Language of document : ECLI:EU:F:2010:56

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2010

Kawża F-78/09

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Rimbors tal-ispejjeż — Eċċezzjoni ta’ rimedju parallel — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, illi l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas il-kumpens għad-dannu subit minnu minħabba r-rifjut min-naħa tagħha illi tirrimborsalu l-ispejjeż li jistgħu jinġabru illi huwa jallega li sostna fil-Kawża T‑18/04.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni — Talba li ma hijiex awtonoma fil-konfront tat-talbiet għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Proċedura — Spejjeż — Tassazzjoni — Suġġett

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 92(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni hija parti integrali mill-proċedura amministrattiva minn qabel li ssir qabel rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, it-talbiet għall-annullament ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu, meta mqabbla mat-talbiet għad-danni.

Fil-fatt, l-att li fih it-teħid tal-pożizzjoni tal-istituzzjoni matul il-fażi prekontenzjuża għandu biss l-effett illi jippermetti lill-parti li sostniet dannu sabiex tippreżenta talba għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

(ara l-punt 17)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni, T‑90/95, ĠabraSP p. I‑A‑471 u II‑1231, punt 45; 6 ta’ Marzu 2001, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑77/99, ĠabraSP p. I‑A‑61 u II‑293, punt 68; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑209/99, ĠabraSP p. I‑A‑243 u II‑1211, punt 32

2.      Il-proċedura speċifika stipulata fl-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex issir it-tassazzjoni tal-ispejjeż, hija esklużiva għall-ġbir tal-istess spejjeż, jew ta’ ammonti mħallsa għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ kawża dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

3.      B’hekk l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprekludi illi rikorrent jippreżenta, abbażi tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Persunal, rikors għad-danni illi, fir-realtà, għandu l-istess għan bħal talba għat-tassazzjoni tal-ispejjeż.

(ara l-punti 20 u 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑90/03, Ġabra p. II‑971, punt 297; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑70/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑423 u II‑A‑1‑2293, punti 17 u 18