Language of document : ECLI:EU:C:2020:495

Kawża C36/20 PPU

Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali)

(talba għal deċiżjoni preliminari,
mressqa mill-Juzgado de Instrucción de San Bartolomé de Tirajana)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 6 – Aċċess għall-proċedura – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali sabiex tirreġistra tali applikazzjonijiet – Applikazzjoni magħmula lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu tali applikazzjonijiet iżda li ma għandhomx, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenza sabiex jirreġistrawhom – Kunċett ta’ ‘awtoritajiet oħra' – Artikolu 26 – Detenzjoni – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 8 – Detenzjoni tal-applikant – Raġunijiet għad-detenzjoni – Deċiżjoni li qiegħdet applikant f’detenzjoni minħabba nuqqas ta’ post ta’ akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali iżda li ma għandhomx kompetenza sabiex jirreġistrawhom – Kunċett – Qorti istruttorja adita sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, premessi 8, 20, 25 u 26 u Artikolu 6(1) u (2))

(ara l-punti 55 sa 65, 67, 68, u d-dispożittiv 1)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali iżda li ma għandhomx kompetenza sabiex jirreġistrawhom – Obbligi – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari għandhom jiġu informati bil-modalitajiet ta’ kif tiġi ppreżentata tali applikazzjoni – Trażmissjoni tal-fajl lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  2013/32, premessi 18, 27 u 28 u Artikoli 6(1)u (2) u 8(1), u 2013/33, Artikolu 17)

(ara l-punti 70 sa 83, u d-dispożittiv 2)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Mument tal-kisba tal-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali – Mument meta ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Assenza ta’ formalità amministrattiva

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, premessa 27u Artikoli 2(b) u (c), 3(1) u 6(1) sa (4), u 2013/33, Artikolu 2(a) u (b) u 3(1))

(ara l-punti 86 sa 93)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Kamp ta' applikazzjoni ratione personae – Applikant għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2013/32 – Esklużjoni

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, premessa  9 u Artikolu 2(1), 2013/32, Artikoli 6(1) u 26(1) u 2013/33, Artikolu 8(1))

(ara l-punti 95, 97, 98)

5.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Detenzjoni – Motivi – Impossibbiltà li tinstab, għal applikant għal protezzjoni internazzjonali, akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja – Raġuni differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 6; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 6(1) u 26, u 2013/33, premessi 15 u 20 u Artikoli 8, 9, u 18(9)(b)).

(ara l-punti 99 sa 107, 112, u d-dispożittiv 3)

Sunt

L-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom jagħtu deċiżjoni dwar it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari jistgħu jirċievu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u għandhom jinformaw lill-persuna kkonċernata bil-modalitajiet konkreti ta’ kif tiġi ppreżentata tali applikazzjoni. Il-persuna li tkun uriet ir-rieda tagħha li titlob il-protezzjoni internazzjonali quddiem awtoritajiet kompetenti sabiex jirċievu din l-applikazzjoni ma tistax titqiegħed f’detenzjoni minħabba li ma jkunx hemm postijiet suffiċjenti f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja.

Fis-sentenza Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (C‑36/20 PPU), mogħtija fil-25 ta’ Ġunju 2020 fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (PPU), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti istruttorja adita sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘proċeduri'”), li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minkejja li ma jkollhomx il-kompetenza, taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jirreġistrawhom. Għal dan il-għan, qorti istruttorja hija obbligata tinforma lill-applikant dwar il-modalitajiet konkreti ta’ kif tiġi ppreżentata tali applikazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li jkun impossibbli li tinstab akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja ma jistax jiġġustifika t-tqegħid ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni.

