Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fit-12 ta’ Mejju 2020 – M.P., B.P. vs “A.” li qed teżerċita negozju permezz ta’ “A.” S.A.

(Kawża C-212/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.P., B.P.

Konvenuta: “A.” li qed teżerċita negozju permezz ta’ “A.” S.A.

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 kif ukoll il-premessi tagħha, li jipprevedu obbligu li l-kuntratti jiġu redatti f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem kif ukoll il-ħtieġa li d-dubji jiġu interpretati b’mod li jkun favorevoli għall-konsumatur, klawżola kuntrattwali li tispeċifika r-rata ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ valuta barranija f’kuntratt ta’ kreditu indiċjat f’valuta barranija għandha tiġi redatta b’mod mhux ambigwu, jiġifieri b’mod li l-persuna li qed tissellef / il-konsumatur ikun jista’ b’mod indipendenti jiddetermina din il-valuta f’jum speċifiku, jew inkella, fid-dawl tat-tip ta’ kuntratt imsemmi fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, in-natura fit-tul (numru ta’ għexur ta’ snin) tal-kuntratt kif ukoll il-fatt li l-ammont tal-valuta barranija jinbidel konstantement (il-ħin kollu), huwa possibbli li d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jiġu redatti b’mod iktar ġenerali, b’mod partikolari billi jsir riferiment għall-valur fis-suq tal-valuta barranija sabiex ma jkunx hemm żbilanċ sinjifikanti bejn il-partijiet f’termini ta’ drittijiet u obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur kif ukoll il-premessi tagħha, huwa possibbli li d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt dwar id-determinazzjoni tar-rata ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ valuta barranija jiġu interpretati mill-parti li ssellef (il-bank) fis-sens li dubji dwar il-kuntratt jiġu riżolti b’mod li jkun favorevoli għall-konsumatur u li jiġi aċċettat li l-kuntratt jispeċifika r-rata ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ valuta barranija, mhux b’mod arbitrarju iżda skont suq liberu speċjalment fejn iż-żewġ partijiet jifhmu bl-istess mod il-klawżoli kuntrattwali li jispeċifikaw r-rata ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ valuta barranija jew fejn il-persuna li tissellef / il-konsumatur ma kienx interessat fid-dispożizzjoni kuntrattwali mqiegħda inkwistjoni meta ġie konkluż u eżegwit il-kuntratt, inkluż in-nuqqas ta’ għarfien tal-kontenut tal-kuntratt meta dan ġie konkluż u matul id-dewmien kollu tiegħu?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.