Language of document : ECLI:EU:F:2014:230

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

30 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑37/14

Priit Ojamaa

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Awtorità tal-Ħatra – Att li jikkawża preġudizzju – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu P. Ojamaa jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament Ewropew irrifjuta li jilqa’ t-talba tiegħu għat-trasferiment ta’ ġranet ta’ leave li ma ttiħdux fis-sena 2012, għall-2013, lil hinn mil-limitu ta’ tnax-il jum.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. P. Ojamaa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tista’ titqies bħala Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu għall-amministrazzjoni li tindika r-rimedji ġudizzjarji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors – Assenza

1.      Sabiex att ikun jista’ jikkwalifika bħala li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm bżonn li dan ikun ġie adottat mill-Awtorità tal-Ħatra jew fuq delega tagħha. Din hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jqajjem ex officio.

F’dan ir-rigward, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalità tal-awtorità li tindirizza l-att ikkontestat u tal-fatt li, fuq ilment, l-Awtorità tal-Ħatra tikkonferma dan l-att, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi kkritikata li aġixxiet kontra l-imsemmi att billi bi żball tqis li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-awtorità kompetenti.

(ara l-punti 20 u 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Gerin vs Il-Kummissjoni, 806/79, EU:C:1980:264, punt 4, u Erdini vs Il-Kunsill, 65/83, EU:C:1984:24, punt 7

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Devillez et vs Il-Parlament, T-46/90, EU:T:1993:54, punt 13

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Pedeferri et vs Il-Kummissjoni, F-57/10, EU:F:2011:104, punt 14

2.      Ebda dispożizzjoni espressa tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq l-istituzzjonijiet obbligu ġenerali li jinformaw lid-destinatarji tal-atti bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli u lanqas bit-termini li fihom huma jistgħu jiġu eżerċitati u din l-assenza ta’ informazzjoni ma tista’ twassal għal ebda żball skużabbli tar-rikorrent dwar ir-rimedji ġudizzjarji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet Braun-Neumann vs Il‑Parlament, T‑306/08 P, EU:T:2009:6, punt 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-84/11, EU:F:2012:160, punt 35