Language of document : ECLI:EU:C:2014:2081

Kawżi magħquda C‑141/12 u C‑372/12

YS
vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

u

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel
vs
M
u
S

(talbiet għal deċiżjoni preliminari
mressqa mir-Rechtbank Middelburget u mir-Raad van State)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 2, 12 u 13 — Kunċett ta’ ‘data personali’ — Portata tad-dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata — Data dwar l-applikant ta’ permess ta’ residenza u analiżi legali inklużi f’dokument amministrattiv preparatorju tad-deċiżjoni — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 8 u 41”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Lulju 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ data personali — Dokument preparatorju tad-deċiżjoni ta’ kisba ta’ permess ta’ residenza li jinkludi data dwar l-applikant u analiżi legali — Inklużjoni tad-data — Esklużjoni tal-analiżi legali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 2(a) u 12(b))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Interpretazzjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-data personali — Obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ deskrizzjoni tad-data fil-forma li tkun tinftiehem — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(b) u 12(a))

4.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi ġenerali jew ipotetiċi

(Artikolu 258 TFUE)

5.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal amministrazzjoni tajba — Dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha — Dritt li ma jistax jiġi invokat kontra l-Istati Membri

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(b))

1.        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data dwar applikant ta’ permess ta’ residenza li tinsab f’dokument amministrattiv li tesponi r-raġunijiet li l-uffiċjali jippreżenta insostenn tal-abbozz ta’ deċiżjoni li huwa inkarigat ifassal il-kuntest ta’ proċedura preliminari għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ tali permess u, jekk ikun il-każ, dik li tinsab fl-analiżi legali inkluża f’dan id-dokument, jikkostitwixxu data personali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-imsemmija analiżi, min-naħa l-oħra, ma tistax, fiha nnifisha, titqies li hija data personali.

Fil-fatt, tali analiżi legali ma tikkostitwixxix informazzjoni li tikkonċerna lill-applikant ta’ permess ta’ residenza, iżda l-iktar l-iktar, sa fejn ma tkunx limitata għal interpretazzjoni purament astratta tad-dritt, tikkostitwixxi informazzjoni li tirrigwarda l-evalwazzjoni u l-applikazzjoni, mill-awtorità kompetenti, ta’ dan id-dritt għas-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, sitwazzjoni li hija stabbilita b’mod partikolari permezz ta’ data personali dwar il-persuna stess li l-awtorità jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

Barra minn hekk, bil-kuntrarju għad-data dwar l-applikant ta’ permess ta’ residenza li tinsab f’tali dokument u li tista’ tikkostitwixxi l-bażi fattwali tal-analiżi legali inkluża fiha, tali analiżi ma tistax, fiha nnifisha, tkun is-suġġett ta’ verifika tal-eżattezza tagħha min-naħa ta’ dan l-applikant u ta’ rettifika skont l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-dritt ta’ aċċess tal-applikant ta’ permess ta’ residenza jiġi estiż għal din l-analiżi legali, fir-realtà ma jservix għall-għan tad-direttiva li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata ta’ dan l-applikant fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li tikkonċernah, iżda dak li jiġi żgurat lilu dritt ta’ aċċess għal dokumenti amministrattivi, liema dritt madankollu ma huwiex imsemmi fid-Direttiva 95/46.

(ara l-punti 38, 40, 45, 46, 48 u d-dispożittiv 1)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 54)

3.        L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u l-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza għandu dritt ta’ aċċess għad-data personali kollha li tikkonċernah li tkun qiegħda tiġi pproċessata mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva. Sabiex dan id-dritt ikun sodisfatt, huwa suffiċjenti li l-applikant ikun fil-pussess ta’ deskrizzjoni sħiħa ta’ din id-data f’forma li tkun tinftiehem, jiġifieri f’forma li tippermetti lil dan l-applikant li jsir jaf bl-imsemmija data u li jivverifika li din hija eżatta u pproċessata b’mod konformi ma’ din id-direttiva, sabiex l-imsemmi applikant ikun jista’, jekk ikun il-każ, jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmija direttiva.

Madankollu, sa fejn l-għan ta’ dan id-dritt ta’ aċċess jista’ jiġi kompletament sodisfatt minn forma oħra ta’ komunikazzjoni, il-persuna kkonċernata ma jistax ikollha la mill-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 u lanqas mill-Artikolu 8(2) tal-Karta, id-dritt li tikseb kopja tad-dokument jew tal-fajl oriġinali li fih tkun tinsab din id-data. Sabiex il-persuna kkonċernata ma tingħatax l-aċċess għal informazzjoni oħra li ma hijiex id-data personali li tikkonċernaha, din tista’ tikseb kopja tad-dokument jew tal-fajl oriġinali li fiha l-informazzjoni l-oħra tkun saret illeġibbli.

(ara l-punti 58, 60 u d-dispożittiv 2)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 63)

5.        L-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza ma jistax jinvoka d-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst minn din id-dispożizzjoni kontra l-awtoritajiet nazzjonali.

Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta ċarament li dan ma jindirizzax lill-Istati Membri iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni.

(ara l-punti 67, 69 u d-dispożittiv 3)