Language of document : ECLI:EU:F:2014:92

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑17/13

Patricia Cocco

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Sejħa għal espressjoni ta’ interess EPSO/CAST/02/2010”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu P. Cocco titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2012 li tiċħad it-talba tagħha li tiġi rreklutata bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III, kif ukoll il-kumpens għad-dannu li ġarrbet.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-25 ta’ April 2012, li tirrifjuta li tirrekluta lil P. Cocco bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III hija annullata. Ir-rikors huwa miċħud Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn P. Cocco.

Sommarju

Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali — Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ — Interpretazzjoni ta’ testi tal-Unjoni — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(2)(b))

L-amministrazzjoni tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddetermina jekk l-esperjenza professjonali preċedenti ta’ kandidat tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bil-għan tar-reklutaġġ tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III, iżda l-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għandu jsir b’mod partikolari b’osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

Fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. Madankollu, meta leġiżlatur u l-awtorità amministrattiva jużaw, fl-istess test ta’ portata ġenerali, żewġ termini distinti, raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali jipprekludu li jingħataw l-istess portata. Dan japplika a fortiori fejn dawn it-termini jfissru affarijiet differenti b’lingwaġġ ta’ kuljum. Bħalma huwa preċiżament il-każ tal-aġġettivi “xieraq” u “ekwivalenti”. Fis-sens tas-soltu tiegħu, l-aġġettiv “xieraq” ifisser “adattat għal użu determinat”. Kuntrarjament, l-aġġettiv “ekwivalenti” jfisser “tal-istess valur” u għaldaqstant għandu sens iktar limitat.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jimponi, li fin-nuqqas ta’ diploma li tiċċertifika livell ta’ tagħlim ogħla, jew esperjenza professjonali xierqa, meta l-persuna kkonċernata tkun segwiet livell ta’ tagħlim sekondarju ċċertifikat minn diploma li tagħti aċċess għal tagħlim ogħla, jew, jekk dan ma jkunx il-każ, ta’ taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kandidat għal reklutaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjonijiet III għandu jkollu esperjenza ta’ tliet snin li tkun adatta għall-funzjonijiet li għandhom jitwettqu, għalkemm mhux neċessarjament ekwivalenti għalihom.

(ara l-punti 26, 30, 32, 33 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, punt 12

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, punt 70

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ottubru 2010, Fares vs Il-Kummissjoni, F‑6/09, punti 38 u 39; 10 ta’ Marzu 2011, Begue et vs Il-Kummissjoni, F‑27/10, punt 40; 25 ta’ Settembru 2013, Marques vs Il-Kummissjoni, F‑158/12, punti 21 sa 23