Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-441/17)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes u K. Herrmann, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”) 1 , peress li approvat anness mal-pjan ta’ ġestjoni forestali tad-distrett forestali ta’ Białowieża, mingħajr ma żgurat li dan ma jippreġudikax l-integralità tas-sit ta’ importanza Komunitarja (SIK) u ż-żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) PLC200004 Puszcza Białowieska;

tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitat u l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi”) 2 , billi naqset milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali tal-Anness I u tal-ispeċi tal-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitat, kif ukoll tal-għasafar tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi u tal-ispeċi migratorji li jirrikorru regolarment li ma humiex imsemmija fl-imsemmi anness, li fir-rigward tagħhom ġew indikati s-SIK u ż-ŻPS PLC200004 Puszcza Białowieska;

tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitat, billi naqset milli tiżgura protezzjoni stretta tal-ħanfus saprossiliku (Cucujus cinnaberinus, Buprestis splendens, Phryganophilus ruficollis u Pytho kolwensis) imsemmija fil-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat, jiġifieri ma pprojbitx il-qtil intenzjonat jew id-disturb tagħhom, id-deterjorazzjoni jew il-qirda tas-siti ta’ riproduzzjoni tagħhom fid-distrett forestali ta’ Białowieża;

tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, billi naqset milli tiżgura l-protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, jiġifieri t-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops Leucotos), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum) u l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), jiġifieri ma żguratx li ma jkunx hemm qtil jew disturb ta’ tali speċi matul il-perijodi ta’ tgħammir u ta’ trobbija u li ma jkunx hemm qirda, ħsara jew tneħħija ta’ bejtiet u bajd tagħhom fid-distrett forestali ta’ Białowieża;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B’riferiment għall-propagazzjoni tal-ħanfus tal-prinjol (Ips Typographus), il-ministeru Pollakk għall-ambjent approva, fil-25 ta’ Marzu 2016, anness għall-pjan ta’ ġestjoni forestali tal-2012 li kien jippermetti l-isfruttar triplu tal-foresta fid-distrett forestali ta’ Białowieża, jiġifieri minn 63 471 m3 għal 188 000 m3 bejn l-2012 u l-2021, kif ukoll it-twettiq tal-applikazzjoni ta’ ġestjoni forestali attiva li tikkonsisti fit-tneħħija ta’ siġar mejta jew moribondi li għandhom iktar minn mitt sena, inkluż, prinċipalment, prinjol okkupat mill-ħanfus tal-prinjol – hekk imsejjaħ żbir sanitarju, afforestazzjoni u restawrazzjoni. Dan l-anness jikkostitwixxi pjan fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat. L-integralità tad-distrett forestali ta’ Białowieża PLC200004 hija s-segwenti: il-karatteristika naturali tagħha u l-fatt li ma hijiex mimsuma mill-attività tal-bniedem, il-proporzjon għoli ta’ siġar qodma, li għandhom iktar minn mitt sena, inkluż numru kbir ta’ siġar mejta jew qiegħda (injam mejjet), u l-preżenza ta’ speċi tipiċi ta’ foresti naturali (ħanfus saprossiliku, tektieka s-siġar ta’ tliet swaba’, tektieka s-siġar dorsoblank, kokk nani u kokk ta’ Tengmalm). Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-attivitajiet li jseħħu fid-distrett forestali ta’ Białowieża jmorru kontra l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, peress li, qabel ma approvaw l-imsemmi anness, l-awtoritajiet Pollakki ma żgurawx li l-adozzjoni tiegħu ma jiksirx l-integralità tas-sit PLC200004 Puszcza Białowieska.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51 tad-direttur ġenerali tal-uffiċċju statali tal-Foresti fis-17 ta’ Frar 2017, beda xogħol fuq it-tneħħija ta’ siġar mejta u siġar okkupat mill-ħanfus tal-prinjoli mid-distretti forestali kollha (Białowieża, Browsk, Hajnówka), jiġifieri minn superfiċji totali ta’ 34 000 ettaru (is-superfiċji tal-foresta ta’ Białowieża hija ta’ 63 147 ettaru).

Il-Kummissjoni ssostni li l-pjanijiet ta’ azzjoni forestali għall-habitat 91D0 (foresta mistagħdra), għall-habitat 91E0 (foresta alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu) u fil-ħażniet li għandhom iktar minn mitt sena fil-habitat 9170 (foresta subkontinentali tal-ħarxajja, tal-ballut u tal-karpin) u għall-habitats tat-tektieka s-siġar dorsoblank, tat-tektieka s-siġar ta’ tliet swaba’, tal-kokk nani, tal-kokk ta’ Tengmalm, tal-kuċċardi, taż-żanżarell pitiross, taż-żanżarell tal-kullar, tal-ħamiem tal-barr u tal-ħanfus saprossiliku Cucujus Cinnaberinus, Boros Schneideri, Phryganophilus Ruficollis, Pytho Kolwensis, Rhysodes Sulctus u Buprestis Splendens, u t-tneħħija ta’ prinjol li għandu iktar minn mitt sena u sezzjonijiet ta’ siġar bħala parti miż-żieda fl-isfruttar tas-sit tal-foresta ta’ Białowieża PLC200004 li jirriżultaw mill-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-ministru Pollakk għall-ambjent tal-25 ta’ Marzu 2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 tad-direttur ġenerali tal-foresti statali tas-17 ta’ Frar 2017 jikkostitwixxu theddida potenzjali għall-habitats naturali u għall-habitats tal-annimali u tal-għasafar identifikati fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sit ta’ PLC200004 Puszcza Białowieska u jipprevjenu l-implementazjzoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni previsti f’dawn il-pjanijiet sabiex jiġi ppreservat is-sit PLC200004 Puszcza Białowieska, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitat.

Il-Kummissjoni tissottometti wkoll li l-pjanijiet ta’ azzjoni forestali deskritti iktar ’il fuq, implementati fuq il-bażi tal-anness u li jeqirdu l-habitat tal-ħniefes saprossiliċi li huma s-suġġett ta’ protezzjoni stretta, jipprevjenu l-adozzjoni ta’ miżuri prattiċi u speċifiċi maħsuba sabiex jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni għall-erba’ speċi ta’ ħanfus saprossiliku (Cucujus Cinnaberinus, Buprestis Splendens, Phryganophilus Ruficollis u Pytho Kolwensis) inklużi fl-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-pjanijiet ta’ azzjoni forestali deskritti iktar ’il fuq, implementati fuq il-bażi tal-anness, billi jeqirdu l-habitats tat-tektieka s-siġar dorsoblank (Dendrocopos leucotos), tat-tektieka s-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), tal-kokk nani (Glaucidium passerinum) u tal-kokk ta’ Tengmalm (Aegolius funereus) ma jissodisfawx l-obbligu li tiġi pprovduta protezzjoni effettiva għal dawn l-ispeċi ta’ għasafar, peress li la jipprevjenu l-qirda tal-bejtiet ta’ dawn l-għasafar, u lanqas id-disturb intenzjonat ta’ dawn l-għasafar.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

2 ĠU 2009, L 20, p. 7.