Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Mureş (ir-Rumanija) fis-27 ta’ Mejju 2020 – Sindicatul Lucrătorilor din Transporturi, TD vs SC Samidani Trans SRL

(Kawża C-218/20)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumanija

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Mureş

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sindicatul Lucrătorilor din Transporturi, TD

Konvenuta: SC Samidani Trans SRL

Domandi preliminari

Interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) 1 [:] l-għażla tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol individwali teskludi l-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat normalment ikun eżerċita l-attività tiegħu jew l-eżistenza tal-għażla tal-liġi applikabbli teskludi l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(l) ta’ dan ir-regolament?

Interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 593/2008: is-salarju minimu applikabbli fil-pajjiż li fih l-impjegat normalment ikun eżerċita l-attività tiegħu huwa dritt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament?

Interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 593/2008: l-indikazzjoni fil-kuntratt ta’ xogħol individwali tad-dispożizzjonijiet tal-Codul muncii (il-Kodiċi tax-Xogħol, ir-Rumanija) huwa ekwivalenti għall-għażla tal-liġi Rumena, f’sitwazzjoni fejn huwa magħruf li fir-Rumanija l-persuna li timpjega tiddetermina l-kontenut tal-kuntratt ta’ xogħol individwali?

____________

1     Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).