Fit-12 ta’ Diċembru 2019, dgħajsa li abbord kellha 45 ċittadin ta’ pajjiżi terzi, fosthom VL, ċittadin tal-Mali, ġiet interċettata mill-awtorità ta’ salvataġġ marittimu Spanjola qrib il-Gżira tal-Gran Canaria (Spanja), fejn ittieħdu l-imsemmija ċittadini. L-għada, awtorità amministrattiva ordnat it-tneħħija ta’ dawn iċ-ċittadini u ressqet talba quddiem il-Juzgado de Instrucción nº 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana, Spanja) sabiex jitqiegħdu f’ċentru ta’ detenzjoni. Wara li din il-qorti informatu bid-drittijiet tiegħu, VL għarrafha bl-intenzjoni tiegħu li jitlob protezzjoni internazzjonali. Minħabba nuqqas ta’ postijiet suffiċjenti f’ċentri ta’ akkoljenza umanitarja, din l-istess qorti ordnat li VL jitqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni għall-barranin, fejn kellha tiġi ttrattata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. VL imbagħad ressaq rikors, quddiem l-imsemmija qorti, kontra d-deċiżjoni li jitqiegħed f’detenzjoni, minħabba li din kienet inkompatibbli mad-Direttiva “proċeduri” kif ukoll mad-Direttiva 2013/33 (2) (iktar ’i quddiem id-“Direttiva ‘akkoljenza'”). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, din il-qorti għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk hija taqax taħt il-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “proċeduri” u, għaldaqstant, jekk hija kinitx tista’ tirċievi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Hija saqsiet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità tat-tqegħid ta’ VL f’detenzjoni.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra” li x’aktarx jirċievu [applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari l-għażla tal-aġġettiv “oħra”, tixhed ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jżomm kunċett wiesa’ tal-awtoritajiet li, mingħajr ma jkunu kompetenti sabiex jirreġistraw tali applikazzjonijiet, ikunu madankollu jistgħu jirċevuhom. Din l-espressjoni tista’, għaldaqstant, tkopri kemm l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll dawk ġudizzjarji. Din il-konstatazzjoni hija kkorraborata minn interpretazzjoni kuntestwali tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva “proċeduri” huwa li jiġi ggarantit aċċess effettiv, jiġifieri aċċess faċli kemm jista’ jkun, għall-proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Issa, jekk awtorità ġudizzjarja tiġi pprojbita milli tirċievi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, dan jostakola t-twettiq ta’ dan il-għan, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda proċeduri mħaffa ħafna, li fihom is-smigħ tal-applikant minn qorti jista’ jkun l-ewwel okkażjoni sabiex jiġi invokat id-dritt li jagħmel tali applikazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li qorti istruttorja adita sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari għall-finijiet tar-refoulement tiegħu, tinsab fost l-“awtoritajiet oħra” li jkunu jistgħu jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-obbligi imposti fuq tali qorti istruttorja fil-kwalità tagħha ta’ “awtorità oħra”. Hija kkonstatat li mit-tieni u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “proċeduri” jirriżulta, minn naħa, li din il-qorti hija obbligata tipprovdi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali informazzjoni dwar il-modalitajiet konkreti ta’ kif tiġi ppreżentata tali applikazzjoni. Għaldaqstant, din il-qorti tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva meta tieħu l-inizjattiva li tinfoma lil ċittadin ta’ pajjiż terz bid-dritt li għandu li jitlob protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, meta ċittadin ikun wera r-rieda tiegħu li jagħmel tali applikazzjoni quddiem qorti istruttorja, din għandha tittrażmetti l-fajl lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni sabiex dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika mill-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u ta’ kura tas-saħħa previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva “akkoljenza”.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà tat-tqegħid ta’ VL f’detenzjoni mad-Direttivi “proċeduri” u “akkoljenza”. Hija l-ewwel nett irrilevat li minn dawn id-direttivi jirriżulta li għandha tingħata tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “applikant għal protezzjoni internazzjonali” biex b’hekk ċittadin ta’ pajjiż terz jikseb din il-kwalità mill-mument li jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, barra minn hekk, li l-azzjoni li “ssir” tali applikazzjoni ma teħtieġ ebda formalità amministrattiva. Għaldaqstant, il-fatt li tali ċittadin juri r-rieda tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra”, bħal qorti istruttorja, huwa biżżejjed sabiex jagħtih il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mid-data li fiha VL għamel l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, il-kundizzjonijiet għad-detenzjoni tiegħu saru rregolati mill-Artikolu 26(1) tad-Direttiva “proċeduri” kif ukoll mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “akkoljenza”. Minn qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux iqiegħdu persuna f’detenzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li tkun applikant għal protezzjoni internazzjonali u li r-raġunijiet u l-kundizzjonijiet għad-detenzjoni kif ukoll il-garanziji mogħtija lill-applikanti mqiegħda f’detenzjoni għandhom ikunu konformi mad-Direttiva “akkoljenza”. Issa, sa fejn l-lewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva tal-aħħar jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw tqegħid f’detenzjoni u sa fejn il-fatt li jkun impossibbli li tinstab akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja għal applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jikkorrispondi għal ebda wieħed mis-sitt raġunijiet għal detenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, it-tqegħid f’detenzjoni ta’ VL kien imur, fil-każ ineżami, kontra r-rekwiżiti tad-Direttiva “akkoljenza”.


1       Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


2  Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).