamel dan, id-Direttur Eżekuttiv mar lilhinn mill-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza AI vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (EU:F:2012:97). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti baqgħet ma pprovatx liema funzjonijiet kienu disponibbli fi ħdan l-Aġenzija sabiex il-kuntratt tagħha jkun jista’ jiġi mġedded, f’dan il-każ għal żmien indeterminat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

91      Għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 8 tal-KIO jipprevedi l-possibbiltà ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, dan ma huwiex każ ta’ dritt, iżda sempliċi possibbiltà li taqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita diġà mfakkra preċedentement, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, madankollu bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz (sentenzi Nebe vs Il‑Kummissjoni, 176/82, EU:C:1983:214, punt 18; Lux vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 69/83, EU:C:1984:225, punt 17, u Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, EU:T:2008:438, punt 30).

92      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li huwa previst għall-uffiċjali, ma jeżistix dritt ta’ prijorità tal-membru tal-persunal temporanju, impjegat għal żmien determinat u li l-kuntratt tiegħu jiskadi, li jippermettilu, wara tmiem l-impjieg tiegħu, li jiġi reintergrat fi kwalunkwe impjieg ieħor tal-istess grupp ta’ funzjonijiet li jsir vakanti jew li jkun inħoloq fl-istituzzjoni jew fl-aġenzija li kienet impjegatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETF vs Michel, T‑108/11 P, EU:T:2013:625, punt 88).

93      Skont id-dmir ta’ premura, l-awtorità kompetenti għandha madankollu l-obbligu, meta tevalwa l-interess tas-servizz bil-għan li tadotta deċiżjoni dwar it-tiġdid jew le ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali ta’ dan tal-aħħar ma jistax jasal sabiex jipprojbixxi lill-imsemmija awtorità milli ma ġġeddidx kuntratt għal żmien determinat minkejja l-oppożizzjoni ta’ dan il-membru tal-persunal, ġaladarba l-interess tas-servizz jirrikjedi dan (sentenza Klug vs EMEA, F‑35/07, EU:F:2008:150, punt 79). Barra minn hekk, fil-każ ta’ aġenzija, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari li fih l-aġenziji tal-Unjoni ġeneralment joperaw, b’mod partikolari kkaratterizzat bil-fatt li huma għandhom numru limitat ta’ persunal u b’restrizzjonijiet operattivi speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punti 97 u 100).

94      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tiżvelax formalment ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija ġiet adottata. Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta li l-ASKK ħadet inkunsiderazzjoni l-interess tar-rikorrenti li l-kuntratt tagħha jiġi mġedded, f’dan il-każ għal żmien indeterminat. F’din il-perspettiva, hija spjegat li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tassenja mill-ġdid lir-rikorrenti għal impjieg ieħor vakanti jew li kellu jsir vakanti f’futur qarib.

95      Għaldaqstant, u barra minn hekk, f’kuntest ta’ rekwiżiti politiċi globali li għandhom l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li jnaqqsu gradwalment u ta’ kull sena l-persunal tagħhom, l-ASKK ma tistax tiġi kkritikata li injorat il-prinċipju ta’ premura billi ma pproċedietx, minħabba t-tneħħija ta’ pożizzjonijiet fil-baġit tagħha, fosthom il-pożizzjoni okkupata mill-parti kkonċernata, għal tiġdid għal żmien indeterminat tal-impjieg tar-rikorrenti.

96      Dan jgħodd iktar meta, fi kwalunkwe każ, ir-rapporti tas-servizz tal-membru tal-persunal ikkonċernat ma jiżvelawx merti partikolari fl-eżekuzzjoni tal-kompiti attribwiti reċentement. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza invokata mill-ASKK fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, anki jekk b’mod sekondarju, jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali ta’ membru tal-persunal, li s-servizzi professjonali tiegħu tqiesu li kienu insuffiċjenti, ma jistax iwassal sabiex l-awtorità kompetenti tiġi pprojbita milli ma ġġeddidlux il-kuntratt tiegħu għal żmien determinat minkejja l-oppożizzjoni ta’ dan il-membru tal-persunal, meta l-interess tas-servizz jirrikjedi dan (sentenzi Klug vs EMEA, EU:F:2008:150, punt 79; AI vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, EU:F:2012:97, punti 167 u 168, u Solberg vs OEDT, EU:F:2013:157, punt 45).

97      Issa, f’dan il-każ, anki jekk l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-RŻK tar-rikorrenti għas-sena 2012 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn dan ġie stabbilit wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mid-dokumenti pprovduti mill-Aġenzija jirriżulta li l-prestazzjonijiet tar-rikorrenti ma kinux jiżvelaw merti partikolari, jew saħansitra ma kinux jissodisfaw dak li kien qed jistenna s-superjur ġerarkiku mill-parti kkonċernata. Għaldaqstant, il-fatt li r-rapporti tas-servizz tar-rikorrenti ma kinux iktar sodisfaċenti seta’ jikkostitwixxi, hekk kif sostniet l-Aġenzija, raġuni addizzjonali, flimkien ma’ dak espost fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, sabiex il-pożizzjoni li hija kienet tokkupa tiġi kkunsidrata bħala waħda miż-żewġ pożizzjonijiet li kellhom jitneħħew sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti baġitarji u, b’hekk, sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha.

98      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

99      Peress li ebda wieħed mit-tliet motivi tar-rikorrenti ma jista’ jintlaqa’, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-imsemmija regoli parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

101    Mill-motivi msemmija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, l-AFE talbet espressament li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-każ jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, ġaladarba l-Aġenzija setgħet mexxiet il-proċedura relatata mat-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti b’mod iżjed diliġenti u trasparenti. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li l-AFE tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u għandha tiġi kkundannata tbati nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż sostnuti minn KE.

3)      KE għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Van Raepenbusch

Perillo

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Settembru 2014.

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

       President


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Konformement mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, informazzjoni li tirrigwarda l-identità tal-partijiet tneħħiet fil-verżjoni pubblika tad-digriet permezz ta’ deċiżjoni tar-Reġistratur.