Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Frar 2012 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-52/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias u S. Papaioannou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla jew tibdel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 dwar l-għajnuna kumpensatorja mogħtija lill-Organismos ellinkon georgikon asfaliseon (Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola, iktar 'il quddiem l-"ELGA") matul l-2008 u 2009, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-Repubblika Ellenika qed titlob l-annullament tad- Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta' Diċembru 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C 3/2010 u l-għajnuna kumpensatorja mogħtija mill-ELGA matul l-2008 u l-2009, innotifikata bid-dokument numru C(2011) 7260 finali.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-UE interpretat u applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108 TFUE flimkien ma' dawk tal-Liġi Nru 1790/1988 2 li jirregolaw l-ELGA u evalwat b'mod żbaljat il-fatti, peress li l-pagamenti kollha tas-sena 2009 (EUR 415 019 452) kienu jikkostitwixxu kumpens leġittimu għad-danni kkawżati lill-produzzjoni agrikola u lill-bhejjem mill-kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena li seħħew fl-2007 u fl-2008 u li l-ELGA, fil-kapaċità tagħha bħala organizzazzjoni speċjali tas-sigurtà soċjali, kellha l-obbligu li tikkumpensa fl-ambitu tas-sistema ta' kopertura assigurattiva obbligatorja tal-produzzjoni agrikola.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li hemm żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u ksur tad-forom proċedurali sostanzjali, peress li l-UE, abbażi ta' interpretazzjoni żbaljata tal-fatti u raġunijiet insuffiċjenti u/jew ineżistenti, waslet għall-konklużjoni li l-pagamenti tal-2009 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali, peress li ma humiex iġġustifikati min-natura u s-sistema ta' assigurazzjoni obbligatorja tal-ELGA, ikkostitwixxew vantaġġ ekonomiku għall-benefiċjarji tal-pagamenti u heddew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li saret interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, billi l-Kummissjoni, illegalment u fi kwalunkwe każ b'nuqqas ta' motivazzjoni, inkludiet fl-ammonti li għandhom jiġu rkuprati bħala għajnuna mill-Istat illegali s-somma ta' EUR 186 011 000.60 li rrappreżentat il-kontribuzzjonijiet mandatorji speċjali mħallsa mill-bdiewa nfushom fl-2008 u 2009 fil-kuntest tal-assigurazzjoni obbligatorja ta' ELGA u li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali, iżda kienu riżorsi privati, u konsegwentement dan l-ammont kellu jitnaqqas mill-irkupru finali.

Permezz tar-raba' motiv ta' annullament, ir-rikorrenti tafferma li l-UE interpretat u applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u indebitament eżerċitat id-diskrezzjoni li hija għandha fl-ambitu tal-għajnuna mill-Istat, minħabba li pagamenti tal-2009 kellhom jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq domestiku minħabba l-gravità manifesta tad-disturb ekonomiku tas-setturi kollha tal-ekonomija Griega u l-validità ta' dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-UE ma tistax tiddependi fuq id-dħul fis-seħħ ta' komunikazzjoni tal-UE, bħall-Qafas Komunitarju Temporanju.

Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, madankollu, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-UE kisret l-Artikoli 39, 107(3)(b), u 296 TFUE u l-prinċipji ġenerali ta' trattament ugwali, ta' proporzjonalità, tal-aspettattivi leġittimi, tal-libertà ekonomika u tar-regoli tal-kompetizzjoni, minħabba l-eċċezzjoni mhux iġġustifikata u mhux immotivata u n-nuqqas ta' implementazzjoni tal-Qafas Komunitarju Temporanju fis-seħħ mis-17 ta' Diċembru 2008 għal kumpanniji li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli, kif kien fis-seħħ għall-impriżi kollha l-oħra fis-setturi kollha l-oħra tal-ekonomija Komunitarja.

Permezz tas-sitt motiv tal-annullament tagħha, ir-rikorrenti ssostni li bid-deċiżjoni kkontestata, l-UE evalwat u kkalkulat b'mod żbaljat l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati, peress li ma naqsitx l-għajnuna de minimis, ipprovduta fir-Regolamenti Nru 1860/2004  u Nru 1535/2007  dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd.

Permezz tas-seba' motiv tal-annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-UE, bl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida dwar għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013, billi wettqet żball fl-evalwazzjoni diskrezzjonali u fl-istess ħin billi ppreżentat motivazzjonijiet b'nuqqasijiet u kontradittorji, ikkunsidrat li l-kumpens imħallas fl-2008 għal danni lill-produzzjoni agrikola kkawżati minn orsijiet, ekwivalenti għal 100% tal-ammont ta' għajnuna, huwa kompatibbli mas-suq intern biss bil-perċentwali ta' 80%.

____________

1 - ) Liġi Nru 1790/1988 dwar l-"organizzazioni u funzjonament tal-Organizzazzjoni Griega tal-assigurazzjoni agricola u dispożizzjonijiet oħra", (FEK A' 134/20.06.1988)

2 - ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004, tas-6 ta' Ottubru 2004, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd

3 - ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta' Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli