Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Kehl (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Lulju 2019 – Proċeduri kriminali kontra FU

(Kawża C-554/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Kehl

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

Staatsanwaltschaft Offenburg

kontra

FU

Domandi preliminari

L-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat is-setgħa li jikkontrollaw l-identità ta’ kwalunkwe persuna, ġewwa żona ta’ 30 km mill-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru ma’ Stati Membri oħra li huma parti mill-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 sabiex jipprevjenu jew iwaqqfu d-dħul jew ir-residenza illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew sabiex jipprevjenu ċerti reati kriminali li jippreġudikaw is-sigurtà tal-fruntiera, indipendentement mill-aġir tal-persuna kkonċernata u mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari? Din il-leġiżlazzjoni hija kkompletata permezz ta’ digriet ministerjali li jipprevedi kif ġej:

“a)    Il-kriminalità transkonfinali sseħħ b’mod dinamiku (fuq livell ta’ żmien u ta’ post u bl-użu ta’ diversi mezzi ta’ trasport) u teżiġi għaldaqstant kompetenzi iktar flessibbli tal-pulizija għall-ġlieda kontriha. L-eżerċizzju tal-imsemmija kompetenzi huwa intiż, fl-aħħar mill-aħħar, għall-prevenzjoni jew għat-twaqqif tal-kriminalità transkonfinali.

b)    Il-miżuri ta’ kontroll għandhom jiġu eżegwiti fil-kuntest iddelimitat b’mod strett mill-imsemmija kriterji tal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Huma għandhom jiġu maħsuba b’mod li jkunu distinti b’mod ċar mill-kontrolli sistematiċi tal-persuni mwettqa fil-fruntieri esterni u ma għandux ikollhom l-istess effett bħall-kontrolli fil-fruntieri. L-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ kontroll għandha, min-naħa tagħha, tibqa’ f’kuntest partikolari sabiex jiġi ggarantit li l-imsemmija miżuri ma jkunux, fuq il-livell ta’ intensità u ta’ frekwenza, l-istess bħal kontrolli ta’ qsim fuq il-fruntieri.

c)    Dan il-kuntest huwa ddelimitat kif ġej:

Il-miżuri ta’ kontroll ma għandhomx isiru fuq bażi permanenti, iżda għandhom isiru b’mod irregolari, f’ħinijiet differenti, f’postijiet differenti u b’mod sporadiku b’teħid inkunsiderazzjoni tal-volum tat-traffiku.

Il-miżuri ta’ kontroll ma għandhomx jitwettqu biss fil-waqt ta’ qsim tal-fruntieri. Huma għandhom jitwettqu abbażi ta’ għarfien tas-sitwazzjoni li jiġi aġġornat b’mod kontinwu u/jew abbażi tal-esperjenza li l-pulizija (tal-fruntieri) tiżviluppa abbażi tal-informazzjoni tagħha stess rigward is-sitwazzjoni jew abbażi ta’ informazzjoni ta’ awtoritajiet oħra. Għaldaqstant, l-informazzjoni tal-pulizija ġenerali jew konkreta u/jew l-esperjenza rigward il-kriminalità transkonfonfinali, pereżempju dwar mezzi u rotot ta’ trasport użati b’mod spiss, ċerti modi ta’ aġir, u l-analiżi ta’ informazzjoni disponibbli dwar il-kriminalità transkonfinali, li ġejja mis-sorsi tagħhom stess jew minn awtoritajiet oħra jikkostitwixxu l-punt ta’ tluq għall-eżerċizzju tal-miżuri tal-pulizija kif ukoll għall-intensità u għall-frekwenza tagħhom.

Il-forma li jieħdu l-miżuri ta’ kontroll hija s-suġġett ta’ sorveljanza ġerarkika u teknika regolari. Ir-regoli ġenerali jinsabu fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Gemeinsamen Geschäftsordnung der Bundesministerien (ir-Regolament Intern Komuni tal-Ministeri Federali) u fil-Grundsätzen zur Ausübung der Fachaufsicht der Bundesministerien über den Geschäftsbereich (il-Prinċipji Rigward l-Eżerċizzju tas-Sorveljanza Teknika tal-Attività tal-Ministeri Federali). Għall-pulizija federali, dawn jiġu kkonkretizzati permezz tal-Ergänzenden Bestimmungen zur Ausübung der Dienst- und Fachaufsicht des BMI über die Bundespolizei (id-Dispożizzjonijiet Komplementari dwar l-Eżerċizzju tas-Sorveljanza Ġerarkika u Teknika tal-Ministeru Federali tal-Intern fuq il-Pulizija Federali). Il-Bundespolizeipräsidium (id-Direttorat tal-Pulizija Federali) u l-awtoritajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu stabbilixxew il-modalitajiet għall-eżekuzzjoni tas-sorveljanza ġerarkika u teknika fl-organigrammi tagħhom u implimentawha skont l-approċċi tagħhom stess.

d)    Sabiex jiġu evitati kontrolli ripetuti, il-miżuri ta’ kontroll għandhom jiġu kkoordinati kemm jista’ jkun mal-awtoritajiet l-oħra jew għandhom jiġu eżegwiti fil-kuntest ta’ operazzjonijiet jew ta’ kooperazzjonijiet konġunti.”

2.    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TFUE, l-Artikolu 197(1) TFUE u l-Artikolu 291(1) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi awtomatikament jew wara tweżin bejn l-interessi tal-prosekuzzjoni u l-interessi tal-akkużat, l-użu ta’ informazzjoni jew ta’ provi fi proċeduri kriminali, meta dawn tal-aħħar ikunu nġabru waqt kontroll tal-pulizija tal-persuna akkużata li jkun ġie eżegwit bi ksur tal-Artikolu 67(2) TFUE jew tal-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament 2016/399?

____________

1 ĠU 2016, L 77, p. 1.