Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Jannar 2011 - Descamps vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-2/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Eric Descamps (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u A. Blot, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjoni li jitkeċċa r-rikorrent fit-tmiem tal-perijodu ta' prova tiegħu, kif ukoll kumpens għad-dannu li ħolqitlu din id-deċiżjoni.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni adottata fil-1 ta' Marzu 2010 mid-Direttur tad-Direttorat HR.B-Proċessi ċentrali RH 1: Karriera, Direttorat Ġenerali riżorsi umani u sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, fil-kwalità tiegħu ta' Awtorità tal-Ħatra, li ir-rikorrent jitkeċċa b'effett mill-31 ta' Marzu 2010;

jannulla, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni tal-24 ta' Settembru 2010, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent;

konsegwentement, jintegra mill-ġdid lir-rikorrent fil-funzjonijiet tiegħu fil-kwalità ta' uffiċjal b'effett mill-1 ta' April 2010 u tattribwilu l-ammont ta' remunerazzjoni li kellu jirċievi bħala uffiċjal minn din id-data, inklużi d-drittijiet relatati kollha (fosthom id-drittijiet tal-pernsjoni), li huwa jevalwa għas-somma stabbilita b'mod provviżorju u ex aequo et bono għal EUR 39 600;

jikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta' somma stabbilita b'mod provviżorju u ex aequo et bono għal EUR 10 000, bħala kumpens għad-dannu morali subit;

jikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-interessi moratorji fuq il-kapital dovut;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

____________