Language of document : ECLI:EU:F:2011:29

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Marzu 2011

Kawża F-104/09

Diego Canga Fano

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2009 — Deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Canga Fano jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġix promoss għall-grad AD 13 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009 u l-kundanna tal-Kunsill sabiex iħallsu s-somma ta’ EUR 200 000 bħala kumpens għad-danni morali u professjonali li allegatament ġarrab.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura

1.      Is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li huma kandidati għal promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u inkonformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsiru fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli.

F’dan ir-rigward, filwaqt li tiġi mħarsa l-effettività li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, żball fl-evalwazzjoni tal-merti ta’ uffiċjal mhux promoss ikun manifest meta jkun jista’ jiġi pperċepit b’mod faċli u jkun jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 53

2.      Ir-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali ma jistabbilixxux li l-evalwaturi għandhom jiddeċiedu dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-uffiċjal evalwat jistħoqqlux promozzjoni. Meta l-evalwaturi jieħdu l-inizjattiva li jirrakkomandaw promozzjoni għal xi membru partikolari tal-unità tagħhom, huma jkunu qegħdin jesprimu l-opinjoni tagħhom li b’ebda mod ma tista’ torbot lill-Awtorità tal-Ħatra, u dan sa fejn il-promozzjoni tista’ tingħata biss wara eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha ta’ istituzzjoni li jistgħu jiġu promossi għall-istess grad. Għaldaqstant, minn naħa, tali evalwazzjonijiet ma jistax ikollhom l-istess piż bħal dawk li jirriżultaw mill-elementi li l-evalwatur huwa obbligat jevalwa. Min-naħa l-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tippromwovi uffiċjal meta tikkunsidra li dan ikun ġustifikat, u dan anki fin-nuqqas ta’ kummenti favur promozzjoni fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu.

(ara l-punt 60)